Legislature:
Category:
Reset
Active:

Awtorità tal-Ippjanar – Planning Fund – fondi allokati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew allokati fondi minn flus miġbura mill-Awtorità tal-Ippjanar taħt il-Planning Fund, biex isir titjib fl-irħula u l-ibliet tagħna għall-benefiċċju tal-komunitajiet rispettivi? Liema kienu l-proġetti li bbenefikaw minn dan il-fond is-sena li għaddiet?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ammont ta’ fondi li ġew allokati minn flus miġbura mill-Awtorità tal-Ippjanar taħt il-Planning Fund, biex isir titjib fl-irħula u l-ibliet tagħna għall-benefiċċju tal-komunitajiet rispettivi minn meta gie mwaqqaf dan il-fond fis-sena 2016 huwa ta’ żewġ miljuni mitejn u tnejn u disgħin elf erba’ mija w erba’ u tletin ewro u sittax-il ċenteżmu (€2,292,434.16). Il-proġetti li bbenefikaw minn dan il-fond is-sena li għaddiet huma hekk kif ġej: Iklin Local Council Embellishment of Triq il-Wied and its Junctions to Secondary Roads Żabbar Local Council Refurbishment of Restrooms at Garden in Zabbar Marsa Local Council Embellishment/Upgrading of existing public staircase in Triq San Tumas, Marsa Qormi Local Council Tibdil fil-pavimentar tal-bankini fi Triq Fremond Nadur Local Council Supply and Install Planters at Pjazza San Pietru u San Pawl Marsascala Local Council Resurfacing of Carriage Way of Triq il-Qaliet incl. Scarifying of existing material and laying of asphalt Birkirkara Local Council Proposed Change of Use from Child Care Centre to B'Kara Historical Malta Railway Museum, incl. Minor Internal Facade Alteration and Installation of Lift; Proposed Kiosk; Refurbishment of Gnien L-Istazzjon; Replacement of Part of Boundary Wall and Repositioning of Former Train wagon in Front of Proposed Transport Museum St.Paul's Bay Local Council Resurfacing of Roads Marsa Local Council Construction of Fountain & Reservoir Vittoriosa Local Council Replacement of existing benches at Xatt ir-Risq near 31st March Monument Vittoriosa Local Council Replacement of existing benches at Couvre Porte Tarxien Local Council Resurfacing of Roads Pieta Local Council Amendments to existing public garden layout with the aim to increase parking provisions from 44 to 67 parking spaces. Proposal involves minor take up of existing landscapted area and part of existing paved area Dingli Local Council Detail, Manufacture and Install Pedestal in Local Zonqor for Bust in Misrah Guze Abela Sliema Local Council Proposed pavement and road surfacing works Hamrun Local Council Refurbishment of Pjazza Kappillan Muscat

Skema “Irrestawra Darek”

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ibbenefikaw familji mill-iskema “Irrestawra Darek” u x’kien l-ammont ta’ pagamenti li ħarġu s’issa? Kemm kienu l-first-time buyers li bbenefikaw minn din l-iskema u kemm kien hemm proprjetarji li bbenefikaw mir-restawr tal-faċċati?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kien hemm tmien mija u disgħa (809) benefiċjarju eliġibbli ghall-iskema “Irrestawra Darek”. Sa l-aħħar ta’ Dicembru 2017 tħallsu sitta u għoxrin (26) benefiċjarju li bbenefikaw minn total ta’ mija u seba' u għoxrin elf tlett mija u erba u għoxrin Ewro u ħmistax il-ċenteżmu (€127,324.15). Bħal issa m’hemmx talbiet għall-pagamenti pendenti. Bħala first-time buyers li bbenefikaw minn din l-iskema kien hemm mitejn u sitta u sittin (266). Hames mija u tlieta u erbgħin (543) sidien kienu eliġibbli li mhumiex First Time Buyers għar-restwar tal-faċċati. Hemm mija u hamsa u tletin (135) każ ieħor assoċjat ma’ l-iskema Irrestawra Darek li bħal issa għaddej ix-xogħol ta’ restawr. Dawn qed jiġu moniterjati mill-Awtorita’ tal-Ippjanar biex jiġi assikurat xogħol ta’ kwalita’.

Mediċini out of stock

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il mediċina hemm out of stock illum u jekk hemm, kemm ilha out of stock? Jista’ jagħti rendikont ta’ kif din iċ-ċifra titqabbel mas-sitwazzjoni fil-pajjiż fl-2012?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bħalissa ma hemm l’ebda mediċina out of stock kemm fl-isptar Mater Dei u kif ukoll fl-Ispiżerija tal-Għażla tiegħek. Ninfurmah ukoll illi fl-2012 kien hemm madwar 160 mediċina out of stock.

Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo – pazjenti — kura

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il pazjent ingħata kura miċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo minn meta beda jopera dan l-isptar s’issa?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi n-numru ta’ attendenzi fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo bejn Jannar u Ottubru ta’ din is-sena kien ta’ 72,859. Il-figuri mogħtija jirreferu għal attendenzi u mhux pazjenti għaliex persuna jista’ jkollha aktar minn attendenza waħda f’perjodu ta’ żmien.

Persuni – kura/trattament barra minn Malta

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ kemm-il persuna marret tieħu kura jew trattament barra minn Malta fl-aħħar erba’ snin u sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija? Jista’ jgħid ukoll kemm-il persuna bbenefikat mill-inizjattiva li jitilgħu ż-żewġ ġenituri mal-ulied li jkollhom bżonn kura barra l-pajjiż tul din il-leġiżlatura sakemm titwieġeb din il-mistoqsija?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tabella t’hawn taħt. Sena Numru ta’ Pazjenti li ntbagħtu barra minn Malta għall-kura(ġewwa l-Ingilterra kif ukoll f'pajjiżi oħra fl-Ewropa) Numru ta’ Episodji ta’ Pazjenti li ntbagħtu barra minn Malta għall-kura(ġewwa l-Ingilterra kif ukoll f'pajjiżi oħra fl-Ewropa) Numru ta’ Persuni li bbenefikaw mill-inizjattiva li jitilgħu ż-żewġ ġenituri 2014 484 728 177 2015 499 759 186 2016 549 825 205 2017(sal-11 ta' Diċembru) 507 792 183

Operazzjoni tal-Katarretti – lista ta’ stennija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, fil-preżent, kemm qed iddum persuna fuq il-lista ta’ stennija (waiting list) għall-operazzjoni tal-katarretti u kif dan jitqabbel mal-2012?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fl-2012 pazjent biex issirlu l-operazzjoni tal-kataretti kien idum jistenna madwar tlett snin, filwaqt li taħt amministrazzjoni laburista dan iż-żmien naqas għal madwar erbgħa xhur. Il-lista ta’ stennija fl- 2012 kienet iktar mid-doppju ta’ dak li hi llum.

Testijiet tal-MRI – lista ta’ stennija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm qed iddum persuna tistenna biex isirilha t-test tal-MRI u dak tal-bone density u kif dan jikkompara mal-2012?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ż-żmien ta’ stennija għal MRI hija madwar 3 u 4 xhur filwaqt li fl-2013 din kienet ta’ 18 -il xahar. Rigward it-test tal- bone density , m’hemmx lista ta’ stennija u l-pazjenti isirilhom dan it-test kif mitlub mit-tabib tagħhom. Fl-2013 iż- żmien ta’ stennija kien ta’ madwar 7 xhur.

Awtorità tal-Ippjanar – applikazzjonijiet għal boutique hotels, guesthouses u akkomodazzjonijiet oħra

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm daħlu applikazzjonijiet mill-bidu ta’ din is-sena ‘l hawn għand l-Awtorità tal-Ippjanar għal boutique hotels, guesthouses jew forom oħra ta’ akkomodazzjoni? Jista’ l-Ministru jaqsam din l-informazzjoni fi skeda li tindika kemm daħlu tali applikazzjonijiet skont kull lokal f’Malta u f’Għawdex?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dettalji mitluba qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

Awtorità tal-Ippjanar – applikazzjonijiet għal medium u high-rises

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm daħlu applikazzjonijiet mill-bidu ta’ din is-sena ‘l hawn għand l-Awtorità tal-Ippjanar għal medium u high-rises? Jista’ l-Ministru jaqsam din l-informazzjoni fi skeda li tindika kemm daħlu tali applikazzjonijiet skont kull lokal f’Malta u f’Għawdex?

Response (BORG, IAN)

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 2637, l-Awtorità tal-Ippjanar irċeviet għaxar (10) applikazzjonijiet ta’żvilupp relatati ma’ medium u high-risesmatul din is-sena. It-tabella t'hawn taħt qed tagħti l-ammont kwotat skont il-kunsill lokali relevanti. Din l-informazzjoni nġabret mis-sistema tal-informatika tal-istess Awtorità fuq applikazzjoniet fuq Screening Applications aċċettati bħala kompluti u Outline Applications ivvalidati mill-01/01/2017 sal-lum u li jirrelataw ma’ bini medium u high-rises. Kunsill Lokali Ammont Birkirkara 2 Gżira 2 Marsa 1 Msida 1 Qormi 1 San Ġiljan 2 Sliema 1
Leg 13 PQ #2420 Sitting 54 2017-11-20 Oral · Final From: ALEX MUSCAT To: Ministeru għat-Turiżmu

Tourist arrivals

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 678, mit-tagħrif mogħti jidher, li t-tendenza tas-swieq turistiċi tagħna għadha pjuttost l-istess kif kienet f’dawn l-aħħar snin, jiġifieri l-iżjed turisti minn fejn iżuruna għall-btajjel tagħhom huma mir-Renju Unit, l-Italja u l-Ġermanja. Għaldaqstant jista’ l-Ministru jindika ftit kif l-Awtorità għat-Turiżmu (MTA) qed tħabbrek biex tattira iżjed turisti minn postijiet u pajjiżi oħrajn differenti minn dawn? Jista’ l-Ministru jgħid ukoll jekk jistax jindika jekk jiġux organizzati attivitajiet u/jew jeżistux attrazzjonijiet partikolari li jkunu mmirati speċifikament għat-tipi ta’ turisti li jiġu fl-akbar numri?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tkabbir li pajjiżna qiegħed jara fin-numru ta’ turisti, fin-numru ta’ ljieli, kif ukoll fin-nefqa turistika, mhux ġej minn xi pajjiż jew tnejn iżda qegħdin naraw żidied tista’ tgħid mill-pajjiżi kollha li l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu hija attiva fihom. Wieħed irid iżomm amment li s-swieq prinċipali li rrefera għalihom l-Onor. Interpellant, flimkien ma’ Franza, huma l-pajjiżi fl-Unjoni Ewropea bl-ikbar popolazzjoni. Għaldaqstant l-opportunita’ li dawn joffru hija ferm ikbar minn pajjiżi oħra. Madanakollu l-MTA firxet iżjed l-attivita promozzjonali tagħha u llum qegħdin naraw żidiet sostanzjali fi swieq bħall-Belġju, Danimarka, Ungerija, Olanda, Finlandja, Polonja, Svizzera, Stati Uniti u pajjiżi oħra. Fl-aħħar ġimgħat ġew varati ukoll diversi rotot ġodda kemm mill-Air Malta kif ukoll minn linji tal-ajru barranin fejn se niftħu swieq ġodda bħall-Portugall u l-Ukrajina, waqt li nsaħħu l-konnettivita’ ma’ pajjiżi bħalma huma r-Russja, il-pajjiżi Baltiċi, l-Irlanda ta’ Fuq, Spajna, l-Iskozja u l-pajjiżi Nordiċi. L-attivita’ ta’ marketing hija varjata u tkun immirata lejn niċeċ partikolari fis-suq sabiex nilħqu s-setturi li nimmiraw għalihom. Dan jinkludi reklamar fuq diversi tipi ta’ midja, stampata, elettronika u fuq mezzi tax-xandir, organiżazzjoni ta’ żjarat edukattivi għal ġurnalisti, aġenti tal-ivjaġġar u operaturi turistiċi, kif ukoll parteċipazzjoni f’fieri tat-turiżmu u tal-konsumatur.
Leg 13 PQ #2421 Sitting 54 2017-11-20 Oral · Final From: ALEX MUSCAT To: Ministeru għat-Turiżmu

