Legislature:
Category:
Reset
Active:

Għawdex — mużew tal-arti moderna u kontemporanja

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’sar s’issa biex f’Għawdex jitwaqqaf mużew ta’ l-arti moderna u kontemporanja ta’ livell nazzjonali? Jekk sar, meta? Jekk fin-negattiv, meta mistenni li jinbeda? Fejn hu mistenni li jitwaqqaf dan il-mużew?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Li sar s’issa huwa li Heritage Malta għamlet talba uffiċjali lill-Ministeru ta’ Għawdex sabiex meta jitbattal il-bini li bħalissa jilqa’ fih il-Qorti ta’ Għawdex fiċ-Ċittadella dan jingħata lil Heritage Malta. Dan il-proġett ikun jista’ jinbda meta Heritage Malta ikollha l-binja f’idejha għal dan l-iskop.
Leg 11 PQ #11554 Sitting 150 2009-10-26 Oral · Final From: ALFRED SANT To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — art provduta mill-Gvern għal istituzzjonijet edukattivi

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’sar s’issa kull sena mill-2006 ’l hawn mill-Gvern biex joffri art lil istituzzjonijiet edukattivi ta’ reputazzjoni internazzjonali li jkunu interessati jiżviluppaw campus tagħhom ġewwa Għawdex u jipprovdu programmi edukattivi primarjament indirizzati lejn studenti internazzjonali?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

M'għandi xejn xi nżid mar-risposti li jiena tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari numri 2079 u 3082 peress li għadhom għaddejjin it-taħdidiet f'dan ir-rigward.
Leg 11 PQ #11555 Sitting 150 2009-10-26 Oral · Final From: ALFRED SANT To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex -riabilitazzjoni ta' widien — nefqa

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħol sar mill-Ministeru tagħha kull sena mill-2006 sal-lum fuq ir-riabilitazzjoni ta’ widien f’Għawdex? Kemm kienet in-nefqa fuq dawn ix-xogħlijiet kull sena?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nixtieq ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u r-risposta tingħata f'seduta oħra.
Leg 11 PQ #11556 Sitting 150 2009-10-26 Oral · Final From: ALFRED SANT To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — bini ta' ċentru ta' back office

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’sar s’issa kull sena mill- 2005 ’l hawn fuq il-bini ta’ ċentru ta’ back office ġdid biex jiżdied il-potenzjal ta’ Għawdex li joffri opportunitajiet ġodda f’dan it-tip ta’ xogħol? Kemm kienet in-nefqa kull sena fuq dak li sar?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li saret applikazzjoni lill-MEPA għall-bini ta' uffiċini għal xogħol ta' back office f'Għawdex.
Leg 11 PQ #11545 Sitting 149 2009-10-21 Oral · Final From: ALFRED SANT To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Frodi ta' benefiċċji soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jagħti breakdown lokalità lokalità tat-3,750 każ ta’ frodi ta’ benefiċċju soċjali li ġew investigati mid-Direttorat għall-Frodi ta’ Benefiċċju u għall-Investigazzjoni f’dawn l-aħħar tliet snin? Jista’ jagħti dan it-tagħrif maqsum tliet xhur, tliet xhur u bl-ammonti li ġew frankati lokalità lokalità? Jista’ jgħid ukoll kemm benefiċċji ġew sospiżi f’kull lokalità?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.

Għawdex — - tniġġis tal-arja fit-toroq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema lokalitajiet u toroq f’Għawdex inġabret data dwar it-tniġġis tal-arja mill-benzina, mid-diossidu tan-nitroġenu u minn materja partikulata? X’kienu l-livelli ta’ dawn l-inkwinanti fil-lokalitajiet u t-toroq li sar moniteraġġ tagħhom mill-2004 sal-2008?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Rabat Għawdex — skola sekondarja tas-subien - kuntratturi

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm tħallas s’issa kull kuntrattur fuq il-bini tal-iskola sekondarja tas-subien fir-Rabat Għawdex? Kemm hemm flus kommessi għal xogħol/servizzi/apparat/eċċ li għadhom ma tħallsux? Fiex jikkonsistu? Kemm ingħataw kuntratti s’issa, lil min u għalxiex? Kemm hu l-valur ta’ kull kuntratt?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra

Għawdex — skola ġdida - parkeġġ

Question

Tista’ l-Ministru tikkonferma li l-proġett ta’ bini ta’ skola sekondarja ġdida għas-subien f’Għawdex jinkludi parkeġġ taħt l-art? Jekk fl-affermattiv, kemm se tkun in-nefqa fuq dan il-parkeġġ? Kemm se jkun jesa' karozzi? Għall-użu ta’ min se jkun dan il-parkeġġ? L-użu tiegħu se jkun bi ħlas? Jekk fl-affermattiv, x'se jkunu r-rati ta’ ħlas? Sar studju ta’ vijabilità finanzjarja dwar dan il-parkeġġ? Jekk sar, min għamlu? Kif ingħata l-kuntratt?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari numru 2070 ta’ Seduta numru 33.
Leg 11 PQ #11549 Sitting 149 2009-10-21 Oral · Final From: ALFRED SANT To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — reklamar għat-turiżmu domestiku

Question

Tista’ l-Ministru tagħti breakdown tal-valur tan-nefqa tal-Ministeru tagħha għal kull sena mill-1999 sallum fir-reklamar ta’ Għawdex b’riżq it-turiżmu domestiku? Fuqiex saret in-nefqa kull sena?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li matul is-snin 2007 u 2008 il-Ministeru għal Għawdex alloka s-somma ta' €23,293.98 fis-sena lill-Gozo Tourism Association bħala ħlas għall-pubblikazzjoni ta' rivista "Let's Gozo". Din ir-rivista hija ntiża biex tippromwovi l-gżira ta' Għawdex fis-suq domestiku. Jiena nfurmata wkoll illi mill-2002 'l hawn il-Ministeru għal Għawdex beda jagħti lill-Gozo Tourism Association is-salarju tas-CEO li jammonta għal Lm2,500 fis-sena, ammont li għadu jitħallas sa llum, ekwivalenti għal €5823.43. Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant illi din l-Assoċjazzjoni ġieli ngħatat allokazzjoni mill-fondi tal-għaqdiet non-governattivi.
Leg 11 PQ #11550 Sitting 149 2009-10-21 Oral · Final From: ALFRED SANT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru — Għawdex - reklamar għal turiżmu domestiku

Question

Jista’ l-Prim Ministru jagħti breakdown tal-valur tan-nefqa tal-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta kull sena mill-1999 sal-lum fir-reklamar ta’ Għawdex b’riżq it-turiżmu domestiku? Fuqiex sar l-investiment?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #10847 Sitting 144 2009-10-05 Oral · Final From: ALFRED SANT To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Persuni li jirċievu benefiċċji mhux kontributorji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, xahar b’xahar minn Jannar 2008 sa l-aħħar ta’ Settembru ta’ din is-sena, kemm kien hemm persuni residenti f’Malta u Għawdex separatament li kienu qed jirċievu benefiċċji mhux kontributorji bħala: · Pensjoni/ allowance ta’ diżabilita’ · Assistenza soċjali · Assistenza medika? Jista’ jagħti l-ispiża relattiva għal kull benefiċċju għal Malta u Għawdex separatament?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.

Titjib fis-sistemi tal-ġbir ta' l-ilma tax-xita f'Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’sar u kemm intnefqu flus kull sena u matul din is-sena s’issa għat-titjib tas-sistemi tal-ġbir ta’ l-ilma tax-xita għall-użu fl-agrikoltura f’Għawdex?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat

Studenti Għawdxin fl-Institute of Tourism Studies

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kien kemm hemm studenti Għawdxin isegwu korsijiet fl-Institute of Toursim Studies f’Malta u f’Għawdex separatament sena b'sena mill-2000 sal-2008? Tista’ tgħid kemm hemm studenti llum? Tista’ tagħti din l-informazzjoni skond il-kors li segwew/qed isegwu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Studenti Għawdxin li jsegwu korsijiet fl-MCAST

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kien kemm hemm studenti Għawdxin isegwu korsijiet fl-MCAST f’Malta u f’Għawdex separatament sena b'sena mill-2000 sal-2008? Tista’ tgħid kemm hemm studenti llum? Tista’tagħti din l-informazzjoni skond il-kors li segwew/qed isegwu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Studenti li gradwaw mill-Università

Question

Tista’ l-Ministru tagħti, jekk jogħġobha, in-numru ta’ studenti li ggradwaw jew se jiggradwaw sena b’sena, mill-Università ta’ Malta mill-1990 sa dis-sena 2009, separatament f’dawn il-gradi ta’ Bachelor: inġinerija mekkanika; inġinerija elettrika; inġinerija elettronika, matemaika, fiżika, kimika, bijoloġija?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra turi n-numru ta’ studenti li ggradwaw u ser jiggradwaw mill-2003 sal-2009 fil-Bachelor of Engineering u Bachelor of Science. Rigward l-informazzjoni tan-numru ta’ studenti li ggradwaw mill-1990 sal-2002 fil- Bachelor of Engineering u Bachelor of Science din tingħata aktar tard peress li tinvolvi ħafna xogħol manwali.

