Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm jintefaq fis-sena f 'printing ta' materjal li jitqassam fid-djar maħruġ mid-Dipartiment tal-Informazzjoni? Jista' jipprovdi statement dettaljat sa mis-sena 2004 sal-aħħar materjal mqassam fl-2011?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li l-imsemmi materjal li jitqassam fid-djar huwa l-publikazzjoni ‘PAJJIŻNA.’
Ma kien hemm l-ebda ħarġa ta’ Pajjiżna bejn is-snin 2004 u 2008.
Fis-sena 2009 kien hemm dawn il-publikazzjonijiet:
Pajjizna Nru 50 li swiet €14,782.09
Pajjizna Nru 51. Din il-ħarġa tħallset mill-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew fil-Belt Valletta
Pajjizna Nru 52 li swiet €10,953.05
Pajjizna Nru 53 li swiet €13,293.69
Fl-2010 kien hemm ħarġa waħda ta’ Pajjiżna Nru. 54 u lid- DOI swietu €83.94 filwaqt li l-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali ħarġet is-somma ta’ €10,000.
Fl-2011 ħarġet edizzjoni oħra ta’ Pajjizna Nru 55 li swiet €5,168.01. €8,000 addizzjonali tħallsu mill-Awtorità ta' Malta dwar il-Komunikazzjoni.
Ġiet ippublikata ukoll ħarġa speċjali ta’ Pajjizna (Edizzjoni Specjali Għawdex). Din il-ħarġa tħallset mill-Uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari għall-Konsumaturi, Kompetizzjoni Ġusta, Kunsilli Lokali u Konsultazzjoni u swiet €2,587.19.
Tista' l-Ministru tagħti statistika ta' kemm inħolqu impjiegi ġodda f'kull sena għas-snin 2008, 2009, 2010 u 2011 li fiha tispeċifika f'liema settur inħolqu l-impjiegi ġodda, b'kemm u liema kienu l-entitajiet li żiedu impjiegi ġodda? Tista' tgħid ukoll b'kemm salarju ġew impjegati?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Qasam tal-kura tal-anzjani — Nefqa f'manutenzjoni fi proprjetà
Question
Jista' l-Ministru jagħti rendikont dettaljat ta' kemm intnefaq f'manutenzjoni fi ħdan u fuq proprjetà li taqa' taħt il-qasam tal-kura tal-anzjani? Jista' jagħti dawn id-dettalji mis-sena 2007 sa Awwissu 2011?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' l-Ministru tgħid hux qed tikkonsidra li jsir arranġament mal-kumpanija li qed tipprovdi s-servizz tat-trasport pubbliku, l-Arriva, sabiex tipprovdi tariffi orħos għall-istudenti Maltin u Għawdxin, issa li t-tariffa ġiet ferm ogħla għal diversi studenti? Tikkonsidra li jinħareġ pass apposta sabiex ma jkunx hemm abbużi mis-sistema?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-kumpanija Arriva qed toffri l-‘Student Saver Card’ lil studenti bejn 11 u 16 sena li jattendu l-iskola u oħrajn li qed jattendu għal xi kors ta’ mill-inqas tlett xhur f’xi istituzzjoni edukattiva reġistrata mal-Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u Familja.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jiġu stallati bus shelters sabiex iċ-ċittadin Malti u Għawdxi, kif ukoll it-turist, ikun stmat ta' bniedem uman li jkollu l-ħtieġa ta' lqugħ mit-temp kemm fis-sajf u anke fix-xitwa?
Response (GATT, AUSTIN)
Nimmaġina illi l-Onor. Interpellant ġieli mar f'xi pajjiż ieħor u nispera li nnota bħali li barra minn pajjiżna hemm ħafna u ħafna bus stops li m'għandhomx shelters imma sa fejn naf jien din hi l-ewwel darba li nuqqas ta' shelter ifisser li ma tistmax persuna ta' bniedem !.
Ninsab infurmat illi fil-preżent hawn 499 bus shelter istallat madwar Malta u Għawdex.
Infurmat ukoll illi minn Frar ta' din is-sena sal-lum twaħħlu total ta' 64 bus shelter ġodda madwar Malta u Għawdex. Transport Malta preżentament qegħda fi proċess sabiex jiġu nstallati 49 bus shelter oħra skont lista maqbula mal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali.
Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — infiq f'manutenzjoni
Question
Jista' l-Ministru jipprovdi statistika dettaljata ta' kemm intnefaq f'manutenzjoni fis-setturi kollha li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu, inkluż korporazzjonijet, dipartimenti u awtoritajiet, mis-sena 2008 sa Awwissu 2011?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — infiq f'manutenzjoni
Question
Jista' l-Ministru jipprovdi statistika dettaljata ta' kemm intnefaq f'manutenzjoni fis-setturi kollha li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu, inkluż korporazzjonijet, dipartimenti u awtoritajiet, mis-sena 2004 sa Awwissu 2011?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Prim Ministru jagħti rendikont dettaljat ta' kemm saru toroq li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-kunsilli lokali nfushom mill-bidu tat-twaqqif tagħhom sas-sena 2011? Liema huma lokal, lokal u kemm intnefaq f'kull triq? X'tip ta' xogħol sar u min wettaq ix-xogħlijiet? Min iċċertifika x-xogħlijiet?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Onor. Interpellant jifhem li tali informazzjoni tirrikjedi riżorsi umani enormi u ħafna ħin sabiex tinġabar kollha mingħand il-kunsilli lokali kollha ta’ Malta u Għawdex u sussegwentement tiġi proċessata mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali sabiex tkun tista’ titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra. Il-Kunsilli Lokali tagħna jippruvaw jużaw ir-riżorsi tagħhom bl-aħjar mezz għall-ġid tal-komunitajiet u r-residenti tagħhom u żgur li l-ġbir tal-informazzjoni rikjesta fuq medda ta’ 18-il sena sħaħ ma tgħinx llill-operat tagħhom. Persważ li l-Onor. Interpellant għaldaqstant japprezza li mhux possibli li tinġabar tali informazzjoni.
Intant nixtieq nirreferieh għat-tweġibiet li tajt għal diversi mistoqsijiet parlamentari oħrajn riċentament, fosthom għall-mistoqsija parlamentari Numru 24274, dwar il-ħidma tal-kunsilli lokali f’dak li jirrigwardja toroq f’dan l-aħħar żmien, mit-tnedija tal-iskema sal-lum. Din il-ħidma ħadet spinta kbira ‘l quddiem matul din l-aħħar sena permezz tal-iskema finanzjarja li tippermetti lill-Kunsilli Lokali jidħlu fi ftheim ta’ Public Private Partnership ma kuntratturi wara sejħa għall-offerti sabiex jirranġaw toroq fil-lokalitajiet tagħhom.
Lejn Edukazzjoni ta' Kwalità Għal Kulħadd — kopji ppubblikati
Question
Tista' l-Ministru tinforma lil din il-Kamra kemm ġew ippubblikati kopji tal-erba' volumi tad-dokument konsultattiv "Lejn Edukazzjoni ta' Kwalità Għal Kulħadd - il-Qafas tal-Kurrikulu Nazzjonali" u kemm ġew imqassma s'issa, kif ukoll kemm intefqu flus sabiex dawn id-dokumenti konsultattivi u l-posters assoċjati ġew (a) miktubin u tradotti fil-Malti/fl-Ingliż? (b) issettjati u pprintjati?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ġew ippublikati ħamest elef kopja minn kull ktieb (volum) u elf poster. Dawn tqassmu kollha għajr xi ftit li qed jinżammu għal xi laqgħat li għad iridu jsiru.
Għat-traduzzjoni fil-Malti tal-erba’ volumi tad-dokument intefqu €4,131.22 filwaqt li għall-issettjar u pprintjar tal-erba’ volumi u l-posters intefqu €42,881.75.
Lejn Edukazzjoni ta' Kwalità Għal Kulħadd — flus f'konsulenza
Question
Tista' l-Ministru tgħid lil din il-Kamra kemm tħallsu flus f'konsulenza in konnessjoni mal-kitba tad-dokument "Lejn Edukazzjoni ta' Kwalità Għal Kulħadd - il-Qafas tal-Kurrikulu Nazzjonali" u lil min ingħataw dawn il-konsulenzi? Tista' telenka l-ismijiet tal-konsulenti konċernati (Maltin u barranin) u l-ammont li kull wieħed/waħda ġie/ġiet imħallas/imħallsa għal xogħlhom?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
A Vision for Science Education in Malta — infiq fl-issettjar u pprintjar
Question
Tista' l-Ministru tinforma lill-Kamra kemm ġie jiswa l-issettjar u l-ipprintjar tad-dokument konsultattiv "A Vision for Science Education in Malta - Consultation Document" u kemm ġew imqassma s'issa?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-issettjar u pprintjar ta’ 5000 kopja tad-dokument “A Vision for Science Education in Malta” ġew jiswew €8,793.75
Dan id-dokument ġie mqassam kollu għajr xi ftit li qed jitqassmu waqt laqgħat li qed isiru fil-preżent.
A Vision for Science Education in Malta — ħlas f'konsulenza
Question
Tista' l-Ministru tinforma lill-Kamra kemm tħallsu flus f'konsulenza in konnessjoni mal-kitba tad-dokument "A Vision for Science Education in Malta - Consultation Document" u lil min ingħataw dawn il-konsulenzi? Tista' telenka l-ismijiet tal-konsulenti u l-ammont li kull wieħed/waħda ġie/ġiet imħallas/imħallsa għal xogħlhom?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Kiri ta' ambulanzi u lifters għal nies bi bzonnijiet speċjali
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux minnu li fil-qasam tal-anzjani qed jinkrew ambulanzi u lifters għal nies bi bżonnijiet speċjali? Jista jgħid kemm qed jinkrew fis-sena? Jista' l-Ministru jipprovdi dawn id-dettalji għas-sena 2010 u sal-aħħar ta' Awwissu 2011?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Qasam tal-kura tal-anzjani — spiza fi fuel għal vetturi
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm jintefaq fi fuel għal vetturi fil-qasam tal-kura tal-anzjani? Jista' l-Ministru jipprovdi dawn id-dettalji għas-sena 2010 u sal-aħħar ta' Awwissu 2011?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li n-nefqa ta' fuel mid-Dipartiment għall-Anzjani u Kura fil-Komunità għas-sena 2010 kienet ta’ €39,442.57, u minn Jannar sa Awwissu 2011 kienet ta’ €29,328.58.
Tista' l-Ministru tgħid jekk ir-rettur applikax għall-permess meħtieġ mill-Kunsill tal-Università biex ikun jista' jagħmel konsulenza? Jekk iva, tista' tgħid meta saret it-talba u meta l-kunsill laqa' din it-talba?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ir-Rettur ingħata il-permess meħtieġ mill-Kunsill tal-Università biex ikun jista’ jagħmel konsulenza għall-Gvern fit-22 ta’ Settembru 2006.
Jista' l-Ministru jagħti rendikont dettaljat ta' kemm inġabru fondi fis-sena għall-Good Causes Fund mis-sena 2004 sal-lum u kif tqassmu dawn il-fondi?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Good Causes Fund twaqqaf fl-2005 u l-fondi bdew jinġabru mill-2006 hekk kif muri fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Għat-tieni parti tal-mistoqsija nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għall- mistoqsijiet parlamentari 283, 2435, 11170, 18666 u 21385.
Jista' l-Ministru jgħid huwiex minnu li se jsir survey tal-istaff fl-Isptar Mater Dei? Jista' jikkonferma jekk dan hux se jsir minn entità barranija? Jista' jgħid min hi l-kumpanija, kemm se jiswa dan is-survey u x'inhu l-għan preċiż ta' dan is-survey? Hawn xi kumpanija lokali li kapaċi tagħmel l-istess survey?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat illi qed jsir survey fid-Dipartiment tal-Outpatient’s li jikkonċerna l-pazjenti li jattendu fid-dipartiment kif ukoll l-istaff li jaħdem hemm. L-għan ta’ dan is-survey huwa li jirrakkomanda fejn jista jitjieb is-servizz lejn il-pazjenti. Dan is-survey qed isir minn riżorsi fi ħdan Mater Dei u m'hemm l-ebda entità barranija involuta.
Jista' l-Ministru jagħti rendikont dettaljat ta' kemm intnefaq f'kiri t'ambulanzi, liema ambulanzi ġew replaced u għal liema raġuni qed jiġu replaced? Jista' jagħti rendikont ta' kemm ilhom bil-ħsara l-ambulanzi u x'tip ta' ħsara għandhom? X'inhi l-ispiża ta' kull waħda sabiex tissewwa?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Sptar Mater Dei — tnaqqis ta' nofs siegħa mill-ħin tax-xogħol
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni veritarja wara l-fatt li l-cleaners tal-Isptar Mater Dei tnaqqsitilhom nofs siegħa kuljum mix-xogħol tagħhom? Jista' jgħid ukoll jekk hux ippjanat l-istess ideal fuq is-securities, nursing aides, nurses u staff mediku?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li b’effett mill-1 ta’ Settembru 2011 u bħala parti minn eżerċizzju ta’ monitoraġġ kontinwu, il-cleaners tal-kuntrattur li jagħtu servizz fis-swali bdew jaħdmu nofs siegħa inqas kuljum. Dan it-tibdil minimu sar biex inkunu konformi mal-esiġenzi tas-servizz. Dan m’għandux ixekkel il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom u s-servizz li jingħata lill-pazjenti.
Il-Management tal-Isptar Mater Dei għandu d-dmir li jagħmel monitoring tal-kuntratti kollha li hemm fis-seħħ. Madanakollu, m’hemm l-ebda ħsieb jew pjan biex jitnaqqsu xi sigħat ta’ xogħol tal-persuni mpjegati.