Legislature:
Category:
Reset
Active:

Proċedura biex jiġu tterminati l-prokuri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif taħdem il-proċedura li introduċa hu, biex jiġu tterminati l-prokuri? Kemm ġiet tiswa? Kemm-il prokura diġà ġew terminati sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija b’din il-proċedura l-ġdida?

Response (BONNICI, OWEN)

L-inizzjattiva sabiex tiġi introdotta proċedura ġdida biex jiġu terminati l-prokuri ttieħdet is-sena li għaddiet permezz ta' Att IV tal-2016 li jemenda l-Kodiċi Ċivili u l-Avviż Legali 404 tal-2016 intitolat Regolamenti tal-2016 dwar Reġistru Elettroniku (Terminazzjoni tal-Mandati). Din il-proċedura ġdida dwar revoki ta' prokuri hija applikabbli f'każijiet ta' prokuri li jinvolvu persuni u mhux kumpaniji. Din il-proċedura tapplika kemm għall-prokuri ġenerali, u kif ukoll prokuri speċjali li s-suġġett tagħhom ikun jikkonċerna biss proprjeta' immobbli. Sabiex wieħed jirrevoka prokura huwa meħtieġ illi timtela waħda minn żewġ formoli pprovduti mill-Uffiċċju tan-Nutar tal-Gvern li huma msejħa Formola RPG (għal revoka ta' prokuri ġenerali) u Formola RSP (għal revoka ta' prokuri speċjali) rispettivament. Fiż-żewġ każijiet trid tiġi ppreżentata l-karta tal-identita' tal-persuna li qed titlob ir-revoka. Fil-każ tal-Formola RSP trid tiġi wkoll ippreżentata kopja tal-prokura speċjali li tkun se tiġi revokata. Kull applikazzjoni għar-revoka ta' prokura tista' ssir bi ħlas ta' 50 Ewro. L-Uffiċċju tan-Nutar tal-Gvern jipproċessa l-applikazzjonijiet kollha mit-Tnejn sal-Ġimgħa (esklużi btajjel pubbliċi) sat-15:00. Il-lista ta' applikazzjonijiet tiġi aġġornata onlajn kuljum sat-15:30 fuq is-sit tal-Uffiċċju tan-Nutar tal-Gvern li jifforma parti mill-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali. Din l-inizzjativa għenet ħafna sabiex il-pubbliku jkun dejjem moqdi aħjar u b'inqas burokrazija. Il-pubbliku issa għandu l-faċilita' li jiċċekkja onlajn fis-sit fuq imsemmi u għalhekk saret aktar faċli sabiex il-professjonalisti jaċċertaw ruħhom li t-tali prokurahija waħda valida u għalhekk tnaqqas ukoll l-abbuż. Salv dan kollhu, insibu wkol l-fatt li iċ-ċittadin qed jiffranka ħafna spejjeż li fejn qabel din il-proċedura kienet tiswa madwar 2000 Ewro, illum il-ġurnata b’din il-miżura ġiet tiswa biss 50 Ewro. Inoltre r-revoka qed issir fl-istess ġurnata fir-reġistru elettroniku. Sat-22 ta' Settembru 2017 saru 117 –il revoka ta' prokura.

Scholarships Unit – investiment allokat għal skemi ta’ boroż ta’ studju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien l-investiment allokat għal din is-sena f’fondi nazzjonali u Ewropej, għal skemi ta’ boroż ta’ studju amministrati mill-iScholarships Unit tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-investiment allokat għal din is-sena kemm f’fondi nazzjonali kif ukoll dawk Ewropej, għal skemi ta’ boroż ta’ studju amministrati mill-iScholarships Unit tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, huwa kif muri fit-tabella t’hawn taħt, jiġifieri: Skema Tip ta’ Fondi Investiment allokat għal din is-sena Malta Arts Scholarships Scheme Fondi Nazzjonali €250,000 Malta Sport Scholarships Scheme Fondi Nazzjonali €120,000 ENDEAVOUR Scholarships Scheme – Group A Fondi Soċjali Ewropew €1,600,000 ENDEAVOUR Scholarships Scheme – Group B Malta Government Scholarships Fund Fondi Nazzjonali €900,000

