Legislature:
Category:
Reset
Active:

Gozo Innovation Hub — Kumpaniji privati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il kumpanija privata hemm ġewwa l-Gozo Innovation Hub sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma l-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li bħallisa hemm total ta’ 17-il kumpanija joperaw kemm mill-Gozo Innovation Hub u x-Xewkija Ħofra Complex. Bħalissa għaddej proċess biex ikunu jistgħu joperaw aktar kumpaniji miż-żewġ kumplessi u b'hekk jintlaħaq il-massimu ammont ta' kumpaniji privati li jistgħu joperaw.

Żebbuġ, Għawdex — Triq Ta’ Ċenċ u Triq Mons. Ġużeppi De Piro - Xogħlijiet

Question

Fid-dawl li Triq Ta’ Ċenċ u Triq Mons. Ġużeppi De Piro, Żebbuġ, Għawdex ilhom magħluqa għal kważi tliet snin, jista’ l-Ministru jgħid meta ser jitkompla x-xogħol fuqhom?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tender qegħda fl-aħħar stadju ta’ evalwazzjoni.

Għawdex — Proġett tal-pixxina

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju wasal ił-proġett tal-pixxina għal Għawdex u kemm fadal biex dan ił-proġett jitlesta kompletament?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma Iill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet fuq it-tenders kollha qed jingħalqu. L-andament tal-proġett miexi skont kif ippjanat u b'rispett mal-kuntratti li jkopru d-diversi xogħlijiet.

Għawdex — Proġett tal-mużew

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju wasal ił-proġett tal-mużew fir-Rabat, Għawdex u meta ser jitlesta dan ił-proġett?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Oner. Interepellant li l-proġett imsemmi jinsab fl-istadju ta’ xogħlijet ta’ M&Es, Finishes u preparamenti għall-Fit-Out. Fl-ewwel kwart tas-sena 2026 is-sit se jkun għad-dispożizzjoni tal-Aġenzija inkarigata mill-Wirt Kulturali biex jibda l-proċess ta’ migrazzjoni tal-arti fatti għas-sit il-ġdid. Il-Mużew ta’ Għawdex se jkun miftuħ għall-pubbliku fl-istess sena.

GRDA — Baġit allokat għas-sena 2025

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu l-baġit allokat għall-Awtorità għall-Iżvilupp Reġjonali ta’ Għawdex (GRDA) għas-sena 2025?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-baġit allokat għall-Awtorità għall-Iżvilupp Reġjonali ta’ Għawdex (GRDA) għas-sena 2025 huwa dak ta’ €850,000.

Ix-Xewkija Għawdex — Regeneration project tal-Gozitano

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju wasal ir-regeneration project tal-Gozitano fix-Xewkija, Għawdex u meta ser jitlesta?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lil Onor. Interpellant li l-proġett ta' rigenerazjoni tal-Gozitano fix-Xewkija mistenni jibda fil-ġimgħat li ġejjin.