Awtorità għat-Turiżmu – akkomodazzjonijiet privati

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 679 dwar akkomodazzjonijiet privati (private accomodations) rreġistrati mal-Awtorità tat-Turiżmu (MTA), jista’ l-Ministru jispeċifika wkoll x’inhuma l-livelli stabbiliti mill-MTA għal tali akkomodazzjonijiet privati (private accomodations)? Bil-għan li dan it-tip ta’ turiżmu wkoll ikun ta’ livell u ma jagħtix stampa ħażina ta’ pajjiżna – jekk ikun hemm xi reklam mhux mixtieq – x’inhuma l-passi u/jew proċeduri li jittieħdu mill-istess Awtorità fejn jirriżulta li jkun hemm xi nuqqas? Kif jiġu imposti u esegwiti tali passi u/jew proċeduri?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ġejt infurmat mill-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu li l-livelli stabbiliti fil-konfront tal-akkomodazzjoni privata huma bbażati fuq: · Leġiżlazzjoni Sussidjarja 409.10 – Regolamenti dwar Akkomodazzjoni ma’ Familji Ospitanti, u · Leġiżlazzjoni Sussidjarja 409.11 – Regolamenti dwar Postijiet għal btala. Iż-żewġ Leġiżlazzjoni Sussidjarji msemmija hawn fuq qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra Kull min jirreklama post għal operazzjoni turistika mingħajr ma jkun fil-pussess ta’ liċenzja, jew saħansitra jirreklama xi servizz/kategorija ogħla minn dak li jkun liċenzjat għalih, ikun ħati ta’ offiża. Fiż-żewġ każijiet il-persuna jew tinħarġilha Multa Amministrattiva min naħa tal-Awtorita’, inkella titressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

Industrija tal-kostruzzjoni u l-ħaddiema

Question

Minkejja li hemm diversi entitajiet u dipartimenti li b’xi mod jew ieħor jirregolaw l-industrija tal-kostruzzjoni u l-ħaddiema li jaħdmu fiha, jista’ l-Ministru jgħid hemmx xi ħsieb li dawn kollha jiġu integrati u b’hekk titnaqqas il-burokrazija u jaħdmu b’mod aktar effiċjenti?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’dan id-dawl, billi hemm ħafna frammentazzjonijiet f’dak li għandhom x’jaqsmu direttament jew indirettament mall-industrija tal-bini, hemm il-ħsieb li jiġu kemm jista’ jkun miġbura flimkien taħt kappa komuni. B’hekk inkomplu nagħtu servizz aħjar liċ-ċittadin u nnaqqsu l-burokrazija.

Waste Management Plan — ħidma

Question

Bħala parti mill-impenn nazzjonali għall-immaniġġar tal-iskart (Waste Management Plan), jista’ l-Ministru jelenka x’ħidma qiegħda ssir, anke b’koordinament mal-Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima biex jintlaħqu l-miri mistennija minn pajjiżna sal-2020?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed jitħejja pjan ta’ azzjoni flimkien mal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali u l-Ministeru għall-Ambjent, Żvillup Sostenibbli u Tibdil fil-Klima (MSDEC) abbażi ta’ rakkomandazzjonijiet li saru mill-Unjoni Ewropeja dwar l-istess tema.