Kumpanniji li joperaw f'Għawdex — Spejjeż ta' trasport bejn Malta u Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-inċentivi kollha li kumpaniji li joperaw f’Għawdex jingħataw għal spejjeż ta’ trasport bejn Malta u Għawdex taħt l-Att dwar l-Iżvilupp Industrijali jew taħt l-Att dwar il-Promozzjoni tan-Negozju humiex se jibqgħu jingħataw minn din is-sena ’il quddiem? Jekk xi inċentivi kellhom jieqfu, hemm ippjanati xi skemi jew miżuri oħra li jagħmlu tajjeb għan-nuqqas ta’ għajnuna li se jsoffru kumpaniji Għawdxin? Jekk hemm, x’inhuma?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Malta Enterprise għandha skema taħt l-Artiklu 23(2) ta’ l-Att Dwar il-Promozzjoni tan–Negozju. Taħt din l-iskema kumpaniji tal-manifattura li joperaw minn Għawdex jingħataw cash grants għal spejjeż ta’ trasport bejn Malta u Għawdex. Ma hemm l-ebda ħsieb biex din l-għajnuna tispiċċa. Madankollu hemm il-ħsieb li din l-iskema tiġi emendata sabiex jiddaħħlu miżuri ta’ kontabilita u trasparenza fil-mod ta’ kif jiġu rifusi l-ispejjeż għal-trasport bejn Malta u Għawdex, anki sabiex ma jiġux żvantaġġjati operaturi Maltin illi jfornu is-suq Għawdxi.
Leg 11 PQ #10828 Sitting 143 2009-09-30 Oral · Final From: ALFRED SANT To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Ħaddiema fis-settur privat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ ħaddiema fis-settur privat f’Għawdex fl-aħħar ta’ kull sena fl-2007 u fl-2008 u fl-aħħar ta Settembru 2009 separatament f’dawk li jaħdmu għal rashom u impjegati, fl-oqsma tas-settur industrijali kif ġej: 1. fis-settur tal-produzzjoni diretta maqsumin fl-oqsma tal- a) kostruzzjoni b) barrieri tal-ġebel ċ) agrikoltura d) sajd e) manifattura settur settur, e.g. tessuti, għamara, żraben u ħwejjeġ, ikel, eċċ. 2. fis-settur tas-servizzi tas-suq maqsumin fl-oqsma tal- a) lukandi b) ristoranti ċ) bejgħ bl-ingross d) bejgħ bl-imnut d) trasport e) kommunikazzjonijiet f) insurance g) banek ġ) istituzzjonijiet finanzjarji oħra h) real estate ħ) servizzi għall-komunità i) servizzi ta’ kummerċ ie) servizzi ta’ rikrejazzjoni?

Response (DALLI, JOHN)

Ser inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra li turi n-numru ta’ ħaddiema fis-settur privat f’Għawdex fl-aħħar ta’ Diċembru 2007 u 2008 u fl- aħħar ta’ April 2009. Din it-tabella turi dawk il-persuni li jaħdmu għal-rashom, impjegati u total għal kull sena mitluba. Nirrefri lill-Onorevoli Interpellant lit-total tas-settur privat ma jinkludix nies fuq bazi temporanji bħal studenti u apprentisti.

