Wirt kulturali – Konservazzjoni/manutenzjoni – Investiment mid-dħul relatat mat-turiżmu
Question
Jista’ l-Ministru jgħid liema proporzjon tad-dħul relatat mat-turiżmu li jinġabar mill-Gvern jerġa’ jiġi investit direttament fil-konservazzjoni u l-manutenzjoni tal-wirt kulturali ta’ Malta?
Response (AGIUS GALEA, MALCOLM PAUL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern jibqa’ kommess li jinvesti b'mod kontinwu fil-ħarsien, il-konservazzjoni, ir-restawr u l-manutenzjoni tal-wirt kulturali u storiku ta’ pajjiżna, u dan ma jagħmlux biss mid-dħul relatat mat-turiżmu.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il viżitatur żar kull sit ewlieni ta’ wirt kulturali jew storiku mmexxija mill-Istat matul l-ewwel sitt xhur tal-2026 u xi dħul iġġenera kull sit?
Response (AGIUS GALEA, MALCOLM PAUL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fl-ewwel sitt xhur tas-sena 2026 aktar minn miljun viżitatur żaru s-siti ewlenin ta’ wirt kulturali u storiku f’Malta u Għawdex, amministrati minn Heritage Malta, li bejniethom iġġeneraw kważi sitt miljun ewro fi dħul.
Attrazzjonijiet turistiċi u l-bajjiet ewlenin ta’ Malta – Aċċessibbiltà għall-persuni b’diżabilità – Evalwazzjoni
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Gvern għamilx evalwazzjoni speċifika dwar l-aċċessibbiltà tal-attrazzjonijiet turistiċi u l-bajjiet ewlenin ta’ Malta għall-persuni b’diżabilità? Jekk fl-affermattiv, tista’ tqiegħed ir-riżultati ta’ din l-evalwazzjoni fuq il-Mejda tal-Kamra u fin-nuqqas ta’ dan, tinforma jekk hemmx intenzjoni li tali evalwazzjoni ssir?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Għawdex – Żjara ta’ turisti internazzjonali – Tul medju
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’kien it-tul medju taż-żjara ta’ turisti internazzjonali f’Għawdex matul l-2025 u fl-ewwel sitt xhur tal-2026 u x’mira hemm għas-sena 2027?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinġabar u tiġi ppubblikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) permezz ta’ pubblikazzjonijiet uffiċjali dwar l-istatistika tat-turiżmu, li huma aċċessibbli għall-pubbliku. Madankollu qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra tabella bl-informazzjoni rikjesta; liema informazzjoni hija estratta mir-rapporti rilevanti tal-NSO. Abbażi tad-data disponibbli bħalissa, huwa mistenni li t-tul medju taż-żjara f’Għawdex jibqa’ ġeneralment stabbli fil-futur qarib, madwar sitt iljieli. Fl-istess waqt, il-Ministeru għal Għawdex qed ikompli jimplimenta diversi inizjattivi li l-għan tagħhom huwa li jħeġġeġ lill-viżitaturi jqattgħu aktar ħin f’Għawdex. Dawn l-inizjattivi jinkludu fost l-oħrajn, l-iżvilupp u t-tisħiħ tal-prodott turistiku, investiment strateġiku u aktar diversifikazzjoni tal-esperjenzi offruti lid-diversi segmenti tas-suq turistiku.
Żieda fil-proporzjon tat-turisti li joqogħdu f’Għawdex – Mira
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-mira tal-Gvern biex il-proporzjon ta’ turisti internazzjonali li joqogħdu lejl jew aktar f’Għawdex tiżdied minflok iżuru Għawdex biss bħala turisti ta’ ġurnata?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-mira tal-Gvern hija li jkompli jsaħħaħ lil Għawdex bħala destinazzjoni turistika distinta, b’enfasi partikolari fuq it-turiżmu ta’ kwalità, esperjenzi turistiċi distinti, it-tnaqqis tal-istaġjonalità u t-tisħiħ ta’ Għawdex bħala destinazzjoni turistika għal matul is-sena kollha. In-numru ta’ viżitaturi li qed ikompli jissaħħaħ b’mod partikulari fis-shoulder months huwa xhieda ta’ dan.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm inġabar dħul mill-kontribuzzjoni ekoloġika fuq it-turiżmu matul l-2025 u l-ewwel sitt xhur tal-2026, u kemm huwa mistenni li jinġabar wara ż-żieda introdotta fl-1 ta’ Lulju 2026?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li għas-sena 2025 saru pagamenti ta’ €5,745,235. Minnhom €1,704,129 kienu arretrati ta’ snin passati.
Għas-sena 2026, sa Ottubru, saru pagamenti ta’ €4,508,693 li minnhom €1,857,556 kienu arretrati.
Dettalji dwar kemm huwa mistenni li jinġabar wara ż-żieda introdotta tingħata aktar ‘l quddiem.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern wettaqx stima tan-numru ta’ proprjetajiet residenzjali li nbidlu minn użu residenzjali għal żmien twil (long let) għal akkomodazzjoni turistika għal żmien qasir (short let) matul l-aħħar ħames snin u jekk iva, iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-riżultati maqsuma skont il-lokalità?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità tad-Djar ma tiġborx din l-informazzjoni peress li s-suq tal-kiri ta’ proprjetà għal skopijiet turistiċi mhux fil-mansjoni tal-Awtorità. Fl-istess waqt meta kuntratt ta’ kiri għall-użu residenzjali għal żmien twil jiġi tterminat, mhemmx obbligu li l-awtorità tkun infurmata dwar x’isir mill-istess proprjetà.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm uffiċjali tal-Pulizija li bħalissa huma assenjati speċifikament jew prinċipalment għal San Ġiljan, li tinkludi r-responsabbiltà għal Paceville u kif dan jitqabbel mal-2025?
Response (BEDINGFIELD, GLENN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li, filwaqt li fl-2025 kien hemm 70 għall-post imsemmi mill-Onor. Interpellant, fl-2026 għandna 96 uffiċċjal.
Paceville, San Ġiljan, Swieqi u l-lokalitajiet tal-madwar – Reati rrapurtati
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew irrappurtati reati li jinvolvu turisti f’Paceville, San Ġiljan, Swieqi u l-lokalitajiet tal-madwar matul l-aħħar ħames snin, maqsuma sena b’sena, skont it-tip ta’ reat u n-nazzjonalità tal-persuna involuta?
Response (BEDINGFIELD, GLENN)
L-Onor Interpellant għandu jkun infurmat illi l-pulizija meta tiġbor rapport ma tagħmilx distinzjoni jekk il-peruna tkunx turist jew le.
Għaldastant tali informazzjoni ma tistax’ tingħata.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew riċevuti lmenti mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) mingħand turisti matul l-2025 u l-ewwel sitt xhur tal-2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma skont il-kategorija?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu irċeviet total ta’ 1,182 ilment bejn l-1 ta’ Jannar 2025 u 30 ta’ Ottubru 2026. L-informazzjoni dwar il-kategoriji ta’ dawn l-ilmenti qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Turiżmu mediku u tas-saħħa – Strateġija nazzjonali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk ġietx ifformolata strateġija nazzjonali għat-turiżmu mediku u tas-saħħa u jekk iva, jqiegħed kopja tagħha fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li l-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu qiegħda taġġorna l-istrateġija għas-settur għaż-żmien li ġej u tikkonsulta fuq din in-niċċa li potenzjalment tista’ tattira turiżmu ta’ valur għoli.
Turiżmu internazzjonali lejn Malta – Perċentwal mis-swieq ewlenin
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’perċentwal tat-turiżmu internazzjonali lejn Malta bħalissa ġej mill-ħames swieq ewlenin, u jekk il-Gvern iqisx li Malta hijiex dipendenti żżejjed fuq xi suq partikolari?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li Malta llum tgawdi firxa wiesgħa ta’ swieq minn fejn jiġi t-turiżmu lejn pajjiżna. L-istrateġija hi li nżidu iżjed turiżmu minn swieq iktar imbegħda bħal Amerika ta’ Fuq, Amerika Latina, Asja u Awstralja.
L-Aqwa 5 swieq fit-2025 kienu: l-Ingilterra (20.9%); l-Italja (14.5%); il-Polonja (9.6%); Franza (7.1%); u l-Ġermanja (6.5%).
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-ħames swieq barranin li l-Gvern għandu l-ħsieb jagħti prijorità matul l-2027/2028 u r-raġuni għall-għażla ta’ kull wieħed minn dawn is-swieq?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li filwaqt li ser tkompli tikkonsolida dawk is-swieq meqjusa ewlenin, u dawk emerġenti , l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu ser tkun qiegħda tissokkta bil-ħidma tagħha biex tattira swieq ġodda fl-Ewropa u lil hinn.
Jista’ l-Ministru jgħid kif l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) tkejjel ir-redditu fuq l-investiment ta’ kull kampanja ewlenija ta’ marketing turistiku u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-aħħar riżultati disponibbli?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi jsiru diversi kampanji b’għanijiet differenti li fl-aħħar mill-aħħar ikunu ntiżi li b’mod konġunt jilħqu l-miri tagħhom f’suq jew niċċa partikolari. Reklamar ta’ destinazzjoni ma jistax jitkejjel f’iżolament.
Is-suċċess tal-industrija tat-turiżmu Maltija, kemm f’dawk li huma numri li jżuruna, kif ukoll id-dħul li tħalli din l-industrija fl-ekonomija, huma xhieda ħajja tad-deċiżjonijiet għaqlija li ttieħdu u huma rikonoxxuti lokalment kif ukoll internazzjonalment minn organizzazzjonijiet bħal UNTWO u Eurostat
Rotot ġodda tal-ajru – Appoġġ finanzjarju/inċentivi – Analiżi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’tip u x’dettall ta’ analiżi tal-ispiża u l-benefiċċju issir qabel jipprovdi appoġġ finanzjarju jew inċentivi għal rotot ġodda tal-ajru u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-aħħar analiżi li saret?
Linji tal-ajru - Inċentivi finanzjarji/garanziji/appoġġ ta’ marketing
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) jew xi entità pubblika oħra li taqa’ taħt il-Ministeru tat-Turiżmu jipprovdux inċentivi finanzjarji, garanziji jew appoġġ ta’ marketing lil-linji tal-ajru li joperaw rotot lejn Malta, u jagħti l-ammont allokat għal kull rotta?
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern wettaqx xi valutazzjoni u studju dwar il-kundizzjonijiet tal-impjieg, it-turnover tal-ħaddiema u r-remunerazzjoni medja fis-settur tal-ospitalità?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Is-setturi tal-ospitalità u tat-turiżmu – Programmi finanzjati mill-Gvern
Question
Jista’ l-Ministru jgħid xi programmi qed jiġu ffinanzjati mill-Gvern biex jitjiebu l-ħiliet, il-kompetenza lingwistika u l-istandards professjonali fis-setturi tal-ospitalità u tat-turiżmu?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-korsijiet kollha offruti mill-Istitut tal-Istudji Turistiċi, huma immirati biex itejbu l-ħiliet, il-kompetenzi lingwistiċi u l-istandards professjonali fis-settur tal-ospitalità u tat-turiżmu.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ċittadini ta’ pajjiżi terzi (TCNs) impjegati bħalissa fis-setturi tal-akkomodazzjoni, tal-ikel u x-xorb u setturi oħra relatati mat-turiżmu, maqsuma skont is-settur?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew installati toilets pubbliċi, faċilitajiet għall-ilma tax-xorb, faċilitajiet għall-bdil tal-ħwejjeġ u kontenituri addizzjonali għall-iskart fiż-żoni turistiċi ewlenin matul l-2025 u l-ewwel sitt xhur tal-2026?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.