Lista tal-qgħad — persuni

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tan-numru ta' persuni fil-lista tal-qgħad mill-2011 sal-lum? Jista’ jgħid ukoll f'liema oqsma l-iktar li sabu impiegi dawk il-persuni li kienu fir-reġistru?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ persuni li kienu qed jirreġistraw fuq l-ewwel u t-tieni parti tar-reġistru, xahar b’xahar mill-2011 sa Mejju 2017, hu kif muri fit-tabella hawn taħt: 2011 2012 2013 2014 2015 2016 2017 Jannar 6,797 6,714 7,237 7,789 6,384 4,710 2,889 Frar 6,960 6,921 7,279 7,753 6,190 4,511 2,766 Marzu 6,662 6,966 7,350 7,644 5,894 4,033 2,649 April 6,585 6,773 7,176 7,291 5,568 3,751 2,577 Mejju 6,366 6,698 7,292 7,141 5,333 3,511 2,502 Ġunju 6,212 6,697 7,279 6,751 5,209 3,441 Lulju 6,510 6,664 7,298 6,834 5,062 3,360 Awwissu 6,465 6,821 7,457 6,698 4,914 3,261 Settembru 6,554 6,869 7,619 6,599 4,924 3,207 Ottubru 6,538 7,013 7,594 6,596 4,916 3,166 Novembru 6,592 7,098 7,639 6,501 4,760 3,021 Diċembru 6,587 6,811 7,401 6,287 4,615 2,912 Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-oqsma tal-impjiegi ta’ dawk il-persuni li kienu fuq ir-reġistru tal-qgħad u sabu xogħol. Din l-informazzjoni hi meħuda skont il-formoli tal-bidu u t-tmiem tal-impjieg li tirċievi l-Jobsplus.

Nisa fid-dinja tax-xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tan-numru ta' nisa li kienu fid-dinja tax-xogħol mill-2011 sal-lum? Jista’ jgħid ukoll f'liema oqsma l-iktar li sabu impiegi?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. interpellant li skont l-informazzjoni li għandha l-Jobsplus in-numru ta’ nisa li kienu jaħdmu Full-Time u Part-Time biss fl-aħħar ta’ Diċembru tas-snin mill-2011 sal-2016 hu kif muri fit-tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. It-tabella turi f’liema oqsma kienu dawn l-impiegi u turi wkoll li n-numru ta' nisa fid-dinja tax-xogħol żdied bi 32% f'dawn is-snin.

Persuni li gawdew minn revision classes

Question

Jista’ l-Ministru jagħti dettalji ta' kemm kienu l-persuni li gawdew minn revision classes? Minn mindu ġew introdotti, jista’ jgħid liema suġġetti ġew magħżula? Jista’ jagħti wkoll rendikont tal-ħidma għal dan is-sajf?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li 2,097 student gawdew mill-inizjattiva ta’ revision classes b’xejn fil-Matematika, Ingliż, Fiżika u Malti matul dawn l-aħħar tliet snin. Dawn il-klassijiet ser jerġgħu jiġu offruti din is-sena fis-suġġetti msemmija, u għall-ewwel darba ser ikunu qed jingħataw klassijiet ta’ reviżjoni b’xejn anke fil-Bijoloġija. Il-klassijiet isiru fuq medda ta’ ħames ġimgħat, mill-aħħar ta’ Lulju sa l-aħħar t’Awwissu, u bħas-snin ta’ qabel huma eliġibbli studenti li jġibu 6, 7, U jew ġew immarkati assenti fl-eżamijiet ta’ Mejju ta’ Livell Ordinarju/SEC. L-applikazzjoni onlajn tkun disponibbli hekk kif jiġu ppubblikati r-riżultati tal-eżamijiet ta’ Mejju mill-MATSEC u l-istudenti jingħataw ukoll past papers ta’ dawn l-aħħar ħames snin b’xejn.