Malta Enterprise — inċentiv

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma u liema huma l-inċentivi li qed toffri preżentament il-Malta Enterprise speċifikament lil kumpaniji Għawdxin? X’inhuma l-kriterji ta’ eliġibilità għal kull inċentiv? Meta daħħlu fis-seħħ dawn l-inċentivi? Kemm kumpaniji bbenefikaw minnhom kull sena sal-lum? X’kien ir-riżultat ta’ dawn l-inċentivi kull sena sal-lum? Kemm kien l-ammont mitlub għal kull sena mill-kumpaniji? Kemm minnhom ġew approvati u kemm minnhom tħallsu kull sena?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-Malta Enterprise toffri diversi skemi li huma miftuħa kemm għal entrapriżi Maltin kif ukoll dawk Għawdxin. Fosthom wieħed isib: LN 68 of 2008 – Għajnuna għall-Investiment ( Investment Tax Credits ) LN 69 of 2008 - Assistenza lil Intrapriżi Żgħar jew ta’ Daqs Medju LN 70 of 2008 - Inċentivi għas-Sostenn ta’ Intrapriża LN 168 of 2009 – Għajnuna għar-Riċerka u Żvilupp u Innovazzjoni Att Dwar il-Promozzjoni tan-Negozju Barra minn hekk il-Korporazzjoni għandha diversi skemi li huma speċifikament indirizzati għall-kumpaniji li joperaw minn Għawdex. 1. Gozo Transport ́ Gozo Transport Grant ’ – l-iskema hija amministrata taħt-Artiklu 23(2) ta’ l-Att Dwar il-Promozzjoni tan–Negozju, fejn tipprovdi għajnuna lill-kumpaniji tal-manifattura li joperaw minn Għawdex. Dawn jingħataw cash grants għall-spejjeż ta’ trasport bejn Malta u Għawdex. Dawn il- cash grants qegħdin itaffu mill-ispejjeż addizzjonali li għandhom kumpaniji Għawdxin minħabba l-iżolament tal-gżira mill-kumplament ta’ Malta. B’din l-għajnuna dawn il-kumpaniji jistgħu jikkompetu ma manifatturi li joperaw minn Malta. Taħt din l-inċentiva, dan l-aħħar qed jibbenifikaw medja ta’ għoxrin (20) il-kumpanija fis-sena. Bħalissa il-Korporazzjoni tapprova l-valur ta’ l-għajnuna, imma il-ħlas isir mil-vot tal-Ministeru ta’ Għawdex. Dan il-Ministeru għandu l-informazzjoni fuq kemm tħallsu cash grants kull sena. Il- cash grants ġew approvati kif ġej: Sena Numru ta’ applikazzjonijiet Valur ta’ cash grant approvat € 2006 11 490,511 2007 19 687,560 2008 24 619,830 Total 54 1,797,901 L-applikazzjoni għat-transport grant issir meta il-kumpanija jkollha f’idejha l-audited financial statements għal dik is-sena partikolari, għalhekk Malta Enterprise għadha mhix f’pożizzjoni li tagħti l-figura għas-sena kurrenti 2. Gozo Regeneration – Investment Aid Scheme Il-‘ Gozo Regenration – Investment Aid Scheme ’ kienet immirata għas-settur tal-manifattura li joħolqu mpjiegi ġodda. Matul is-sena 2008 ġiet introdotta skema oħra amministrata bejn l-ETC u l- Malta Enterprise , il-‘ Gozo Employment Aid Scheme ’, illi effettivament ħadet post il-‘ Gozo Regeneration – Investment Aid Scheme ’ għaliex it-tieni skema tingħata anki fuq impjegat wieħed u tista tingħata lis-setturi kollha. Dettalji dwar il-‘ Gozo Employment Aid Scheme ’ ingħataw fir-risposta għal Mistoqsija Parlamentari 5789. Kumpaniji eliġiblli li jinvestu f’Għawdex għandhom il-possibilita’ li jikkonvertu l-krediti tat-taxxa fi ħlas. Dan il-ħlas ikopri porzjon mis-salarju tal-ewwel erba’ u għoxrin xahar ta’ l-impjegat sa’ massimu ta’ €11,650 relatat ma’ proġett ta’ investiment li beda wara l-ewwel ta’ Jannar 2007. Minn din l-iskema ibbenefikaw żewġ kumpaniji li rċevew is-somma ta’ €711,448 mis-sena 2007 sa Settembru tas-sena 2009 għar-rigward ta’ erba’ u sittin impjegat. 3. Gozo Employment Aid - ETC Fis-sena 2007, il- Malta Enterprise u l- ETC kienu ħabbru l-iskema Gozo Employment Aid fejn min iħaddem ħames impjegati li jkunu ikklassifikati taħt il-kategorija ta’ Disabled and Disadvantaged jingħata nofs il-paga ta’ sena tal-impjegat imsemmi bħala inċentiv. Mis-sena 2008, dan l-inċentiv ġie mwessa’ billi tneħħa l-limitu ta’ ħames impjegati. Minn Jannar tas-sena 2009, din l-iskema għaddiet kompletament għand l-ETC. Filwaqt li l-iskema infetħet għall-kumpaniji Maltin u Għawdxin, issa qiegħda tiġi iffinanzjata parzjalment taħt l- European Social Fund . Minn din l-iskema, ibbenefikaw disa u disgħin kumpanija li mis-sena 2008 sa’ Settembru 2009, bejniethom irċevew is-somma ta’ €630,967. L-ammont totali ta’ assistenza approvata fuq din l-iskema kien ta’ €1,310,438 fuq mitejn, erbgħa u sittin persuna. Billi dan l-inċentiv jitħallas lil min iħaddem wara sena minn meta jkun impjega l-persuna kkonċernata, il-bilanċ pendenti mistenni jitħallas fix-xhur li ġejjin.

Għajnuna mill-Malta Enterprise lill-kumpanniji li joperaw f'Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa, xahar xahar fl-2008 u sal-aħħar ta' Settembru ta' din is-sena, tal-Malta Enterprise fuq kumpaniji li joperaw f'Għawdex? Fiex kienet tikkonsisti kull nefqa? X'tip ta' inċentivi tkopri kull nefqa?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-għajnuna fiskali lill-kumpaniji Għawdxin għas-snin bażi finanzjarji 2005 sa 2007 li ġew ikkonfermati mill-Malta Enterprise fis-snin 2007/2009 hija kif muri f’tabella numru wieħed li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. L-informazzjoni dwar l-għajnuna fiskali li minnha gawda is-settur industrijali matul is-sena bażi 2008 u 2009 mhix disponibbli minħabba l-fatt li din l-informazzjoni tinġabar mill-Korporazzjoni mill-formola tat-taxxa tad-dħul. L-intrapriżi huma obbligati li jissottomettu dan id-dokument għal sena partikolari lill- Inland Revenue sa disa’ xhur mill-għeluq tas-sena finanzjarja tagħhom. Ir-Regolament 20 tar-Regolamenti ta’ l-Att dwar il-Promozzjoni tan-Negozju (Leġislazzjoni Sussidjarja 325.06) jerġa jippermetti tliet xhur oħra (u xahar skont ir-Regolamenti ta’ 2008 Għajnuna ghall-Investiment, taħt l-Att Dwar l-Intrapriża ta’ Malta) sabiex kopja ta’ din il-formola tat-taxxa tad-dħul tingħata lill-Korporazzjoni. B’hekk, preżentament il-figuri miġbura jaslu sas-sena bażi 2007 kif proċessati fis-snin 2008/2009. L-għajnuna fuq l-Investiment permezz ta’ Tax Credits Sas-sena 2007 ftit kienu dawk l-impriżi Għawdxin li kienu jikkwalifikaw għall-għajnuna permezz ta’ tax credit fuq l-investiment, taħt l-Att Dwar il-Promozzjoni tan-Negozju ( Business Promotion Act ). Mis-sena 2008, din l-għajnuna ġiet mwessa u mtejba taħt l-Att Dwar L-Intrapriża ta’ Malta ( Malta Enterprise Act ), u b’hekk issa l-impriżi tal-manifattura kollha huma eliġibli għall-għajuna fiskali akbar sakemm dawn joperaw bħala kumpanija, partnership jew koperativa. Dan ifisser li issa, numru akbar ta’ impriżi Għawdxin se jkunu jistgħu jibdew jibbenifikaw minn għajnuna fiskali aħjar fuq l-investiment tagħhom. Malta Enterprise toffri diversi skemi li huma miftuħa kemm għal entrapriżi Maltin kif ukoll dawk Għawdxin, fosthom insibu: LN 68 of 2008 – Għajnuna għall-Investiment ( Investment Tax Credits ) LN 69 of 2008 - Assistenza lil Intrapriżi Żgħar jew ta’ Daqs Medju LN 70 of 2008 - Inċentivi għas-Sostenn ta’ Intrapriza LN 168 of 2009 - Għajnuna għar-Riċerka u Żvilupp u Innovazzjoni Att Dwar il-Promozzjoni tan-Negozju Barra minn hekk il-Korporazzjoni għandha diversi skemi li huma speċifikament indirizzati għall-kumpaniji li joperaw minn Għawdex li huma l-́ Gozo Transport’ , l-́ Gozo Regeneration – Investment Aid Scheme ’ u l-́ Gozo Employment Aid – ETC ’ u li dettalji dwarhom ingħataw fir-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari numru 10829. Għajnuna oħra Fis-sena 2009, żewġ applikazzjonijiet ġew approvati u ngħataw spazju industrijali, waqt li fl-2008 ma kienx hemm approvazzjonjiet ta’ propjeta’ industrjali. L-ispazju industrijali f’dan is-settur tradizzjonali fil-qasam industrijali tax-Xewkija huwa prattikament kollu meħud. Il- Malta Industrial Parks qed tistudja siti alternattivi sabiex talloka l-attivitajiet tas-setturi tradizzjonali. Kif diġa’ ġie spjegat f’mistoqsija parlamentari 9528, hemm 25 entità interessati li jkabbru u li jilħqu l-159 impieg sat-tielet sena ta’ l-operat tagħhom. Irid jiġi innotat li dawn huma figuri proġettati u mhux fattwali u li l-biċċa l-kbira ta’ dawn l-entitajiet diġa’ qegħdin joperaw u qed jiġġeneraw impjieg. Ħafna minnhom huma “ relocation ” u mhux “intraprizi ġodda”. La darba jiġu identifikati siti addattati għal dawn l-attivitajiet, il- Malta Enterprise tipproċessa t-talbiet pendenti u potenzjali skont il-kriterji ta’ evalwazzjoni u eliġibilita’ tal- Malta Enterprise . Minbarra li tassisti bi spazju industrijali, il- Malta Enterprise tipprovdi wkoll assistenza lill-kumpanniji biex jiżviluppaw prodotti ġodda, investiment u tiżdied il-produttivita’, kompetittivita’ u esportazzjoni. Din l-assistenza tiddependi fuq ir-rikjesta tal-industrijalisti Għawdxin kif spjegat fit-tabelli numru tnejn u tlieta li qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