Għawdex — Settur tad-diving - Masterplan

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 24806 dwar il-Masterplan relatat mas-settur tad-diving ġewwa Għawdex, jista’ l-Ministru jelenka l-investimenti li saru u l-ispejjeż relatati ma’ kull inizjattiva?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif ingħad fil-mistoqsija parlamentari numru 24806, il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar nieda skema ġdida: Supporting the Adventurous Tourism Industry in Gozo through hiring equipment refund scheme. Permezz ta’ din l-iskema l-operaturi fil-qasam tal-għadds se jgawdu minn sostenn finanzjarju f’xiri ta’ apparat. Sa issa din l-iskema, li nfetħet anke matul din is-sena, inċentivat investiment ta’ €49,057, li €37,376 minnhom kienu lill-operaturi tal-għadds. B’rata ta’ rimborż ta’ 50%, l-operaturi tal-għadds applikanti irkupraw lura mat-€18,688. Skema oħra li ukoll nfetħet din is-sena hija l-Promoting Gozo’s Niche Tourism Markets Scheme. Mill-2022 ‘l hawn, permezz ta’ din l-iskema - li tagħti sostenn lill-operaturi li jippromwovu s-servizzi tagħhom anke f’fieri internazzjonali pertinenti - l-operaturi tal-għadds gawdew minn rimborż ta’ totali €16,290. It-tabelli li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra jagħtu rendikont tas-sostenn li l-operaturi tal-għadds irċevew permezz ta’ dawn iż-żewġ skemi. Min-naħa l-oħra, il-Masterplan jagħmel referenza għall-importanza li jiġi sostnut investiment fil-manutenzjoni tas-siti. F’dan il-qasam isir investiment kontinwu mill-Ministeru biex, kemm jista, dawn is-siti jipprovdu aċċessibilta adegwata lill-utenti. Bejn Jannar u Ottubru tas-sena l-oħra in-nefqa fuq dan ix-xogħol - li jsir mill-ħaddiema taċ-ċivil - kienet tlaħħaq is-somma ta’ €42,069. Ħidma oħra li ssemmiet fil-Masterplan hija l-istudju li ġie kkummissjonat flimkien mal-Università’ ta’ Malta biex jinkiseb tagħrif preliminari fir-rigward ta’ sikkek artifiċjali. Dan l-istudju sewa s-somma ta’ €21,024. Finalment, insemmi wkoll il-vapur mgħerraq fix-Xatt l-Aħmar fl-2022; proġett ikkoordinat bl-aktar mod professjonali mill-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu, li kompla jtejjeb l-attrazzjoni ta’ Għawdex fil-qasam tal-għadds. Is-settur tal-għadds jibqa wieħed mill-aktar esperjenzi promossi mill-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar u entitajiet bħall-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu. Apparti hekk, dan huwa qasam li jkun amalgamat f’diversi promozzjonijiet li jsiru barra minn xtutna

Ix-Xlendi — Masterplan

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f'liema stadju wasal il-Masterplan tax-Xlendi?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lil Onor. Interpellant li l-Periti tal-Ministeru qegħdin iħejju l-pjanijiet għal-Masterplan tax-Xlendi. Dan qed issir fl-isfond ta’ feedback li rċieva minn numru ta’ laqgħat li l-istess Ministeru kellu mal-kunsill Lokali tal-Munxar, Water Services Corporation u stakeholders oħra.

Għawdex — Cruise liners

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il Cruise Liner daħal Għawdex mill-2010 sal-ġurnatra li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b'sena?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Għawdex — Cruise liners

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid kemm-il Cruise Liner daħal Għawdex mill-2010 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b'sena?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Għawdex — Maritime Squadron - Rilokazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f'liema stadju waslet ir-rilokazzjoni tal-Maritime Squadron ġewwa Għawdex għal post aktar adegwat?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li l-Forzi Armati ta’ Malta, flimkien ma’ dipartimenti oħra, għaddejja bl-ippjanar u l-proċessi meħtieġa ta’ permessi biex tinbena binja. Intant, se jitpoġġew numru ta’ mobile offices bil-faċilitajiet meħtieġa f’post viċin il-Gozo Channel, għal użu temporanju sakemm dan ix-xogħol isir. Infurmat li wkoll hemm skedat laqgħat mal-Awtorità kompetenti li għandha t-titlu tal-art.

Marsalforn — Proġett tal-breakwater

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma f'liema stadju wasal il-proġett tal-breakwater ta' Marsalforn?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara li ngħalaq il-proċess ta’ konsultazzjoni marbut mar-rapporti tal-EIA, ir-rispons kollu - li daħal fl-istess proċess - qiegħed jiġi analizzat. Eventwalment, il-kummenti se jiġu indirizzati u mwieġba. Dawn se jintbagħatu lura lil ERA għal iktar kummenti min-naħa tal-istess awtorità jekk jkun hemm il-ħtieġa.