Restawr ta’ proġetti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kienu l-proġetti ewlenin li ġew irrestawrati matul l-2017 sakemm tiġi biex titwieġeb din il-mistoqsija?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li matul l-2017 saru dawn il-proġetti ta’restawr: - Faċċata laterali tal-Mużew Marittimu - Faċċati tal-bitħa interna tal-Palazz tal-Inkwiżitur - Bitħa interna tal-Palazz Vilhena - Pedament tal-kappella ta’ San Pawl Milqi - Faċċata tal- bitħa interna tal-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija - Restawr tal-faċċata prinċipali ta’ Palazzo Ferreria, Valletta - Restawr min barra tal-Knisja tal-Ġiżwiti, Valletta - Restawr tal-Batterija ta’ Grunenbergh, Isla - Restawr ta’ Niċċa ta’ San Mikiel, ¯urrieq - Restawr tal-Kappella tal-Maddalena, Dingli - Restawr fuq żewġ funtani fil-Ġnien tal-Argotti, Furjana - Restawr fuq parti mis-swar ta’ Haywarf , Furjana - Restawr tal-Bastjun ta’ Notre Dame, Furjana - Restawr tal-faċċati tal-Għassa taż-¯ejtun - Restawr tal-faċċata ta’ wara tal-Arkivji tas-Santo Spirto, Rabat - Restawr fuq il kampnar tal-knisja Parrokjali, Bormla - Restawr tal-Kappella ta’ Santa Lucija, Santa Lucija - Restawr tal-Kappella ta’ Porto Salvo, Ħamrun Barra minn hekk, għandu jintemm ukoll xogħol fuq dawn il-proġetti sal-aħħar tas-sena: - Restawr tal-faċċata prinċipali tal-Kon-Kattidral ta’ San Ġwann, Valletta - Restawr tal-faċċata tal-Palazz ta’ Verdellin, Valletta - Restawr tal-faċċata prinċipali ta’ Palazzo Castellania, Valletta - Rijabilitazzjoni tal-binja ta’ Cafe Premiere għal uffiċċji għall-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta

Awtorità dwar il-Mediċini – mediċini reġistrati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il mediċina hemm irreġistrata mal-Awtorità dwar il-Mediċini sakemm tiġi biex titwieġeb din il-mistoqsija?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-Awtorità dwar il-Mediċini għandha 5457 mediċini reġistrati. Fl-aħħar erba’ snin ġiet awtorrizzata ‘l fuq minn 2700 mediċina b’iktar minn 500 prodott awtorizzat matul din is-sena.

Awtorità dwar il-Mediċini – tisħiħ ta’ valur xjentifiku/tekniku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’investiment qed isir mill-Awtorità dwar il-Mediċini biex jissaħħaħ il-valur xjentifiku/tekniku tal-istess impjegati tagħha?

Response (BONNICI, OWEN)

Is-suċċess tal-Awtorità jissarraf bil-ħidma ta’ impjegati motivitati li għandhom il-ħiliet u l-kompetenzi meħtieġa għal dan ix-xogħol ta’ responosabbiltà kbira lejn il-pazjent. Fid-dawl ta’ dan, din is-sena ġie stabbilit unit ġdid dwar ir-riċerka, l-affarijiet xjentifiċi u l-innovazzjoni. Dan il-unit isaħħaħ il-kollaborazzjoni tal-Awtorita` mal-akkademja u m’ entitajiet lokali u Ewropej fil-qasam farmaċewtiku. Qed tiġi kkordinata r-riċerka avvanzata mwettqa fi ħdan l-Awtorita` filwaqt li t-taħriġ xjentifiku li qed jirċievu l-professjonisti tal-Awtorita` qed iwassal biex jitfassal programm ta’ taħriġ u żvilupp kontinwu li l-Awtorita` toffri lill-industrija. Fl-Awtorita` qed jitkompla l-proċess ta’ żvilupp fil-kompetenza ta’ l-impjegati kollha b’mod għaqli, sostennibli u bi strateġija biex l-Awtorita` tkun tista’ taqdi l-funzjonijiet tagħha b’effiċjenza. Għal dan il-għan, l-Awtorità tinvesti għaxra fil-mija (10%) tal-baġit tagħha li jintnefaq għal taħriġ avvanzat, żvillupp professjonali kontinwu u parteċipazzjoni f’laqgħat u konferenzi Ewropej u Internazzjonali. Il-fellowship programme li toffri l-Awtorita` dwar il-Mediċini għal professjonisti li qed isostnu studju avvanzat fis-settur farmaċewtiku żdied b’iktar minn ħamsin fil-mija (50%) mis-sena l-oħra ‘l hawn. Mit-taħriġ u opportunitajiet ta’ studju provduti jibbenefikaw l-impjegati kollha u dawn l-inizjattivi wasslu biex ħamsa u tletin fil-mija (35%) ta’ dawn il-professjonisti qed ikomplu l-istudju tagħhom fl-livell ta’ Masters u Dottorat.

Awtorità dwar il-Mediċini – spezzjonijiet barra mill-Ewropa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il spezzjoni barra mill-Ewropa għamlet l-Awtorità dwar il-Mediċini sal-lum?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li fl-2014 l-Awtorità dwar il-Mediċini għamlet l-ewwel spezzjoni fl-imanifattur tal-mediċini barra mill-Ewropa u sal-llum saru 30 spezzjoni f’pajjiżi bħaċ-Ċina, l-Indja u s-Serbja. Din is-sena kellna rekord ta’ spezzjonijiet fejn sal-llum saru 11-il spezzjoni u saret ukoll l-ewwel spezzjoni f’Dubai.

Awtorità dwar il-Mediċini — riċerki

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ riċerka qed titwettaq attwalment mill-impjegati tal-Awtorità dwar il-Mediċini u x’riżultati nkisbu sal-lum f’kull każ?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-Awtorità dwar il-Mediċini tagħti l-kontribut tagħha biex il-pajjiż iżid l-attività ta' riċerka, xjenza u innovazzjoni, speċjalment fl-oqsma li jirrigwardaw il-kompetenza tal-industrija, ix-xjenza regolatorja u s-sigurtà tal-mediċini. Erba` impjegati għadhom kif spiċċaw id-dottorat fil-farmaċija b’riċerka avvanzata fuq stem cells, biosimilars, mediċini innovativi u s-sigurta` fl-użu tal-mediċini. Ir-riżultati miksuba ġew ippublikati internazzjonalment u preżentati f’konferenzi prestiġġjużi fejn ix-xogħol imwettaq ġie rikonoxxut għal valur xjentifiku milħuq u l-potenzjal li dan isarraf fi progress importanti fil-qasam farmaċewtiku. Fi ħdan l-Awtorita` qed issir riċerka fuq metodi innovattivi fl-ispezzjonijiet tal-ispiżeriji, fis-sistemi t'assessjar ta' mediċini tal-qalb u dawk għall-użu pedjatriku, fil-farmakoġenetika, fil-Big Data u f'pariri xjentifiċi fil-qasam tal-onkoloġija. L-ispeċjalizzazjoni f’dawn is-setturi twessa` l-portafoll tal-Awtorita` dwar il-Mediċini u tiftaħ bibien ġodda fl-attivitajiet tal-Awtorità.

Biċċerija – preservazzjoni tal-post

Question

Peress li l-Biċċerija din is-sena tagħlaq 120 sena minn meta tlestiet fi żmien l-Ingliżi, jista’ l-Ministru jgħid xi prekawzjonijiet ittieħdu biex dan il-wirt storiku jiġi ppriservat?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-investimenti li saru fil-Biċċerija fl-aħħar erba’ snin, waqt li kienu ntiżi biex iseddqu l-livell ta’ iġene fil-biċċerija, kien żgurat li jkun salvagwardjat il-wirt storiku industrijali li jeżisti fil-biċċerija. Il-bini l-antik li jmur lura għall-bidu tal-biċċerija ġie restawrat. Tnaddaf minn akkumulu ta’ tniġġiż tul is-snin kif ukoll inbiddlu ġebel li kienu tnawru. Dan bil-għan li waqt li tiġi rimedjata l-ħsara li saret tul is-snin, dawn jiġu kkultivati għall-futur. Ġiet irrestawrata wkoll ġiebja antika biex tilqa’ ġo fiha l-ilma tax-xita. Barra minn hekk, wara ftehim mal-Università ta’ Malta ġie ppubblikat tender biex isir restawr tat-torri tal-ilma fil-biċċerija. Din hi struttura unika tax-xorta tagħha f’Malta, u fost l-eqdem strutturi tal-konkrit fil-gżejjer. Matul is-sena d-dieħla mistennija tiġi rrestawrata d-daħla tal-biċċerija.