Il-proġett tat-tablets

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-progett tat-tablets u kif inhu ppjanat li jkompli jitwettaq? Jista’ jagħti tagħrif dwar l-ammont ta' investiment li ntefaq f'dan il-proġett s'issa?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma l-Onor. Interpellant li fil-fażi ta’ implimentazzjoni nazzjonali, f’Diċembru 2016 beda t-tqassim tat-tablets lit-tfal kollha tar-raba’ sena li jattendu l-iskejjel tal-Istat, tal-Knisja u dawk Indipendenti. F’Settembru 2016, l-għalliema u LSAs tar-Raba’ Sena attendew taħrig fuq din l-għodda edukattiva. Bejn Settembru 2016 sal-ġranet meta t-tfal bdew jirċievu t-tablet, l-għalliema komplew jiġu megħjuna biex jużaw it-tablet waqt it-tagħlim ta’ diversi suġġetti. Kien hemm taħriġ addizzjonali għall-għalliema kumplimentari u anke taħriġ onlajn. Minn Jannar sa Ġunju 2017, l-għalliema u LSAs komplew jingħataw għajnuna u taħriġ minn għalliema speċjalizzati fi ħdan id-Direttorat tal-Litteriżmu Diġitali, fejn ġew identifikati lezzjonijiet li fihom it-tablet intużat bħala għodda biex jintlaħqu l-għanijiet kurrikulari. Matul il-bidu tal-programm jiġifieri f’Novembru 2016, u li tkompla f’Jannar u Frar 2017, saru diversi laqgħat għal ġenituri biex ikunu infurmati fuq din l-għodda u jaraw kif għandhom jgħinu lil uliedhom jużaw it-tablet sew. Saru laqgħat kemm fil-format ta’ lectures kif ukoll oħrajn fejn il-ġenituri attendew il-lezzjoni flimkien mat-tfal tagħhom fil-klassi. Matul ix-xhur ta’ bejn Frar u Mejju 2017 ġew identifikati l-għalliema u LSAs kollha tal-Ħames Sena mill-iskejjel kollha ta’ Malta u Għawdex. Dawn ġew imsejħa biex jattendu għat-tieni sensiela ta’ taħriġ indirizzat għal dawn l-edukaturi li ser ikunu qed jaħdmu b’din l-għodda mis-sena skolastika li jmiss. It-taħriġ li seħħ f’ħames postijiet, inkluż f’Għawdex, saru fis-7, 10 u 11 ta’ Lulju 2017. Madwar 500 edukatur attendew għal dan it-taħriġ u ngħataw t-tablet. Huwa maħsub li bejn Settembru u Ottubru 2017 jibda l-proċess li jingħataw it-tablet it-tfal kollha tar-raba’ sena għas-sena skolastika 2017/2018. Dan ifisser li jkun beda t-tieni ċiklu liema ċiklu jerġa’ jirrepeti ruħu fit-tielet sena. Bdiet l-evalwazzjoni tal-ewwel ftit xhur u l-monitoraġġ ta’ kif intuża t-tablet mit-tfal. Ġie iffirmat ftehim mal-Università ta’ Malta biex jintuża t-tablet li qed jitqassam lill-għalliema u studenti sabiex l-Università jkollha sett ta’ tablets li tista’ tħarreġ lill-għalliema-studenti fil-Fakultà tal-Edukazzjoni. Tfassal ukoll programm ta’ taħriġ li se jagħtuh għalliema speċjalizzati mid-Direttorat tal-Litteriżmu Diġitali. L-ammont ta’ investiment li ntefaq f’dan il-proġett s’issa huwa ta’ €4,864,148.21 (jinkludi VAT).

Boroż ta’ studju mogħtija

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif fuq in-numru ta' boroż ta' studju li ngħataw mill-2011 sal-lum u l-ammont ta' investiment li ntefaq? X'hemm ipproġettat għal din is-sena?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bit-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant.

Studenti li gawdew minn stipendju u għotjiet relatati

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' studenti li gawdew minn stipendju u għotjiet relatati, mill-2011 sa din is-sena skolastika? Jista’ wkoll jipprovdi dettalji dwar it-total ta' għotjiet għal kull sena?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta' studenti li gawdew minn stipendju u għotjiet relatati baqa' jiżdied kull sena minn 16,927 fl-2011 għal kważi 19,000 fis-sena akkademika li għaddiet. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bit-tagħrif mitlub mill-Onor. interpellant.