Għajnuna biex titwaqqaf impriża f'Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il kumpanija kienet megħjuna mill-Malta Development Corporation/Malta Enterprise minn Jannar 2008 sal-lum biex twaqqaf impriża f’Għawdex? Min huma dawn il-kumpaniji u x’tip ta’ prodott/i jagħmlu? X’investiment sar minn dawn il-kumpaniji f’Għawdex fl-istess perijodu? Kemm investiment minn dan huwa barrani? X’għajnuna tathom l-Malta Development Corporation/Malta Enterprise u kemm hu l-ammont ta’ din l-għajnuna skond is-sena li nagħtat? Kemm kienu jħaddmu nies meta bdew joperaw meta sar il-ftehim mal-MDC/Malta Enterprise u kemm qed iħaddmu llum?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi fis-sena 2009, żewġ applikazzjonijiet ġew approvati u ngħataw spazju industrijali, waqt li fl-2008 ma kienx hemm approvazzjonjiet ta’ propjetà industrjali. L-ispazju industrijali f’dan is-settur tradizzjonali fil-qasam industrijali tax-Xewkija huwa prattikament kollu meħud. Il-Malta Industrial Parks qed tistudja siti alternattivi sabiex talloka l-attivitajiet tas-setturi tradizzjonali. Kif diġa’ ġie spjegat f’PQ 9528, hemm 25 entità interessati li jkabbru u li jilħqu l-159 impieg sat-tielet sena ta’ l-operat tagħhom. Irid jiġi innotat li dawn huma figuri proġettati u mhux fattwali u li l-biċċa l-kbira ta’ dawn l-entitajiet diġà qegħdin joperaw u qed jiġġeneraw impieg. Ħafna minnhom huma “ relocation ” u mhux “intrapriżi ġodda”. La darba jiġu identifikati siti addattati għal dawn l-attivitajiet, il- Malta Enterprise tipproċessa t-talbiet pendenti u potenzjali skont il-kriterji ta’ evalwazzjoni u eliġibilita’ tal- Malta Enterprise . Minbarra li tassisti bi spazju industrijali, il- Malta Enterprise tipprovdi wkoll assistenza lill-kumpanniji biex jiżviluppaw prodotti ġodda, investiment u tiżdied il-produttività, kompetittività u esportazzjoni. Din l-assistenza tiddependi fuq ir-rikjesta tal-industrijalisti Għawdxin kif muri fit-tabelli li qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra: