Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 27965 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u issa ġiet riferuta lilu u jgħid fiex wasal il-proċess tal-karti tal-identità l-ġodda u meta huwa propost li jitlestew?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jiena infurmat li inbdew il-preparamenti neċessarji sabiex il-proċess tal-eżerċizzju tal-bdil tal-karti tal-identità jibda hekk kif l-iżvilupp tas-sistema elettronika jkun tlesta. Kif diġa’ intqal fir-risposta għal PQ 26159, is-sistema teknika li hi ffinanzjata mill-Fondi Strutturali, għandha tkun lesta kmieni fl-2012. Jien infurmat li ġaladarba s-sistema teknika tkun tiffunzjona, l-ewwel pass se jkun li jibdew jinħarġu l-electronic IDs, proċess li hu ttamat li jieħu bejn wieħed u ieħor sena sa sena u nofs.
Jien infurmat ukoll li fi ftit ġimgħat oħra ser jitħabbar b’mod dettaljat kif ser isir il-proċess.
Tista' l-Ministru tipprovdi l-informazzjoni kollha neċessarja fir-rigward tal-Labour Force għax-xhur ta' Ġunju u Lulju 2011, separatament?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-istatistika dwar il-Labour Force għax-xahar ta’ Ġunju għadha ma ġietx ippubblikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, filwaqt għax-xahar ta’ Lulju għadha qed tinħadem qabel ma tiġi ppublikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika.
Jista' l-Ministru jipprovdi lista tal-kumpaniji kollha li jikru vetturi, ambulanzi u kull mezz ieħor ta' trasport fid-dipartimenti kollha li jaqgħu fid-dekasteru tiegħu? Jista' jgħid kemm għandu vetturi l-gvern f dan il-qasam li huma proprjetà tal-gvern? Jista' jgħid f'liema kundizzjoni jinsabu?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Tista' l-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni li l-individwu, li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, u li jaħdem bħala general hand fl-istores u li wasal biex joħroġ bil-pensjoni, ġie infurmat li mhux intitolat għas-somma meta persuni li daħlu warajh se jeħduha?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jispjega x'inhi r-raġuni u x'passi qed jittieħdu sabiex tissolva l-problema ta' traffiku ta' kuljum mis-6.00 a.m. sad-8.45 a.m. li toħnoq it-toroq arterjali tan-naħa t'isfel ta' Malta, proprju minn Ħal Għaxaq sa Blata l-Bajda, liema sitwazzjoni twassal għal aktar minn siegħa sewqan?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-problema msemmija hija kkawżata primarjament minħabba x-xogħlijiet fuq toroq arterjali fi Triq il-Kunsill tal-Ewropa, Ħal Luqa, Triq Garibaldi, Marsa u Xatt l-Għassara tal-Għeneb, Marsa, li għaddejjin bħalissa. Eventwalment, meta jitlesta dan ix-xogħol għandu jkun hemm miljorament fit-traffiku f’din iż-żona. Ix-xogħlijiet mistennija jkunu lesti fl-ewwel nofs tas-sena 2012. Sakemm jitlestew dawn ix-xogħlijiet, hu mistenni li jibqa’ jkun hemm xi dewmien fit-traffiku.
Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra rendikont xahar b'xahar ta' kemm kien hemm strike-offs mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ bejn Ottubru 2010 u Settembru 2011?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
ETC — employment services - Korsijiet finanzjati mill-Unjoni Ewropea
Question
Peress li s-sena d-dieħla se jibdew jagħlqu l-korsijiet li huma ffinanzjati mill-fondi tal-Unjoni Ewropea, tista' l-Ministru tgħid hux minnu li wħud mill-iskemi se jispiċċaw bla fondi? Fir-rigward tal-fondi għas-snin ta' wara, xi pjanijiet hemm ta' kif se jiġu ffinanzjati tali skemi sabiex isostnu l-operat tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ l-iżjed fis-settur tat-taħriġ u l-employment services?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Bħalissa l-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ qiegħda f’diskussjonijiet mal-awtoritajiet konċernati sabiex jiġu estiżi l-budgets u l-perjodi tal-iskemi ffinanzjati mill-Fond Soċjali Ewropew. Hemm indikazzjonijiet tajba li dawn it-talbiet jiġu milqgħuha.
Wara s-sena 2013 jibda perjodu ġdid ta’ programmi ta’ użu tal-Fond Soċjali Ewropew. Xogħol fuq dan l-ippjanar għadu qed isir.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 27845, jista' l-Ministru jgħid kemm nies intalbu jagħmlu overtime, kemm għamlu sigħat kull persuna individwali ġurnata b'ġurnata u x'karigi għandhom dawn in-nies? X'kienet in-nefqa globali sabiex jassistu l-Arriva? Jista' jgħid jekk Transport Malta qabbditx xi kumpaniji oħra apparti l-kumpanija Appletree sabiex jassistu lill-Arriva, u kemm tħallset din il-kumpanija?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Arriva ġietx immultata għas-servizz ħazin li tat s'issa? Jekk le, meta din se tiġi mmultata għas-servizzi medjokri tagħha?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Tista' l-Ministru tgħid x'inhu jżomm milli l-applikazzjoni tat-30 ta' Jannar 2001 rigward il-persuna, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, dwar social housing tiġi proċessata u ndirizzata?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-applikazzjoni tal-persuna in kwestjoni hija proċessata mal-kumplament tal-lista għall-akkomodazzjoni alternattiva. Is-sinjura qiegħda tħallas kera ta’ €1, 816. 92 fis-sena però tibbenefika minn sussidju mill-Awtorità tad-Djar fuq din il-kera li jammonta għall- €966.69.
Jista' l-Ministru jgħid kemm żdiedu l-ħaddiema self-employed fis-sena 2010? Jista' jgħid kemm ħaddiema self-employed waqqfu l-attività ekonomika tagħhom fis-sena 2010, kemm minnhom irtiraw minħabba l-età, kemm irtiraw sabiex isibu impjieg u kemm irtiraw minħabba falliment?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
kumpaniji li rċevew grants ta' għajnuna mill-Ewropa
Question
Jista' l-Ministru jagħti rendikont ta' dawk il-kumpaniji li rċevew grants ta' għajnuna mill-Unjoni Ewropea u jispeċifika min kienu u kemm irċeviet kull kumpanija?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi din l-informazzjoni tiġi ppublikata wara kull sejħa ta’ skemi ta’ fondi Ewropej u hija aċċessibli fuq dawn is-siti li ġejjin:
20millionforindustry.com u energy.maltaenterprise.com.
Din l-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk saritx spezzjoni ġewwa proprjetà f'Santa Luċija, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, fejn familja partikolari qed iżżomm diversi annimali li l-ħmieġ naturali tagħhom qed jmur fis-sistema ta' dranaġġ li qed toħloq inkonvenjent lir-residenti l-oħra? Jekk saret spezzjoni, jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li għalkemm l-Onor. Interpellant ma indikax għal-liema familja fil-blokk imsemmi qiegħed jirreferi, diġà saret referenza dwar il-każ fil-Mistoqsija Parlamentari Nru. 27888.
F’dan il-blokk kienu saru diversi spezzjonijiet minn uffiċjali tad-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali, kemm fuq il-bejt u fil-partijiet komuni tal-Blokk, kif ukoll fi flat partikolari fit-18 u d-19 ta’ Awwissu 2011. L-annimali li kienu nstabu, kienu miżmuma fi stat ta’ iġjene sodisfaċenti u ma kienx hemm irwejjaħ jintnu. Il-persuna responsabbli mill-annimali kienet ġiet imwissija biex iżżomm nadif regolarment. Saret spezzjoni oħra fil-blokk fis-7 ta’ Ottubru 2011 fejn la nstab ħmieġ u l-anqas innotati rwejjaħ jintnu fil-komun.
Rigward id-drenagg komuni tal-blokk, qatt ma ġie irregistrat x’ilmenti mir-residenti dwar xi sadd ta’ dan id-drenaġġ, għaldaqstant ir-responsabilta’ ta’ l-istess drenagg komuni, bil-liġi huwa tas-sid.
L-uffiċċjal tad-Direttorat se jassigura li terġa ssir spezzjoni partikolarment għar-rigward tal-iġjene, ġol fond indikat. Madanakollu jkun aktar oppourtun jekk din il-Mistoqsija Parlamentari issir wkoll lill-Ministru li taħt id-dekasteru tagħha taqa’ l-Awtorità tad-Djar, għar-rigward ksur ta’ kundizzjonijiet imposti mill-istess awtorità.
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk sarux rapporti għand il-pulizija ta' Ħal Luqa minn residenti f'binja ta' 6 appartamenti, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, u ttieħditx azzjoni fil-konfront ta' min qed joħloq inkonvenjent lir-residenti bl-attitudni negliġenti fejn dan ikkappara l-bejt komuni sabiex irabbi annimali għalih filwaqt li qed jagħmel dan mingħajr il-kunsens tar-residenti l-oħra u fl-istess waqt qed joħloq inkonvenjent għall-istess residenti? Jista' jqiegħed kopja tar-rapport fuq il-Mejda tal-Kamra u jgħid x'passi ttieħdu fil-konfront ta' dan il-każ?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 27887.
Tista' l-Ministru tikkonferma jekk sarux rapporti għand l-awtorità konċernata fir-rigward ta' aġir abbużiv li twettaq minn resident f'binja ta' 6 appartamenti ġewwa Santa Luċija, li d-dettalji dwarhom qed jintabgħtu separatament, fejn saħansitra l-individwu konċernat imblokka l-aċċess tal-arja ventilata sabiex ikun jista' jrabbi annimali li jinżammu f'gallinari fuq bejt komuni li dan ikkappara mingħajr il-kunsens tar-residenti l-oħra. Tista' tqiegħed kopja tar-rapport fuq il-Mejda tal-Kamra u tgħid x'passi ttieħdu fil-konfront tal-individwu kkonċernat?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-Awtorità tad-Djar irċeviet rapport rigward l-aġir ta’ inkwilini fil-blokk imsemmi. Saret inspezzjoni mill-Awtorità tad-Djar u r-rapport ġie mgħoddi lid-Dipartiment tal-Artijiet għall-azzjoni min-naħa tal-enforcement office tagħhom.
Tista' l-Ministru tgħid x'tip ta' struttura organizzattiva se ssir fil-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ u jekk meta jinħarġu l-calls,il-posts humiex se jintgħażlu minn dawk li għandhom pożizzjoni ta' management? Jekk fin-negattiv, tara l-Ministru li dan se jfisser aktar piż finanzjarju fuq it-taxpayer bħala additional costs?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-istruttura organizzattiva li hi ppjanat għall-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ hija mmirata sabiex l-organizzazzjoni tkun f’pożizzjoni aħjar li tilqa’ għall-isfidi li llum qed naffaċċjaw fid-dinja tax-xogħol. Sabiex organizzazzjoni tibqa’ relevanti trid taġġorna ruħha b’mod kontinwu u tabilħaqq dan l-eżerċizzju qed iservi sabiex il-korporazzjoni tagħmel aktar emfasi sabiex issaħħah is-servizzi li toffri:
1. biex tgħin lil dawk li qed ifittxu x-xogħol isibu impjieg aktar malajr;
2. biex tgħin lil min iħaddem sabiex isibu ħaddiema tajba għall-ażjenda tagħhom;
3. kif ukoll fit-tfassil u implimentazzjoni ta’ programmi ta’ taħriġ li jgħinu lil min qed ifittex ix-xogħol biex jikseb ħiliet aktar kif ukoll lil dawk li diġà qed jaħdmu sabiex itejbu l-ħiliet tagħhom u jżidu oħrajn ġodda.
Sabiex il-proċess tal-għażla ikun transparenti u ekwu, is-sejħiet illi se jsiru sabiex jimtlew il-kariga ta’ managers se jkunu miftuħin għall-impjegati kollha li jilħqu l-kriterji mitluba ma’ kull sejħa. Bħala parti mir-ristrutturrazzjoni l-korporazzjoni m’għandiex il-ħsieb li jiżdiedu n-numru ta’
managers
għaliex bħalissa fil-korporazzjoni hemm pożizzjonijiet vakanti ta’
managers
illi għad iridu jimtlew.
residenzi li għandhom solar panels u solar water heaters
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm residenzi għandhom solar panels u solar water heaters?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni miġbura tikkonċerna biss dawk is-sistemi li nxtraw permezz ta’ skemi li kienu amministrati mill-Awtorità ta’ Malta dwar ir-Riżorsi matul dawn l-aħħar snin u għalhekk din l-informazzjoni ma tinkludix dawk is-sistemi, b’mod partikolari ta’ solar water heaters, li kienu nstallati fuq bażi privata lil hemm minn dawn l-iskemi
Mill-2008 ‘il hawn kienu nstallati 1,761 sistema ta’ pannelli fotovoltajċi fuq ir-residenzi u 6,199 solar water heaters minn persuni li bbenefikaw minn grant. Mir-records li għandha l-MRA hemm ukoll 278 sistema oħra ta’ pannelli fotovoltajċi li huma nstallati fuq djar privati. Din l-informazzjoni ingħatat mill-pubbliku stess lill-MRA. Dawn huma ta’ persuni li qatt ma applikaw biex jieħdu grant jew inkellha nstallaw sistema addizzjonali għal dik is-sistema li bbenefikat minn grant.
konsum tal-elettriku għal skop residenzjali u kummerċjali
Question
Jista' l-Ministru jipprovdi statistika ta' kemm kien il-konsum tal-elettriku għal skop residenzjali u kummerċjali, xahar b'xahar matul is-sena 2010 u fl-ewwel sitt xhur ta' din is-sena?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Tista' l-Ministru tgħid kemm se jiġi jew ġie jiswa s-sett tal-aħbarijiet tal-Public Broadcasting Services u min huwa l-kuntrattur li qed jagħmel ix-xogħlijiet?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Is-sett il-ġdid li nbena fil-PBS juża’ teknoloġija li tippermetti l-użu tiegħu għal programmi oħra minbarra l-aħbarijiet. Infatti, mill-istess sett tal-aħbarijiet bħalissa qed jixxandar Breakfast Show kuljum, Dissett u Kontrattak li jammontaw għal aktar minn 20 siegħa ta’ xandir fil-ġimgħa. Il-kuntrattur bl-orħos offerta wara sejħa pubblika kien Vassallo Joiners. Is-sett ġie jiswa €98,700 li 80% minnhom, jiġifieri €78,960, se jkunu ffinanzjati mid-dħul tar-reklami tal-istess kumpanija.