Tista’ l-Ministru tgħid x’miżuri se jittieħdu peress li l-impjant tad-drenaġġ ta’ Għajnsielem, Għawdex, mhux qed ilaħħaq mad-domanda, bil-konsegwenza li qed ikun hemm leakages tad-drenaġġ fil-baħar ġewwa x-Xatt l-Aħmar?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-ispjegazzjoni li diġà ngħatatlu mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma permezz ta’ tweġiba għal email mibgħuta minnu, fejn ġie spjegat lilu kif din il-materja mhix reletata mal-impjant indikat u li dan qed ilaħħaq sew mad-domanda.
Jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri se jittieħdu peress li l-impjant tad-drenaġġ ta’ Għajnsielem, Għawdex, mhux qed ilaħħaq mad-domanda, bil-konsegwenza li qed ikun hemm leakages tad-drenaġġ fil-baħar ġewwa x-Xatt l-Aħmar?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.
Ir-Rabat, Għawdex — Pjazza San Ġorġ – Passaġġi pubbliċi - Interventi mill-Pulizija
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm drabi f'din l-aħħar sena, li l-Pulizija intervjeniet biex ir-regoli tal-passaġġi pubbliċi fi Pjazza San Ġorġ, ir-Rabat Għawdex, jibqgħu mħarsa u ma jiġux maħnuqa mill-imwejjed u s-siġġijiet?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi l-Korp tal-Pulizija jassisti kull meta kien hemm il-ħtieġa u l-Pulizija ġiet mitluba tassisti lill-uffiċjali tad-dipartimenti kkonċernati biex tali regolamenti jiġu mħarsa, kemm f’attivitajiet reliġjuzi u diversi funzjonijiet oħra, u din l-assistenza dejjem ingħatat. Ma tinżammx data ta’ kemm il-darba din l-assistenza ngħatat, minħabba li din hi parti mid-doveri abitwali ndirizzati mill-pulizija.
Ir-Rabat, Għawdex — Pjazza San Ġorġ – Passaġġi pubbliċi– Interventi minn TM
Question
Jista’ l-Ministru:
i. jgħid kemm kien hemm drabi f'din l-aħħar sena, li Transport Malta intervjeniet biex ir-regoli tal-passaġġi pubbliċi fi Pjazza San Ġorġ, ir-Rabat Għawdex, jibqgħu mħarsa u ma jiġux maħnuqa mill-imwejjed u s-siġġijiet?
ii. jgħid jekk Transport Malta għandhiex ġurisdizzjoni fuq żgombrar tal-imwejjed u siġġijiet fl-istess pjazza f'okkażjonijiet bħal funerali u tiġijiet u għaliex dan mhux iseħħ?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill- Onor. Interpellant illi Transport Malta tgħin u tagħti sapport lill-aġenziji u awtoritajiet oħra sabiex jiġu mħarsa r-regolamenti u jiġu attwati ordnijiet speċifiċi.
Ir-Rabat, Għawdex — Pjazza San Ġorġ – Passaġġi pubbliċi– Interventi mill-MTA
Question
Jista’ l-Ministru:
i. jgħid kemm kien hemm drabi f'din l-aħħar sena li l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) intervjeniet biex ir-regoli tal-passaġġi pubbliċi fi Pjazza San Ġorġ, ir-Rabat Għawdex, jibqgħu mħarsa u ma jiġux maħnuqa mill-imwejjed u s-siġġijiet?
ii. jgħid jekk l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) għandhiex ġurisdizzjoni fuq żgombrar tal-imwejjed u siġġijiet f'okkażjonijiet bħal funerali u tiġijiet u għaliex dan mhux iseħħ?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill- Onor. Interpellant illi l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu tgħin u tagħti sapport lill-aġenziji u awtoritajiet oħra sabiex jiġu mħarsa r-regolamenti u jiġu attwati ordnijiet speċifiċi.
L-Awtorità interveniet fil-post imsemmi 25 darba fl-aħħar tnax-il xahar, li sarrfu f’216-il intervent dirett fuq stabbilimenti.
Ir-Rabat, Għawdex — Pjazza San Ġorġ – Passaġġi pubbliċi– Interventi mill-Awtorità tal-Artijiet
Question
Jista’ l-Ministru:
i. jgħid kemm kien hemm drabi f'din l-aħħar sena, li l-Awtorità tal-Artijiet intervjeniet biex ir-regoli tal-passaġġi pubbliċi fi Pjazza San Ġorġ, ir-Rabat Għawdex, jibqgħu mħarsa u ma jiġux maħnuqa mill-imwejjed u s-siġġijiet?
ii. jgħid jekk l-Awtorità tal-Artijiet għandhiex ġurisdizzjoni fuq żgombrar tal-imwejjed u siġġijiet fl-istess pjazza f'okkażjonijiet bħal funerali u tiġijiet u għaliex dan mhux iseħħ?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma l-Onor. Interpellant jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk fil-15 ta' Frar 2024, kienx hemm argument bejn iċ-Chief Nursing Manager tal-Polyclinic tar-Rabat, Għawdex u pazjent, meta dan il-pazjent kien qed jitlob l-għajnuna? Jekk iva, x'passi ttieħdu fil-konfront taċ-Chief Nursing Manager?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li d-Dipartiment tal-Kura Primarja ma jirriżultalux li fid-data msemmija kien hemm xi argument jew ilment fiċ-Ċentru tas-Saħħa tar-Rabat Għawdex.
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Fondi Ewropej, Ugwaljanza, ir-Riformi u Djalogu Soċjali jgħid meta ser tibda tintuża s-Sustainable Urban Development Fund ġewwa Għawdex?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-priorita tas-Sustainable Urban Development Fund ġewwa Għawdex qiegħda tiġi implimentata.
Awtorità ta’ Ġestjoni – Parteċipazzjoni tal-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Fondi Ewropej, l-Ugwaljanza, ir-Riforma u d-Djalogu Soċjali jgħid jekk l-Awtorità ta’ Ġestjoni hux ser tikkonsidra tiftaħ aktar focus areas fejn fihom ikun jista’ jipparteċipa l-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi matul din is-sena, iktar sejħiet se jkunu imnedija, fejn il-parteċipazzjoni tal-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar mhijiex prekluża.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk ikunx hemm gynaecologist dejjem, ġewwa l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex hemm tim ta’ tliet konsulenti OBGYN u żewġ speċjalisti residenti OBGYN li bejniethom ikopru s-servizz fuq bażi 24/7.
Għawdex – Dipartiment tat-Taxxa — Direttur jew Assistent Direttur
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx Direttur jew Assistent Direttur ġewwa d-Dipartiment tat-Taxxa f'Għawdex? Jekk le, jista’ jgħid jekk inħarġitx sejħa għall-applikazzjoni?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi hemm Assistent Direttur fi ħdan l-uffiċċju tal-MTCA f’Għawdex.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm lista ta’ stennija għat-test tas-sewqan ġewwa Għawdex?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-mument f’Għawdex qed jiġu proċessati applikazzjonijiet mill-kategoriji A (Muturi), B (Karozzi), C u D (Trakkijiet u Coaches) u ser jinghataw testijiet fil ġimghat li ġejjin.
Qed isiru pjanijiet sabiex jiġu ngaġġati eżaminaturi tas-sewqan ġodda biex iż-żmien ta’ stennija jiġi ridott.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm lista ta’ stennija għat-test tas-sewqan ġewwa Malta?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-mument f’Malta qed jiġu proċessati applikazzjonijiet mill-kategoriji A (Muturi), B (Karozzi), C u D (Trakkijiet u Coaches) u ser jingħataw testijiet fil ġimghat li ġejjin.
Qed isiru pjanijiet sabiex jiġu ngaġġati eżaminaturi tas-sewqan ġodda biex iż-żmien ta’ stennija jiġi ridott.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-vapur Nikolaus ma jiġix sostitut b'ieħor temporanju waqt li dan ikun id-dockyard sabiex jingħata l-manutenzjoni neċessarja?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kumpanija Gozo Channel (Operations) Ltd ma ddaħħalx vapur bħala sostitut, meta wieħed mill-erba vapuri li tagħmel użu minnhom jidħol għall-manutenzjoni skedata li hija obligatorja li ssir fuq kull vapur. Huwa diffiċli ħafna li ssib bastiment addizzjonali li jkun jaqbel mal-portijiet tagħna u li jopera għal perjodu limitat.
Għawdex — Ċentru tas-Saħħa - Chief Nursing Manager
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16430, jista' l-Ministru jgħid jekk iċ-Chief Nursing Manager ġewwa ċ-Ċentru tas-Saħħa f’Għawdex tpoġġiex fuq struzzjonijiet mill-Ministru konċernat?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif diġa ġie spjegat fit-tweġiba għal-Mistoqsija Parlamentari numru 16430, id-deployment sar skond l-esiġenzi tas-servizz.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma r-rekwiżiti sabiex wieħed jilħaq jew jieħu r-rwol ta' Chief Nursing Manager?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li r-rekwiżiti sabiex wieħed jilħaq jew jieħu r-rwol ta' Chief Nursing Manager hu kif ġej:
Persuna tista’ tapplika b’sejħa għall-applikazzjonijiet għall-post ta’ Chief Nursing Manager meta ikun hemm vakanza. Ir-rekwiżiti huma stipulati fil-ftehim Settorali bejn l-Gvern u l-MUMN, l-aħħar wieħed li ġie iffirmat fil-25 ta’ Settembru tal-2023.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux ser joħorġu aktar tenders biex jinbiegħu postijiet tal-Gvern li kienu tal-housing, peress li ilhom xhur ma joħorġu tenders? Jista’ jgħid ukoll x'inhi r-raġuni għalfejn damu ma ħarġu dawn it-tenders?
Response (GALDES, RODERICK)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jispeċifika għal liema postijiet qed jirreferi.