Għawdex — Drug Squad/CID

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjan li terġa’ tiġi ffurmata Drug Squad/CID ġewwa Għawdex? Jekk iva, għaliex? Jekk le, għaliex?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li s-sena l-oħra ġie rreġistrat tnaqqis ta’ 22% fir-rata ta’ kriminalità f’Għawdex meta mqabbel mas-sena preċedenti. Aktar minn hekk is-sena l-oħra ġiet irreġistrata l-anqas rata ta’ serq f’Għawdex f’dawn l-aħħar għoxrin sena. Dwar it-taqsimiet speċjalizzati, li fil-Korp tal-Pulizija huma diversi u mhux biss dik li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant, dawn jagħtu l-istess importanza li kull naħa tal-pajjiż, u Għawdex mhux eċċezzjoni, fejn issir il-ħidma kollha li hi metħieġa mhux biss b’mod reattiv għal meta jinqala’ xi reat, iżda anke b’mod proattiv fejn tidħol prevenzjoni. Infurmat li barra minn hekk hemm tlett uffiċjali tal-pulizija li jassistu wkoll f’materji relatati ma’ reati ta’ kull xorta inkluż dawk ta’ drogi, f’Għawdex, magħrufa bħala District Support Unit. Infakkar ukoll lill-Onorevoli Membru li fl-aħħar snin, kemm Malta kif ukoll Għawdex kien hemm tibdiliet fl-operat tal-Korp tal-Pulizija u speċjalment bl-introduzzjoni tas-servizz ta’ Pulizija tal-Komunità fil-lokalitajiet kollha fil-gżira. Dan sar biex barra milli r-residenti jingħataw servizz aħjar u aktar personaliżżat, jgħin ukoll fit-trażżin ta’ reati.

Għawdex — Reati relatati ma’ traffikar ta’ droga

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu n-numru ta' reati li seħħew ġewwa Għawdex li kienu relatati ma' traffikar ta' droga, mill-2010 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b'sena?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Għawdex — Settur tad-diving - Masterplan

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-Masterplan relatat mas-settur tad-diving ġewwa Għawdex qatt ma ġie implimentat?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kull masterplan jieħu l-perkors tiegħu. Filwaqt li kien hemm aspetti tal-pjan li ma ġewx finalizzati, dan ma jfissirx li l-pjan ma kienx implimentat jew li mhux qed jiġi mplimentat. Tajjeb li jiġi sottolineat ukoll li ġew implimentati miżuri oltre mill-pjan innifsu, sabiex inkomplu nsostnu l-operaturi tal-għadds f’Għawdex. Fost dawn insemmi skema ta’ inċentivi li tħabbret fl-2022 u li għadha miftuħa sal-lum. L-għan ta’ din l-iskema – li kienet tikkonsisti f’investiment fl-apparat li jiġi offrut lill-klijenti – kien li nikkonsolidaw l-kompettivita tal-operaturi f’Għawdex u li ntejbu l-esperjenza tal-viżitaturi. Saħħaħna skema oħra ta’ inċentivi biex l-operaturi jippromwovu l-industrija tal-għadds f’Għawdex, li kienet tinkludi wkoll sapport finanzjarju għal parteċipazzjoni f’fieri internazzjonali pertinenti. Inżid, li kif talab il-Masterplan, ġie esplorat metodu differenti ta’ artificial reefs fi studju mal-Università ta’ Malta. Dan apparti l-fatt li mill-Masterplan ‘l hawn kellna shipwreck ieħor fix-Xatt l-Aħmar, li serva ta’ attrazzjoni għas-settur tal-għadds f’Għawdex.

Gozo Regional Development Authority — Baġit allokat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-baġit kapitali u rikorrenti allokat għall-Gozo Regional Development Authority, mill-ewwel sena li bdiet tiffunzjona, maqsuma sena b'sena?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni rikjesta hija skont it-tabella segwenti; 2020 2021 2022 2023 2024 Nefqa Rikorrenti €56,325 €479,754 €727,380 €802,762 €925,000 Tajjeb li jiġi sottolineat il-punt li l-GRDA ma għandiex nefqa kapitali. Iċ-ċifri, hekk kif indikati fit-tabella, huma skont ir-rapport annwali u l-audited accounts tal-GRDA. Dawn il-figuri jistgħu jvarjaw mill-baġits allokati fl-estimi finanzjarji. Dan peress li l-GRDA tista’ tingħata fondi addizzjonali wara rikjesti ġodda li hija tagħmel lill-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar.