Legislature:
Category:
Reset
Active:

Qasam tal-Isport – Vot Kapitali — żieda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet iż-żieda fl-ammont tal-Vot Kapitali għall-2018 fil-qasam tal-isport u, jekk hu l-każ, x’kienet ir-raġuni għal dan?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. interpellant li l-Vot Kapitali fl-2017 kien jammonta għal €2,712,000.00 filwaqt li dak tal-2018 jammonta għal €7,900,000.00 b’żieda ta’ aktar minn €5 miljuni. Din iż-żieda fl-2018 ser tiġi investita f’dawn il-proġetti: · Proġett tal-Imtaħleb Hill Climb · Ta’ Kandja Shooting Range · Il-bini ta’ pixxina magħluqa fil-Kumpless tal-Kottonera · It-tkomplija ta’ tibdil tas- syntethic turf fil- pitches tal-futbol f’Malta u Għawdex · Bidu tax-xogħol fuq il-Pixxina ta’ Marsascala · Jitkompla x-xogħol fuq il-proġett tal-grawnd tal-futboll f’Marsascala

Kummissjoni għall-Kummerċjalizzazzjoni tal-Faċilitajiet Sportivi – għan ewlieni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-għan ewlieni tal-Kummissjoni għall-Kummerċjalizzazzjoni tal-Faċilitajiet Sportivi?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onorevoli interpellant li l-għan ewlieni tal-Kummissjoni għall-Kummerċjalizzazzjoni tal-Faċilitajiet Sportivi huwa li tilqa' l-applikazzjonijiet mingħand l-għaqdiet sportivi li huma eliġibbli taħt il-liġi biex iwettqu proġetti ta' natura kummerċjali fl-impjanti sportivi tagħhom. Wara li tagħmel ċert li tali proġetti ser ikunu ta' benefiċċju kemm finanzjarju u sportiv għal dawn l-għaqdiet sportivi, u li permezz tagħhom il-faċilitajiet sportivi ser jiġu upgraded b'tali mod li jgawdu l-atleti kollha li jitħarrġu f'dawn il-faċilitajiet, tati l-permess sabiex isir tali proġett. Wara dan, u meta l-proġett iseħħ, il-kummissjoni trid tagħmel il-monitoring tal-proġetti sabiex tara li dawn jilħqu l-għanijiet li jkunu ġew stabbiliti mill-kummissjoni meta din tkun tat il-permess.

Wied il-Għajn – Proġett ta’ football pitch

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm se jkun jiswa l-proġett tal-football pitch f’Wied il-Għajn?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onorevoli interpellant li l-proġett huwa stmat li ser jiġi jiswa madwar żewġ miljun ewro (€2,000,000) u ser jagħti dar denja u professjonali lil Klabb ta’ M’Scala FC.

Kors tal-Volontarjat Sportiv – persuni li temmew il-kors

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ persuni li temmew b’suċċess il-Kors għall-Volontarjat Sportiv?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ persuni li temmew b’suċċess il-Kors għall-Volontarjat Sportiv kien ta’ għoxrin. Din kienet l-ewwel darba li sar dan il-kors, bl-għan li l-volontarjat sportiv jingħata valur.

Aġenzija Żgħażagħ – skema ta’ għajnuna lill-kunsilli lokali taż-żgħażagħ

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema kienu dawk il-kunsilli lokali taż-żgħażagħ li bbenefikaw minn skema ta' għajnuna li toffri l-Aġenzija Żgħażagħ fl-2017? Jista’ jgħid ukoll liema kienu s-servizzi offruti mill-Aġenzija Żgħażagħ matul l-2017?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onorevoli interpellant li l-informazzjoni dwar liema kienu l-programmi u servizzi offruti mill-Aġenzija Żgħażagħ matul l-2017, u l-kunsilli lokali taż-żgħażagħ li fl-2017 ibbenefikaw minn skema ta' għajnuna li toffri l-istess Aġenzija, qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.

