Jista’ l-Ministru jgħid kemm turisti żaru Malta speċifikament għall-għadis matul l-2025? Jista’ jgħid ukoll x’nefqa ġġeneraw u x’miżuri qed jittieħdu biex Malta ssaħħaħ il-pożizzjoni tagħha bħala destinazzjoni premium għall-għadis?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li stimi bbażati fuq stħarriġ kontinwu li twettaq l-Awtorità tat-Turiżmu (MTA Traveller Survey) jindikaw li, fl-2025 madwar 150,000 turist żaru l-gżejjer Maltin speċifikament għall-għadis - ekwivalenti għal 3.7% tat-turisti kollha.
L-istħarriġ juri wkoll li madwar 266,000 turist, jiġifieri 6.6% tat-total, ipprattikaw l-għadis matul iż-żjara tagħhom. Din l-istima tinkludi lit-turisti kollha li pprattikaw l-għadis matul iż-żjara tagħhom, mhux biss lil dawk li ġew speċifikament għall-għadis.
L-istess stħarriġ juri li t-turisti li żaru l-gżejjer Maltin primarjament għall-għadis fl-2025 qattgħu medja ta’ 8.4 iljieli fil-gżejjer Maltin u nefqu medja ta’ 1,600 ewro għal kull persuna. Din in-nefqa tinkludi kemm in-nefqa qabel it-tluq kif ukoll dik matul iż-żjara.
Sabiex Malta tkompli ssaħħaħ il-pożizzjoni tagħha bħala destinazzjoni premium għall-għadis, l-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta tkompli tinvesti kemm fl-iżvilupp tal-prodott kif ukoll fil-manutenzjoni ta’ siti partikolari tal-għadis, flimkien mal-promozzjoni internazzjonali tagħhom. Waħda mill-aktar inizjattivi importanti hija l-iżvilupp tal-Marine Park taċ-Ċirkewwa, li għandu l-għan li jipproteġi u jsaħħaħ wieħed mill-aktar ambjenti tal-għadis rinomati fil-Mediterran.
Fl-istess ħin, Malta kompliet tinvesti fil-ħolqien ta’ attrazzjonijiet taħt il-baħar permezz ta’ bastimenti mgħarrqa apposta għall-għadis, li għenu biex il-pajjiż joffri wieħed mill-aktar prodotti ta’ wreck diving attrajenti fir-reġjun.
Jekk il-Gvern għandu l-intenzjoni jistabbilixxi strateġija turistika separata għal Għawdex, jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-linji gwida ta’ din l-istrateġija turistika?
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern għandux l-intenzjoni jistabbilixxi strateġija turistika separata għal Għawdex li tagħti prijorità lit-turiżmu rurali, kulturali, tal-benesseri, tal-għadis, ekoloġiku u niċeċ oħra ta’ valur ogħla?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu bħalissa qed tagħmel reviżjoni tal-istrateġija, li tinkorpora wkoll sezzjoni dedikata għal Ghawdex, kif filfatt diġa’ hemm bħalissa.
Kemmuna – Tisbiħ, preservazzjoni u salvagwardja – Investiment
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’investiment sar f’Kemmuna għat-tisbiħ, preservazzjoni u salvagwardja ta’ din il-lokalità sensittiva u ta’ preġju kbir, matul is-snin 2025 u 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat illi l-proġett Blue Lagoon li tniegħda fil-bidu tas-Sajf 2025 ikkonċentra fl-ewwel istant li jtejjeb l-operat, l-indafa, s-sigurta u l-esperjenza ta’ min jmur iqatta’ ħin fiż-żona tal-Blue Lagoon. Saret sistema ta’ booking li biha persuna tirriserva l-ħin tagħha fiż-żona, u ġie kkontrollat in-numru ta’ viżitaturi, sar investiment f’diversi faċilitajiet fil-Blue Lagoon kif ukoll fis-servizzi anċillari, tkabret iż-żona ta’ l-għawm, filwaqt li Transport Malta għamlet kapitenarija għat-trakkar tad-dgħajjes biex ikun mod ordinat.
Infurmat ukoll li f’dan il-perjodu ġew imfassla pjanti u pjanijiet għal investiment kapitali li se jagħti xejra ġdida liż-żona u jkompli jsaħħaħ l-esperjenza ta’ kull min iżurha. Infurmat li dawn il-pjanti bħalissa qegħdin fi stadju ta’ applikazzjoni mal-Awtorita tal-Ippjanar.
Blue Lagoon – Numru massimu ta’ viżitaturi preżenti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu n-numru massimu ta’ viżitaturi li l-Gvern iqis li jistgħu jkunu preżenti fl-istess ħin fil-Blue Lagoon b’mod sigur u sostenibbli?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32042 tal-Leġiżlatura XIV.
Day visitors – Inċentiv/kontribut għal-lokalitajiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi inċentiv jew kontribut maħsub mill-Gvern għal dawk il-lokalitajiet li jkollhom ħafna day visitors u jekk iva, x’se jkun dan l-inċentiv jew kontribut?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għal dak imħabbar fid-diskors tal-Budget għas-sena 2027.
Dħul mill-kontribuzzjoni ekoloġika fuq it-turiżmu – Allokazzjoni – Kunsilli lokali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux ser ikun hemm allokazzjoni speċifika mid-dħul addizzjonali li se jiġi ġġenerat miż-żieda fil-kontribuzzjoni ekoloġika fuq it-turiżmu għall-kunsilli lokali? Jekk iva, jista’ jgħid minn meta se tiġi applikata?
Dħul mill-kontribuzzjoni ekoloġika fuq it-turiżmu – Allokazzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm mid-dħul addizzjonali li se jiġi ġġenerat miż-żieda fil-kontribuzzjoni ekoloġika fuq it-turiżmu se jiġi allokat direttament lil dawk il-lokalitajiet li qed jesperjenzaw l-akbar pressjoni turistika?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-dettalji sejrin jiġu mħabbra fiż-żmien propizju.
Użu tad-dħul mill-kontribuzzjoni ekoloġika fuq it-turiżmu
Question
Jista’ l-Ministru jipprovdi rendikont dettaljat ta’ kif id-dħul mill-kontribuzzjoni ekoloġika fuq it-turiżmu ntuża matul l-2025 u l-ewwel sitt xhur tal-2026, inkluż in-nefqa skont il-lokalità?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm sodod ta’ lukandi kienu disponibbli iżda ma kinux okkupati matul ix-xhur tal-ogħla staġun turistiku tal-2025, u x’perċentwal tal-kapaċità totali dan kien jirrappreżenta?
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern għandux ħsieb illi jistabbilixxi mira massima nazzjonali għan-numru ta’ sodod turistiċi?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-Regolamenti dwar l-Akkomodazzjoni Turistika tal-2026 (L.S. 409.24) introduċew standards ogħla għall-kategoriji kollha ta’ akkomodazzjoni, inkluż iċ-Ċertifikat ta’ Konformità mal-Politika Turistika bħala rekwiżit għall-iżvilupp u l-liċenzjar ta’ proġetti ġodda. Fil-fatt, ir-regolamenti l-ġodda fuq l-akkomodazzjoni jagħtu stampa aktar ristretta ta’ fejn għandu jmur l-iżvilupp. Dik il-liġi flimkien ma’ inizjattivi u inċentivi oħra għandhom jirriżultaw f’titjib tal-prodott turistiku u diversifikazzjoni fl-investiment.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm sodod turistiċi liċenzjati bħalissa f’Malta u Għawdex, maqsuma skont il-kategorija ta’ akkomodazzjoni u l-lokalità? Jista’ jgħid ukoll x’żieda fil-kapaċità hija mistennija matul l-aħħar tal-2026 u l-2027?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif qed jinġabar u jingħata f’seduta oħra.
Regolamenti dwar l-Akkomodazzjoni Turistika tal-2026 – Applikazzjonijiet għal lukandi ġodda/estensjonijiet ta’ lukandi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew riċevuti applikazzjonijiet għal lukandi ġodda jew estensjonijiet ta’ lukandi, mill-introduzzjoni tar-Regolamenti dwar l-Akkomodazzjoni Turistika tal-2026, u kemm minn dawn ma jaqgħux taħt il-kriterji l-ġodda?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mid-dħul fis-seħħ tar-Regolamenti dwar l-Akkomodazzjoni Turistika tal-2026, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu rċeviet żewġ applikazzjonijiet għal lukandi ġodda, u żewġ applikazzjonijet għal estensjonijiet. L-applikazzjonijiet kollha jikkonformaw mal-kriterji l-ġodda stabbiliti.
Regolamenti dwar l-Akkomodazzjoni Turistika tal-2026 – Short-term rentals
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjanijiet sabiex ir-Regolamenti dwar l-Akkomodazzjoni Turistika tal-2026 japplikaw ukoll għal units ta’ akkomodazzjoni turistika għal żmien qasir (short-term rentals), li kienu jeżistu diġà fiż-żmien tad-dħul fis-seħħ ta’ dawn ir-Regolamenti?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-Regolamenti dwar l-Akkomodazzjoni Turistika tal-2026 li daħlu fis-seħħ fil-15 ta’ Ġunju 2026, diġà japplikaw għall-units kollha ta’ akkomodazzjoni turistika għal żmien qasir, inklużi dawk li kienu diġà liċenzjati qabel din id-data.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew identifikati proprjetajiet li kienu qed joperaw bħala akkomodazzjonijiet turistiċi għal żmien qasir (short-term rentals) mingħajr liċenzja tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) matul l-2025 u l-2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll kemm ittieħdu azzjonijiet ta’ infurzar u kemm ġew sospiżi jew revokati liċenzji?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul is-sena 2025 l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu identifikat 58 proprjetà li kienu qed joperaw bħala akkomodazzjonijiet turistiċi għal żmien qasir (short-term rentals) mingħajr il-liċenzja meħtieġa. B'rabta ma' dawn il-każijiet ittieħdu azzjonijiet ta' infurzar u nħarġu 116-il multa amministrattiva li jinkludu nuqqasijiet oħra.
Matul is-sena 2026 sal-ġurnata li fiha qed tingħata din it-tweġiba ġew identifikati 70 proprjetà li kienu qed joperaw mingħajr il-liċenzja meħtieġa filwaqt li nħarġu 155 multa amministrattiva.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm stabbilimenti liċenzjati ta’ akkomodazzjoni turistika għal żmien qasir (short-term rentals) li bħalissa qed joperaw f’Malta u Għawdex, maqsuma skont il-lokalità?
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-proġett pilota ta’ Tourism Community Support hux se jiġi estiż għal lokalitajiet turistiċi oħra u, jekk iva, jelenka dawn il-lokalitajiet u t-timetable għall-implimentazzjoni?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett pilota Tourism Community Support jinvolvi numru ta’ Ministeri li qed jikkolaboraw flimkien fuq numru ta’ inizzjattivi sabiex jilħqu l-mirijiet tal-proġett.
L-intenzjoni tal-Gvern hija li dan il-proġett jiġi estiż għal lokalitajiet oħra ġaladarba jiġi konkluż il-proġett pilota u jsiru l-evalwazzjonijiet neċessarji.
San Ġiljan u l-Belt Valletta – Tourism Community Support – Rapport
Question
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra rapport dettaljat dwar il-proġett pilota ta’ Tourism Community Support li qed jopera f’San Ġiljan u l-Belt Valletta, inkluż in-numru ta’ lmenti riċevuti, il-miżuri implimentati, in-nefqa magħmula u r-riżultati miksuba sal-lum?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett pilota Tourism Community Support fil-Belt Valletta u fis-Swieqi huwa intiż sabiex isaħħaħ il-monitoraġġ, l-infurzar u l-koordinazzjoni bejn l-entitajiet konċernati, bil-għan li jiġu indirizzati b’mod aktar effettiv kwistjonijiet relatati mal-attività turistika u l-impatt fuq il-komunitajiet lokali.
Dan il-proġett pilota kien jikkonsisti f’numru ta’ inizjattivi minn diversi Ministeri u li s’issa għadu mhux konkluż. Ir-rwol tal-MTA f’dan il-proġett kien jiffoka fuq finanzjament fis-sistemi tal-monitoraġġ (CCTV) lill-Kunsill Lokali tas-Swieqi u sistema sperimentali ta’ sound level monitoring fil-Belt Valletta.
L-MTA kienet ukoll involuta f’inizjattivi ta’ infurzar kemm fis-Swieqi, kif ukoll fil-Belt Valletta, fejn saru mijiet ta’ spezzjonijiet f’postijiet t’akkomodazzjoni turistika.
Aktar dettalji jkunu jistgħu jingħataw galadarba il-proġett pilota jkun konkluż.
Żoni turistiċi – Impatt fuq il-kwalità tal-ħajja tar-residenti – Studju
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern wettaqx studju li jkejjel l-impatt tat-turiżmu fuq il-kwalità tal-ħajja tar-residenti fiż-żoni turistiċi ewlenin u jekk iva, iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra dawn ir-riżultati?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li tweġiba tingħata f’seduta oħra.