Twessiegħ ta’ parametri tal-għotjiet tal-istudenti u żidiet relatati

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif twessgħu l-parametri tal-għotjiet tal-istudenti u żidiet relatati kif ukoll liema studenti gawdew minnhom?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul dawn l-aħħar snin ġew introdotti diversi inċentivi. L-iskop ewlieni ta’ din l-istrateġija kien li jitħaffu l-proċessi u l-istrutturi billi jiġu applikati l-istess proċeduri komuni għal kull student li japplika għall-imsemmija Għotjiet ta’ Manteniment. L-Uffiċċju tal-Għotjiet ta’ Manteniment għamel investiment qawwi f’dan il-qasam u issa ninsabu f’pożizzjoni tajba ħafna biex inlaħħqu mad-domanda dejjem tikber ta’ applikazzjonijiet u naturalment mal-aspettattiva tal-istudent f’dan ir-rigward. In-numru ta’ studenti li qed ikomplu jistudjaw, kemm fil-livell post-sekondarju kif ukoll fil-livell terzjarju qiegħed kulma jmur dejjem jiżdied. In-numru ta’ studenti li applikaw fis-sistema onlajn din is-sena akkademika 2016/2017 taqbeż id-19,000 student. Miżuri li ġew introdotti f’dawn l-aħħar erba’ snin huma: Fis-sena akkademika 2013/2014 beda jingħata għall-ewwel darba stipendju lil studenti li jirrepetu sena fil-kors tagħhom u l-istipendju beda jiġi rivedut kull sena b’rata proporzjonali tal-cola; iz-żieda tal-għoli tal-ħajja. Din is-sena akkademika tneħħiet is-sistema tal-ismart card u l-għotjiet lill-istudenti bdew jingħataw direttament fil-kont tal-bank tagħhom. Minn din is-sena akkademika studenti li jistudjaw għal Doctor in Veterinary Medicine bdew jircievu rata ta’ stipendju ogħla u klassifikata bhal High Priority. Ir-rata ta’ stipendju kienet dik ta’ €300 kull erba’ gimgħat. Fl-2013 kien hemm 6 studenti ġodda li bdew dan il-kors u 27 student ieħor li kienu għaddejjin b’dan il-kors. Fis-sena 2015/16 diversi korsijiet ġodda żdiedu mal-lista ta’ dawk eliġibbli għall-għotjiet ta’ manteniment lill-istudenti, inkluż il-Postgraduate Diploma fin-Nutrition u Dietetics li beda jitqies ukoll eliġibbli għall-għotjiet ta’ manteniment lill-istudenti. Fis-sena akkademika 2015/2016 il-proġett edukattiv Gem 16+ u cioe’ Guze’ Ellul Mercer 16+ laqa’ 69 student li kollha tqiesu eliġibbli għall-għotjiet ta’ manteniment lill-istudenti u ħafna minnhom applikaw ukoll għall-għotja supplimentari. Id-dipartiment irċieva wkoll 108 applikazzjoni mill-Agenzija Żgħażagħ (Youth Inc.) b’aktar minn 48 minnhom japplikaw għall-għotja supplimentari. Din is-sena akkademika hemm 90 student fil-programm Gem 16+ filwaqt li l-Agenzija Żgħażagħ laqgħet 143 student. Kien hemm diversi inċentivi oħra mnedija fis-sena akkademika 2015/2016, fosthom il-ħlas tal-għotja ta’ darba lill-istudenti tat-tieni sena li jkunu qed jagħmlu kors bl-apprentistat fl-MCAST. Din l-għotja tfisser li issa l-istudenti tal-apprentistat fl-MCAST u li qegħdin fit-tieni sena tal-kors tagħhom ser jibdew jirċievu l-għotja inizjali fil-bidu tas-sena akkademika. Fil-fatt 362 student ircieva l-għotja f’Marzu u dan ammonta għal investiment ta’ €42,479.58. Fi Frar 2016 l-istipendji u stipendji supplimentari reġgħu ġew riveduti b’ammont proporzjonali taż-żjieda tal-għoli tal-ħajja (cola) u għaldaqstant l-istipendji u stipendji supplimentari ġew aġġustati b’żjieda ta’ 0.93%. Dan sarraf f’investiment akbar ta’ circa €161,405 għas-sena akkademika 2015/6. Inċentivi oħra kienu jinkludu l-klassifikazzjoni ta’ korsijiet li ġew meqjusa bħala eliġibbli għal stipendju ogħla fosthom B.Sc Pharmaceutical Technology li ġie iklassifikat bħala kors preskritt għal fini ta’ stipendju biex hekk dawn l-istudenti bdew jieħdu għotjiet ta’ manteniment lill-istudenti ħafna ogħla. L-istudenti maturi bdew jitqiesu wkoll awtomatikament eliġibbli għall-għotjiet ta’ manteniment lill-istudenti minn Jannar 2016 u għaldaqstant ma baqax jintalab rendikont tad-dħul ta’ dawk residenti fl-istess household biex tiġi determinata l-eliġibbilità ta’ studenti li jiġu aċċettati għall-kors taħt il-klawsola tal-maturità. Tajjeb jintqal ukoll illi fl-2015 id-Dipartiment tal-Edukazzjoni u x-Xoghol investa biex id-Dipartiment għall-Għotjiet ta’ Manteniment lill-Istudenti jkollha sistema onlajn biex l-istudenti japplikaw kollha f’applikazzjoni waħda li minnha jiġu ġġenerati l-ħlasijiet wara li tiddaħħal l-attendenza fejn applikabbli. Għall-ewwel darba studenti fl-apprentistat fl-MCAST bdew jirċievu stipendju speċjali fix-xhur tas-Sajf u cioe’ tliet pagamenti konsekuttivi ta’ €233. Is-sena akkademika 2016/7 nediet diversi miżuri oħra fosthom: Minn din is-sena akkademika, studenti li jagħlqu 16-il sena u jkomplu jistudjaw u jitħarrġu fil-Programm ta’ Tagħlim Alternattiv f’Raħal Ġdid fil-Livell 3 tal-Qafas tal-Kwalifiki Malti fil-Hospitality and Customer Care u fil-Welding and Fabrication bdew jitqiesu eliġibbli biex jingħataw stipendju wkoll. 26 student ibbenefikaw minn din il-miżura. Fi Frar 2017, il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol approva r-rakomandazzjoni tal-Bord tal-Għotjiet ta’ Manteniment lill-Istudenti biex il-korsijiet fl-Aeronaturics u Aerospace Engineering jitqiesu bħala High Priority Course u fil-fatt dawn l-istudenti bdew jirċievu l-ammont ta’ €307.68 kull erba’ ġimgħat minn Jannar 2017. Għaldaqstant dawn l-istudenti bdew jirċievu wkoll rata ta’ għotja ogħla. Studenti li jagħmlu sena waħda addizzjonali fil-kors tagħhom bdew jingħataw stipendju wkoll għas-sena addizzjonali u jitqiesu bħala studenti li qed jirrepetu sena fil-kors tagħhom. Ġiet ikkonfermata mill-MFIN ir-rata ta' 0.91% bħala r-rata ta' reviżjoni għall-għotjiet ta' manteniment lill-istudenti u l-istipendju u l-istipendju supplimentari ġew riveduti b’din ir-rata; Ġew riveduti t-thresholds tal-qligħ b’rabta mal-eliġibbilità għall-għotja supplimentari; Studenti b’diżabbilità u studenti li joqogħdu fi djar tal-Knisja u konservatorji, fost l-oħrajn, bdew jitqiesu awtomatikament eliġibbli għall-għotjiet ta’ manteniment, inkluż l-għotja supplimentari; Studenti li għal xi raġuni ma jtemmux kors b’suċċess u jiddeċiedu li jmorru għal kors ta’ studju li jwassal għal kwalifiki tal-istess livell jew aktar baxxi bdew għall-ewwel darba jieħdu l-istipendju u Bdiet tingħata wkoll għotja addizzjonali lil ġenituri waħedhom li jkomplu jistudjaw fuq livell post- sekondarju, terzjarju u / jew vokazzjonali. Minn din is-sena wkoll il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol approva wkoll ħlas għall-għotjiet ta’ manteniment lill-istudenti lil dawk li segwew korsijiet post sekondarji taħt il-United World Colleges u istituzzjonijiet oħra post sekondarji.

Postijiet edukattivi – xogħol ta’ manutenzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tax-xogħol ta' manutenzjoni li se jsir f'postijiet edukattivi matul dan is-sajf u x'inhi n-nefqa pproġettata?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rendikont tax-xogħol ta' manutenzjoni li se jsir f'postijiet edukattivi, mill-ħaddiema li jaħdmu fl-iskejjel u d-Direttorat għal Servizzi Edukattivi, matul dan is-sajf qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. In-nefqa pproġettata hija dik ta’ €440,000.

Tnaqqis fl-assentejiżmu fl-iskejjel

Question

Jista’ l-Ministru jagħti dettalji dwar il-ħidma biex jonqos l-assentejiżmu fl-iskejjel u x'tip ta' xogħol sar matul din is-sena skolastika?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul din is-sena skolastika saret dan il-ħidma biex jonqos l-assentejiżmu fl-iskejjel tal-istat: a) Mill-bidu tas-sena sar l-moniteraġġ tal-attendenza tat-tfal kollha fuq is-sistema elettronika mill-ħaddiema soċjali. b) Fil-bidu tas-sena sar kuntatt mal-uffiċċju tad-Direttur Ġenerali, Servizzi Edukattivi (DG DES) biex tissejjaħ laqgħa mal-imsieħba kkonċernati sabiex tibda l-ħidma fuq SOPs mal-Pulizija ta’ Malta u mal-FSWS. L-SOPs ġew iffirmati f'Mejju u saru aktar laqgħat mal-imsieħba biex titjieb il-kollaborazzjoni. c) Matul is-sena skolastika inżammet komunikazzjoni kontinwa bejn id-Direttur tan-National School Support Services, il-Principal Social Worker, l-iskejjel u l-imsieħba soċjali bil-għan li tingħata l-aħjar għajnuna lill-istudenti li jfallu. d) Inġabret mis-SIS l-istatistika ta’ kull term tas-sena skolastika 2016-2017 biex issir analiżi tad-data li tintuża biex tiġi riveduta l-għajnuna li qed tingħata lil dawn l-istudenti u l-familji tagħhom biex tkun aktar iffukata u effettiva e) F’April ġie preżentat dokument lis-Segretarju Permanenti fil-MEDE u lid-DG DES bi proposti ta' linji gwida dwar studenti barranin kemm dawk mill-pajjiżi tal-EU u dawk barra mill-EU li ma jkunux qed jattendu għal iżjed minn 25 ġurnata mingħajr awtorizzazzjoni. f) Saru wkoll diversi laqgħat mal-Prinċipali tal-Kulleġġi u anke kapijiet ta’ Skola. Diġà saru laqgħat fejn ġew diskussi fid-dettall il-miri u l-azzjonijiet tal-KPI dwar it-Tnaqqis fl-Assentejiżmu b'referenza għal kull skola fi ħdan il-Kulleġġ. g) Intbagħtet ċirkolari bħala reminder lill-iskejjel dwar l-importanza li jsegwu l-Addressing Attendance in Schools Procedures. h) Matul din is-sena ġew segwiti 604 studenti li fallew l-iskola b'mod regolari u mingħajr awtorizzazzjoni skont il-pjan ta' azzjoni mfassal. Ġie mfassal pjan ta' azzjoni għal kull wieħed minn dawn l-istudenti. Sar moniteraġġ dwar l-azzjonijiet imfassla waqt is-sessjoni ta' superviżjoni li ssir kull xahar ma' kull ħaddiem soċjali fejn jiġu riveduti u diskussi l-pjanijiet ta' azzjoni tal-istudenti li jsegwu u tintalab informazzjoni dwar il-ħidma mwettqa i) Matul it-tieni term ġew identifikati l-istudenti li jistgħu jibbenefikaw mill-programm tal-ALP għas-sena skolastika 2017-2018. Sar kuntatt ma' studenti li ma jattendux l-iskola permezz ta' viżti fid-djar. Il-Career Guidance practitioners għenu lill-istudenti biex jidentifikaw il-preferenza vokazzjonali tagħhom waqt sessjonijiet individwali. j) Saret il-laqgħa mal-project leader tal-miżura tal-baġit 88 fejn ġiet mogħtija d-data tal-istudenti li ser jibbenifikaw minn din il-miżura. Saret analiżi tal-attendenza ta' dawn l-istudenti u l-professjonisti psiko-soċjali fi ħdan il-Kulleġġi rispettivi intalbu jagħtu rendikont tal-ħidma li saret ma dawn l-istudenti k) Sar ukoll kuntatt mal-istudenti li temmew il-Form 5 biex jiġu gwidati fil-qasam tax-xogħol jew isegwu programm edukattiv jew jipparteċipaw f'diversi skemi bħal Youth Guarantee u Get Into.

Investiment tal-Gvern f’LSAs

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-investiment tal-Gvern f'LSAs, inkluż dawk mhux tal-istat, mill-2011 'l hawn?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni dwar l-għadd ta' LSAs li ġew ingaġġati u promossi mill-2011 'l hawn. Ninforma wkoll lill-Onor. Interpellant li saru ħlasijiet lill-iskejjel indipendenti skont il-ftehim li għandu l-Gvern mal-istess skejjel għall-pagi u benefiċċji tal-LSAs. Dawn il-ħlasijiet saru kif se nsemmi: Sena Spiża 2011 €305,656.00 2012 €585,882.00 2013 €1,293,390.00 2014 €1,834,330.00 2015 €2,481,681.00 2016 €2,711,579.00 2017 (sa 03/07) €1,442,686.00