Legislature:
Category:
Reset
Active:

In-Nadur Għawdex – Pressa tal-ilma

Question

Tista’ l-Ministru tieħu passi sabiex il-pressa tal-ilma tax-xorb fin-Nadur, Għawdex, tiżdied?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li s-sistema tal-ilma preżenti fin-Nadur hija fornuta minn networks diversi fejn il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma dejjem qisitha bħala sistema bi pressa tajba. Jekk l-Onor. Interpellant huwa infurmat b’ismijiet ta’ toroq bi pressa baxxa jista’ jgħaddili din l-informazzjoni. Però tajjeb infakkar li persuni li jkollhom diffikultajiet dwar xi infrastruttura tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma jistgħu jċemplu fuq 8007 6400 jew jagħmlu rapport online permezz tas-sit elettroniku www.wsc.com.mt

Għawdex — Ċentru tas-Saħħa - Chief Nursing Manager

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm sejħiet għal applikazzjoni għal Chief Nursing Manager li preżentement hemm ġewwa ċ-Ċentru tas-Saħħa f’Għawdex? Jekk iva, jista' jqiegħed kopja fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-appuntament ta' Chief Nursing Manager fiċ-Ċentri tas-Saħħa f'Għawdex kien bi proċess ta' Deployment skont l-esiġenzi tas-Servizz.

Għawdex — Acting Chief Nursing Manager fl-Isptar Ġenerali u Chief Nursing Manager fil-Primary Health Care

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex hemm Acting Chief Nursing Manager, filwaqt li fil-Primary Health Care ġewwa Għawdex, fejn hemm inqas minn tletin ħaddiem, hemm Chief Nursing Manager?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li s-sejħa biex jimtela l-post ta' Chief Nursing Manager fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex ħarġet il-Ġimgħa 9 ta' Frar.

Awtorità tal-Ippjanar – Membri tal-bord tal-Ippjanar — Kwalifiċi

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15933, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-membri tal-Bord tal-Ippjanar għandhomx tal-inqas kwalifiċi MQF Level 6 jew aktar f'wieħed mis-suġġetti elenkati fl-Att dwar l-Ippjanar, Kap. 552?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-membri tal-bord tal-Awtorità tal-Ippjanar (PA) jiġu appuntati kif indikat f’Kapitlu 552 - Artiklu 63 - tal-Att dwar l-Ippjanar.

Għawdex — Studenti fil-waiting list sabiex jingħataw Learning Support Educator

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm studenti fil-waiting list sabiex jingħataw Learning Support Educator (LSE) ġewwa skejjel f'Għawdex?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 15581.

Awtorità tal-Ippjanar — Membri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fuq liema bażi u expertise ġew appuntati l-membri l-ġodda tal-bord tal-Awtorità tal-Ippjanar (PA)?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-membri tal-bord tal-Awtorità tal-Ippjanar (PA) jiġu appuntati kif indikat f’Kapitlu 552 - Artiklu 63 - tal-Att dwar l-Ippjanar.

Għawdex — Teatri

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx ippjanat li ż-żewg teatri ġewwa Għawdex jingħataw aktar baġit mis-sena l-oħra għall-organizzazzjoni tal-opri ġewwa Għawdex?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li bħalissa għaddej proċess biex l-iskema li jibbenefikaw minnha ż-żewġ teatri ġewwa Għawdex tiġi ristrutturata.

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar — Direttorat tat-Turiżmu

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-miżuri u l-inizjattivi li ser jittieħdu mid-Direttorat tat-Turiżmu fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar sabiex jiġu attirati turisti ta' kwalità ġewwa Għawdex?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Direttorat tat-Turiżmu u Żvilupp Ekonomiku - b’kollaborazjoni ma’ diversi entitajiet, fosthom l-Awtorita’ Maltija għat-Turi¿mu – għaddej b’ħidma biex jippromwovi lil Għawdex bħala destinazzjoni distinta biex jiġu attirati turisti ta’ kwalita’. Kien għal din ir-raġuni li wara 10 snin inħasset il-ħtieġa li jsir re-branding ta’ VisitGozo. Dan huwa kkumplimentat ma’ diversi kampanji li se jsiru din is-sena, fuq bażi B2C, tramite promozzjoni diġitali. Apparti hekk, bħalissa għaddejja ħidma B2B biex jitħejjew kampanji fi swieq li jagħmlu sens għal Għawdex, abbażi l-konnettività, l-għarfien, il-profili u demografiji li jassimilaw mal-prodott turistiku Għawdxi. Min-naħa l-oħra, id-Direttorat tat-Turiżmu se jerġgħa jniedi għadd ta’ skemi li jinċentivaw lill-privat biex jinvesti aktar fil-prodott turistiku tiegħu. Dawn l-iskemi huma; 1. Supporting the Adventurous Tourism Industry in Gozo through Hiring Equipment Refund Scheme; 2. Supporting Marketing Initiatives for the Accommodation Sector in Gozo; 3. Restoring and Upgrading Venues with the Capacity to Host MICE Events in Gozo 2024; 4. Supporting Marketing Initiatives For Specific Niche Markets In Gozo 2024 Apparti hekk, għaddejja kollaborazzjoni ma’ organizzjoni internazzjonali biex Għawdex jospita attivita’ kulturali, artistika u sportiva li se ġġib magħha ‘l fuq minn 600 ruħ minn Franza u l-Isvizzera. Dawn l-attivitajiet jimmitigaw l-istaġjonalita’ t’Għawdex.

Gozo Channel — Raba' vapur

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15358, jista' l-Ministru jagħti time frame sa meta l-pjan li jinxtara r-raba’ vapur ġdid tal-Gozo Channel ser iseħħ?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lil Onor. Interpellant li għall-aħħar ta’ din is-sena il-kumpanija tkun tista’ tħabbar il-viżjoni tagħha għal futur inkluż it-triq ‘il quddiem fuq ir-raba’ vapur.

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar — Persons of trust

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm 'persons of trust' fi ħdan il-Ministeru tiegħu sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jagħmel referenza għall-informazzjoni li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari 11808.

Għawdex – Rabat – Skola l-ġdida tal-Middle School

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju waslet l-iskola l-ġdida tal-Middle School ġewwa r-Rabat, Għawdex u jagħti time-line ta' meta ser tibda topera kompletament?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-maġġor parti tax-xogħlijiet, kemm ta’ kostruzzjoni kif ukoll mekkaniċi, elettriċi u finituri, ġewwa l-Middle School fir-Rabat huma lesti biex hekk it-tfal setgħu jidħlu fit-8 ta’ Jannar 2024. Daħlet ukoll għamara ġdida. Ix-xogħlijiet li fadal qed isiru mingħajr ma jiġi mfixkel l-operat tal-iskola l-ġdida u għandhom jitlestew fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin. Il-proġett kollu, inkluż il-bini ta’ skola primarja ġdida, child care centre u faċilitajiet sportivi għandhom ikunu lesti għall-intake ta’ Settembru 2024.

Għawdex — Sptar Ġenerali - Helipad

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx pjan li tinbena helipad ġewwa l-Isptar Ġenerali t'Għawdex?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li bħalissa għaddej proċess ta’ analiżi ta’ proġetti meħtieġa għall-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex li jwassal għal “Medical Brief”. Fost dawn il-proġetti jkun diskuss il-possibbiltà ta’ helipad fl-istess impronta tal-isptar.

Gozo Channel – Uffiċini ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’inhi n-nefqa sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, fuq is-sit li informazzjoni dwaru qed jintbagħtu separatament, fejn ser jibdew joperaw l-uffiċini tal-Gozo Channel? Jista’ jgħid ukoll meta ser jinfetħu dawn l-uffiċini?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sal-ġurnata tal-lum, in-nefqa fuq xogħol fis-sit tal-uffiċini l-ġodda tal-Gozo Channel tammonta għal €151,552 (vat eskluża). L-uffiċini se jinfetħu meta jitlestew ix-xogħlijiet li qegħdin isiru.

Għawdex – Open-spaces u parks

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx pjan li jinfetħu aktar open-spaces u parks għall-familji ġewwa Għawdex? Jekk iva, fejn u meta?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 15360, 9070 u 3570.