Kunsilli Lokali — riforma

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif qed jaħdem dwar ir-riforma tal-kunsilli lokali u għaliex inħasset il-ħtieġa għaliha? X’jista’ jistenna ċ-ċittadin komuni minn tali bidliet li jaffettwawlu pożittivament l-għixien tiegħu? Jista’ jgħid ukoll kif se jissaħħu r-reġjuni b’din ir-riforma fil-lokalitajiet?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dwar ir-Riforma tal-Gvern Lokali twaqqaf Kumitat ta’ Tmexxija u sotto-kumitati bex jaħdmu fuq oqsma differenti. Dawn qegħdin fil-fażi li jikkonsultaw lill-istakeholders interni, fosthom kunsilli lokali, l-Assoċjazzjoni ta-Kunsilli Lokali, l-Assoċjazzjoni Maltija tas-Segretarji Eżekuttivi u l-Partiti Politiċi, kif ukoll issir evalwazzjoni tal-liġi tal-kunsilli lokali biex isiru rakkomandazzjonijiet għal emendi jew dispożizzjonijiet ġodda. Fost id-diversi proposti li qed jiġu kunsidrati hemm dik dwar it-tisħiħ tar-Reġjuni. Wara din il-fażi ser ikun hemm perjodu ta’ konsultazzjoni pubblika biex wara dan jitħejjew l-emendi leġislattivi meħtieġa. Ta’ min isemmi li hu inkoraġġanti u ta’ min ifaħħar l-impenn tal-istakeholders interni kollha, li urew sens ta’ responsabbiltà u impenn li jaraw titjib fir-responsabbiltajiet u l-funzjonijiet tal-awtoritajiet lokali, kif ukoll titjib fl-istandards biex togħla l-kwalità tas-servizz liċ-ċittadini lokali, inkluż titijib fil-kwalità tal-ħajja permezz ta’ impenn mill-awtoritajiet lokali fil-qafas soċjali u tal-wellbeing taċ-ċittadini. Ta’ min iżid li l-impenn ta’ dan il-ministeru hu li jara li din ir-riforma tkun suċċess għaliex tkun ibbażata fuq konsultazzjoni wiesa’ u wara evalwazzjoni ta’ fejn irridu mmorru wara 25 sena ta’ Gvern Lokali f’pajjiżna.

Kunsilli Lokali – Anniversarju tal-25 sena mit-twaqqif

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux se jkun imfakkar l-anniversarju tal-25 sena mit-twaqqif tal-Kunsilli Lokali? Hemm xi pjani dwar laqgħat fejn se jkun diskuss il-vjaġġ tal-kunsilli, fejn waslu u fejn irridu nieħduhom minn hawn?

Response (BONNICI, OWEN)

Il-Gvern, permezz ta’ dan il-ministeru, ser ikun qiegħed ifakkar l-Anniversarju tal-25 sena mit-twaqqif tal-Kunslli Lokali permezz ta’ sensiela ta’ attivitajiet matul din is-sena, li jilħqu l-qofol tagħhom f’Novembru liema xahar ifakkar l-ewwel Elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali. Sabiex ikunu pjanati u eżegwiti dawn l-attivitajiet twaqqaf kumitat biex ifassal kalendarju tal-inizzjattivi li ser jittieħdu. Naturalment, dawk kollha involuti fil-qasam tal-Gvern Lokali ser ikunu nvoluti b’mod dirett. Ta’ min isemmi f’dan il-kuntest li l-ewwel attività fis-sensiela ta’ attivitajiet ser tkun Konferenza fl-aħħar ta’ Jannar għall-ex Sindki, li ser ikunu wkoll protagonisti biex jagħtu s-suġġerimenti tagħhom fil-qafas tar-riforma tal-Gvern Lokali. Għalhekk, ninforma lill-Onor. Interpellant li, iva, mhux biss ser ikun qiegħed imfakkar l-anniversarju tal-25 sena mit-twaqqif tal-Kunsilli Lokali, iżda diversi attivitajiet li ser isiru se jkunu wkoll qed iservu biex il-parteċipanti jagħtu huma wkoll l-input tagħhom dwar ir-responsabbiltajiet tal-kunsilli lokali u r-Reġjuni, kif dawn jistgħu jitjiebu u jekk hemmx lok li jiżdiedu responsabbiltajiet u funzjonijiet ġodda.

Riforma fis-sistema tal-Gwardjani Lokali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-aħħar żviluppi fir-riforma tas-sistema tal-gwardjani lokali u x’bidliet mistennija ġġib magħha? Jista’ jgħid kif se jkunu affettwati ċ-ċittadini Maltin u Għawdxin bir-riforma?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Kunsilli Lokali — riforma

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif qed jaħdem dwar ir-riforma tal-kunsilli lokali u għaliex inħasset il-ħtieġa għaliha? X’jista’ jistenna ċ-ċittadin komuni minn tali bidliet li jaffettwawlu pożittivament l-għixien tiegħu? Jista’ jgħid ukoll kif se jissaħħu r-reġjuni b’din ir-riforma fil-lokalitajiet?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Kampanja edukattiva dwar indafa fil-lokalitajiet

Question

Jista’ l-Ministru jispjega x’inhi l-kampanja edukattiva li se ssir biex jiżdied l-għarfien dwar l-indafa fil-lokalitajiet? Jista’ jispjega xi proġetti hemm ippjanati fil-qasam tal-Gvern Lokali biex tiżdied l-indafa fil-lokalitajiet? F’dan ir-rigward ukoll, jista’ l-Ministru jagħti dettalji dwar dak li tħabbar fil-baġit biex ikompli jiżdied l-inforzar kontra min iħammeġ?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Kunsilli lokali – miżura għat-toroq

Question

Jista’ l-Ministru jispjega kif il-miżura mħabbra mill-Gvern Ċentrali li jagħmel it-toroq kollha tal-pajjiż se tolqot lill-kunsilli lokali? Qed jiġi assigurat li l-fondi għat-toroq lill-Kunsilli Lokali jibqgħu jingħataw xorta waħda?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Awtorità tal-Ippjanar – skema ta’ tnaqqis ta’ taxxa jew boll relatat ma’ akkwist jew trasferimenti ta’ proprjetà — ċertifikati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ħarġu ċertifikati mill-Awtorità tal-Ippjanar relatati mal-iskema maħruġa mid-Dipartiment tat-Taxxi Interni f’dak li għandu x’jaqsam tnaqqis ta’ taxxa jew boll relatat ma’ akkwisti jew trasferimenti ta’ proprjetà?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn mindu l-iskema ġiet effettiva wara l-approvazzjoni tad-diskors tal-Baġit għall-2018, mill-31 t’Ottubru 2017 sat-12 ta’ Jannar 2018, l-Awtorità tal-Ippjanar ħarġet 118 ċertifikat għal bini li jinsab fiż-żona ta’ Konservazzjoni Urbana u/jew Skedat fi Grad 1 jew 2 relatat mal-iskema maħruġa mid-Dipartiment tat-Taxxi Interni f’dak li għandu x’jaqsam mat-tnaqqis ta’ taxxa jew boll relatat ma’ akkwisti jew trasferimenti ta’ proprjetà.

Awtorità tal-Ippjanar – trasport tal-impjegati — inizjattivi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inizjattivi ħadet l-Awtorità tal-Ippjanar f’dak li għandu x’jaqsam mat-trasport tal-impjegati tagħha stess? X’qed tagħmel l-Awtorità biex dawn l-inizjattivi jiġu adottati minn dipartimenti jew entitajiet oħrajn?

Response (BORG, IAN)

Fl-2015, il-MEPA (predeċessur tal-PA) nediet kwestjonarju intern biex tanalizza x'possibiltajiet kien hemm dwar miżuri sostenibbli ta' Trasport għall-Impjegati tagħha. B'rizultat ta' dan, ġew imfassla diversi inizjattivi sabiex inaqqsu id-dipendenza ta' l-impjegati fuq il-karozza. B'hekk jintlaħqu diversi għanijiet li jikkontribwixxu għal titjib fil-kwalita tal-ħajja u l-ambjent. L-għanijiet jinkludu: a) Tnaqqis ta' karozzi mit-toroq b) Tnaqqis għall-ħtiega tal-parkeġġ c) Kontribuzzjoni għal tnaqqis fl-istorbju d) Kontribuzzjoni għal titjib fil-kwalita ta' l-arja e) Użu aktar effiċjenti tal-ħin u tal-fjuwil (li fuq skala kbira jiġu ffrankati minħabba il-kontribuzzjoni biex tonqos il-konġestjoni) f) Anqas wear and tear tal-karozzi privati li jużaw l-impjegati g) Traġitti ħielsa mill-istress ikkawzat mis-sewqan. B'riżultat ta' dan, L-Awtorità ta' l-Ippjanar adottat numru ta' inizjattivi li jinkludu: 1) Rifużjoni tal-ispejjeż għal min juża il-karozzi tal-linja permezz ta' "Tal-Linja Card". Dan japplika wkoll għal tragitti taħt l-iskeda regolari tal-Malta Public Transport wara l-ħin tax-xogħol. B'hekk l-użu ta' dan il-mezz ta' trasport jiġi b'xejn. 2) Servizz ta' minivan b'xejn fuq żewġ rotot bejn id-dar u-xogħol. Dawn is-servizzi jintużaw f'ħinijiet fejn ikun hemm anqas konġestjoni fit-toroq. 3) Allowance ta' €312 fis-sena għal min jivjaġġa bejn id-dar u l-Awtorità bil-mixi. Din is-somma tista’ tintuża wkoll biex f'każijiet fejn l-individwu ma jkunx jista jimxi, ikun jista juża l- allowance biex juża il-karozza tal-linja jew wieħed mill-inizjattivi oħra tal- green transport ta' l-Awtorità. 4) Allowance ta' €312 fis-sena għal min jivjagga bejn id-dar u l-Awtorità bir-rota. Din is-somma tista’ tintuża wkoll biex f'kazijiet fejn l-individwu ma jkunx jista' juża r-rota, ikun jista' juża l- allowance biex juża l-karozza tal-linja jew wieħed mill-inizjattivi oħra tal- green transport tal-Awtorità. L-Awtorità tipprovdi wkoll kenn għar-roti mill-elementi kif ukoll showering facilities . 5) Allowance ta' €312 fis-sena għal min jivjagga bejn id-dar u l-Awtorità bil-mutur. Din is-somma tista’ tintuża wkoll biex f'każijiet fejn l-individwu ma jkunx jista’ juża l-mutur, ikun jista’ juża l- allowance biex juża l-karozza tal-linja jew wieħed mill-inizjattivi oħra tal- green transport tal-Awtorità 6) Rifużjoni tal-ispejjez jekk wieħed juża s-servizz bil-baħar fil-Port il-Kbir jew il-port ta' Marsamxett. Barra minn hekk l-Awtorità tipprovdi Trasport b'xejn lejn u lura lejn il-post minn fejn jiġi pprovdut is-servizz tal-laneċ 7) Parkeġġ riservat ġewwa l-Awtorità fejn mill-anqas żewġ individwi jużaw karozza waħda biex jivjaġġaw bejn ix-xogħol u d-dar. 8) Vettura lesta biex titrasporta l-istaff f'kaħ ta' emerġenza. Xi wħud indikaw li jużaw il-karozza privata biss minħabba biża li jista' jinqala xi ħaġa d-dar, l-iskola, l-Isptar u postijiet oħra, u jkun hemm bżonn li jitilqu malajr mill-post tax-xogħol. Biex tħajjar dawn l-individwi jużaw mezzi aktar sostenibbli, dawn l-individwi jiġu pprovduti b'vettura u xufier ħalli f'każ ta' emerġenza jkunu jistgħu jitilqu malajr mill-post tax-xogħol. 9) L-Awtorità qed tuża tlett karozzi hybrid li jikkontribwixxu għal sewqan li minn l-att ambjentali huwa aktar sonstenibbli u jiġu wżat il-fjuwil b'mod aktar effiċjenti. Barra minn dawn l-inizzjattivi, l-Awtorità wessgħet il-ħinijiet tal-flexitime u fejn hu possibli jintuża t-Teleworking. Iż-żieda fil-flexi-time, apparti li hija miżura family friendly, tgħin ukoll biex xi impjegati jużaw perjodi li fihom ikun hemm anqas konġestjoni. It-Teleworking huwa wkoll miżura familyfriendly li wkoll iwassal biex jew jiġu evitati l-ħinijiet meta jkun hemm aktar konġestjoni jew saħansitra biex ċertu xogħol ikun jista' jsir mid-dar u għalhekk ma jkunx hemm il-ħtiega ta' vjaġġar fit-toroq. Qabel ma ġew varati dawn l-inizjattivi (li bdew jitħaddmu lejn in-nofs tal-2016) saru diskussjonijiet interni li kienu jinvolvu wkoll l- Unions li jirrapreżentaw l-impjegati li jaħdmu fi ħdan l-Awtorità. S'issa, hemm madwar mitt impjegat minn madwar erba' mija li jużaw l-imsemmija inizjattivi. Hemm ukoll persuna li bħala parti mix-xogħol tagħha jinkudi l-immaniġar ta' dawn l-inizjattivi. L-Awtorità bħalissa qed tesplora wkoll inizjattivi oħra li jistgħu jiddaħħlu aktar 'il quddiem. Dawn jinkludu - użu ta' roti u muturi elettriċi pprovduti mill-Awtorità, konverżjoni tal-flotta tal-Awtorità għal magni PHEV ( Plug in hybrid electric vehicle ) u BEV ( Battery electric vehicle ) u miżuri oħra ta' trasport aktar sostenibbli jew miżuri biex jitnaqqsu l-karozzi mit-toroq u/jew titnaqqas il-ħtiega għal parkeġġ. Hemm ukoll avvenimenti partikolari jew sitwazzjonijiet fejn l-Awtorità tipprova tuża miżuri biex inaqqsu l-użu tal-karozza. Dawn jinkludu servizz ta' trasport bil- minivan lill-grupp ta' impjegati li qed isegwu kors fl-Università ta' Malta, l-użu ta' minivan jekk ikun hemm il-ħtieġa ta' trasport ta' numru kbir ta' staff lejn destinazzjoni komuni fl-istess ħin u eżempji oħra bħal dawn. L-Awtorità hija konxja li l-effett ta' dawn il-miżuri jkun limitat ħafna jekk jintuża biss mill-impjegati tal-Awtorità. Għalhekk kien hemm impenn mill-bidu sabiex l-esperjenzi li jinkisbu minn dawn l-inizjattivi jiġu esternalizzati b'mod aktar wiesa'. Dan sar b'diversi modi li jinkludu: a) Laqgħat individwali li saru ma aħenziji tal-gvern jew oqsma mis-settur privat b) Artikli fil-gazzetti ċ) Intervisti fuq diversi mezzi tax-xandir (radju u televiżjoni) d) Artikli fuq il-websajt taL-Awtorità e) Preżentazzjonijiet lill-għaqdiet kostitwiti f) Link apposta fuq il-websajt tal-Awtorità bħala punt ta' riferenza għal dawn l-inizjattivi ( http://www.pa.org.mt/en/the-green-way ). Din il- link tinkudi wkoll video li jgħin biex wieħed jifhem aħjar dawn il-miżuri. ġ) Seminar għas-settur pubbliku u dak privat li sar nhar 20 ta' Settembru 2017. Għal dan is-seminar kien attenda wkoll is-segretarju Parlamentari l-Onor. Chris Agius li hu responsabbli għall-Ippjanar u s-Suq tal-Propjeta. L-Awtorità hija impenjata li tkompli taħdem sabiex ittejjeb fuq dawn l-inizjattivi u taħdem ma kull minn hu interessat sabiex titjieb is-sitwazzjoni tat-trasport permezz ta' aktar użu ta' mezzi sostenibbli ta' trasport kif ukoll miżuri li jgħinu sabiex jew jonqos in-numru ta' vetturi mit-toroq tagħna, u/jew dawn il-vetturi jintużaw f'ħinijiet li jevitaw il-ħinijiet tal-akbar konġestjoni.

Permessi tal-bini – ħolqien ta’ impjiegi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ħarġu permessi tal-bini li jiffaċilitaw il-ħolqien ta’ impjiegi u kemm hu stmat li hu n-numru potenzjali ta’ dawn l-impjiegi? Jista’ jispeċifika f’liema qasam jew settur inħoloq dan il-potenzjal?

Response (BORG, IAN)

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 3369, l-Awtorità tal-Ippjanar ma żżommx l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant u għaldaqstant ma tistax tagħti l-informazzjoni kif mixtieqa. Fis-sena 2017, l-Awtoritá ddeċidiet u approvat disa’ t’elef mitejn u ħmistax-il applikazzjoni ( 9215) planning applications)) għal żviluppi differenti.

Inġiniera u periti li ġew ippreżentati l-warrant

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il inġinier u kemm-il perit ġie ppreżentat l-warrant matul l-2017?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant li matul is-sena 2017, il-Ministru ppreżenta l-warrant lil: • Inġiniera 101 • Periti 34 Wieħed irid japrezza li n-numri ta’ Periti huwa inqas mill-medja ta’ snin oħra minħabba għal fatt li Periti fl-2015 ma gradwawx minħabba ristrutturar tal-istess kors Universitarju.

Reġistru tal-Artijiet – applikazzjonijiet pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jindika n-numru ta’ applikazzjonijiet pendenti li kien hemm fir-Reġistru tal-Artijiet fil-bidu tas-sena 2017 u kemm kien in-numru ta’ applikazzjonijiet pendenti sal-aħħar tas-sena? Jista’ jindika x’sar biex dawn l-applikazzjonijiet jinħadmu u x’qed isir biex ma jerġgħux jakkumulaw applikazzjonijiet pendenti fir-Reġistru?

Response (BORG, IAN)

In-numru ta’ applikazzjonijiet pendenti sal-31ta’ Dicembru 2016 kien ta’ 3,209 filwaqt li sal-31 ta’ Dicembru tas-sena 2017 l-ammont kien ta’ 1625. In-numru ta’ applikazzjonijiet pendenti li għadhom ma nħadmux huwa dovut għall-fatt illi jinstabu diversi nuqqasijiet fl-imsemmija applikazzjonijiet fi stadju ta’ vetting u dan fil-maġġoranza tagħhom minħabba żbalji f’dettalji fil-pjanti annessi kif ukoll minħabba żbalji ta’ natura legali jew nuqqas ta’ informazzjoni oħra li jinstab li jkun hemm fl-applikazzjoni . Għalkemm id-Dipartiment ikun informa lill-applikant bit-tali nuqqas, l-istess applikant jibqa ma jieħux l-ebda azzjoni u għaldaqstant l-applikazzjoni kienet tibqa’ pendenti. Id-Dipartiment ħejja eżerċizju u beda proċess fejn qiegħed jibgħat u jinforma lill-applikanti permezz ta’ notifika bil-posta reġistrata li għandhom applikazzjoni għar-registrazzjoni tal-art pendenti minħabba xi problemi, liema problemi jigu wkoll elenkati fl-istess notifika. Id-Dipartiment ħa ħsieb sabiex inħolqot sezzjoni ġdida tal-customer care b’nies teknici li jassisitu speċifikament lill-applikanti li lilhom tkun intbagħtet it-tali komunikazzjoni u mhux biss iżda wkoll lin-nutara u lill-pubbliku nġenerali sabiex jistaqsi qabel jissottometi applikazzjoni, sabiex b’hekk jitnaqqsu drastikament l-applikazzjonijiet bi problemi. Fir-rigward ta’ dawk l-applikanti li jibqaw ma jissottomettux l-informazzjoni rikjesta, jiġi applikat ir-regolament 12 (1) tal-Kapitolu 296 tal-Liġijiet ta’ Malta.

Plans On Line – ordnijiet ta’ pjanti

Question

Jista’ l-Ministru jindika n-numru ta’ pjanti li ġew ordnati onlajn mindu tnediet is-sistema tal-Plans OnLine fl-1 ta’ Novembru, tal-2016 sal-ġurnata li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant it-total tan-numru ta’ pjanti li ġew ordnati onlajn mindu tnediet is-sistema tal-Plans On Line fl-1 ta’ Novembru, tal-2016 sad-8 ta’ Jannar 2018 huwa ta’ 18863 bid-dħul miġbur ta’ € 94, 315.00. Aktar dettalji mitluba qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

Reġistru tal-Artijiet – perijodu li jinħarġu risposti għar-riċerki uffiċjali

Question

Jista’ l-Ministru jindika kemm hu l-perijodu li fih qegħdin idumu biex jinħarġu risposti għar-riċerki uffiċjali matul dawn l-aħħar sitt xhur fir-Reġistru tal-Artijiet?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-maġġoranza assoluta r-riċerki fir-Reġistru tal-Artijiet idumu sa massimu ta' tmint ijiem (ġranet tax-xogħol) sabiex tinħareġ ir-risposta u tintbagħat bil-posta. Fejn jirrizulta li hemm problema li tkun trid tigi ndirizzata man-nutar jew il-perit tal-applikant allura tinħareġ komunikazzjoni elettronika (email) lill-persuna kkoncernata sabiex ikun infurmat bit-tali dewmien.