Legislature:
Category:
Reset
Active:

Għawdex – Rabat – proġett ta’ Ċentru tas-Saħħa ġdid

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid fiex wasal il-proġett tal-Health Centre ġdid fir-Rabat, Għawdex? Meta hu ppjanat li jinfetaħ uffiċjalment għall-pubbliku?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi wara li l-kuntrattur li kien qed jagħmel ix-xogħol ta’ ġewwa daċ-Ċentru msemmi minnu, waqa' ħafna lura fix-xogħol, il-kuntratt tiegħu ġie terminat u ġie mwaħħal il-penali. Issa ġie ingaġġat kuntrattur ġdid. Ix-xogħol kollu fuq din il-binja huwa ppjanat li jkun lest fis-sajf li ġej.

Binja ġdida għas-suldati

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li l-istudji li qegħdin isiru humiex rigward estensjoni ta' sular ieħor fuq il-binja fejn illum hemm Transport Malta u d-Dwana ġewwa x-Xatt, jew minflok il-latrina li hemm biswit din il-binja? Jista’ l-Ministru jikkonferma li l-ħsieb ta' binja ġol-parkeġġ li hemm fil-Marina falla? Jista' jgħid kemm jaħseb li ser idumu dawn l-istudji biex dawn is-suldati ma jibqghux allokati f'binja taħt l-art?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li l-istudji qed isiru fir-rigward tal-estensjoni ta’ sular fuq il-binja ta’ Transport Malta u d-Dwana ġewwa x-xatt. Dan jikkonferma l-impenn tal-Gvern li kontinwament itejjeb il-ħajja tas-suldati, u dan wara li tejjeb bil-kbir il-kundizzjonijiet tagħhom wara li ħaddiehor ħallihom friżati għal ħafna snin.

Għawdex — Malta FA – Regional hub

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma meta hu ppjanat li jiġi inawgurat it-tielet Regional Hub ġewwa Għawdex, bħala parti mill-Pjan Strateġiku - 'Goal 3' tal-Malta FA?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Malta FA mhix parti mill-Ministeru iżda hi Assoċjazzjoni awtonoma.

Sptar Mater Dei – apparat fis-sleep lab

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jikkonferma jekk l-apparat li hemm fl-isleep lab ġewwa l-Isptar Mater Dei hux qed jiffunzjona?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi s-sleep lab jipprovdi servizzi ta’ Ambulatory Polygraphy, Ambulatory Oximetry, C/APAP u Bi-level therapy start-ups u follow-up therapy compliance . Bħalissa hemm xogħol għaddej biex jiġi ppublikat tender bi specifications sabiex jinxtara apparat addizzjonali.

Għawdex – Integrated project iffinanzjat mill-ERDF

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma liema integrated project f’Għawdex se jiġi ffinanzjat mill-European Regional Development Fund (ERDF)?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Operational Programme I - li jiffoka wkoll fuq il-European Regional Development Fund - għadu kif ġie approvat mill-Kummissjoni tal-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant, peress illi sakemm ġiet preparata t-tweġiba li d-dokument għadu ma ġiex ippubblikat u s-sejħiet mill-Awtorità ta’ Ġestjoni għadhom ma ħarġux, l-ebda proġett ma jista’ jiġi kkonfermat għal finanzjament taħt dan il-programm f’dan l-istadju.

Għawdex — MCAST - studenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm studenti jattendu korsijiet fl-MCAST ta’ Għawdex kull sena mill-2014 sal-lum? Fiex kienu jikkonsistu?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinsab hawn taħt. Il-korsijiet offruti mill-MCAST Għawdex jinsabu aċċessibbli fuq il-website uffiċjali tal-MCAST. Sena Studenti Reġistrati - Gozo Campus 2014 264 2015 260 2016 208 2017 202 2018 192 2019 205 2020 218 2021 225 2022 225 Total 1999

Għawdex — MRIs

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jikkonferma jekk hemmx pjan li jibda jsir l-MRI ġewwa Għawdex? Jekk iva, meta?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari numru 907.

Gozo Channel – Head Office

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk il-proprjetà li d-dettalji dwarha qed jiġu mgħoddija b’mod separat, u li hija l-Head Office tal-Gozo Channel ġewwa l-Imġarr, Għawdex, hijiex proprjetà tal-Gvern?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi iva, il-proprjetà li d-dettalji dwarha qed jiġu mgħoddija b’mod separat, u li hija l-Head Office tal-Gozo Channel ġewwa l-Imġarr, Għawdex, hija proprjetà tal-Gvern.

Għawdex — Kuntistabbli

Question

Issa li laħqu 56 kuntistabbli ġdid din is-sena, jista’ l-Ministru jgħid hux se jintbagħtu xi kuntistabbli ġewwa Għawdex? Jekk iva, kemm ser jintbagħtu u meta?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li fl-aħħar xhur f’Għawdex kien hemm iż-żieda ta’ 12-il kuntistabbli u tliet surġenti li qabel kienu jaqdu dmirhom f’Malta u li dawn ma kinux mal-aħħar grupp ta’ kuntistabbli li ssieħbu fil-Korp. Mhijiex il-prassi li kuntistabbli ġodda jkunu stazzjonati mal-ewwel ġewwa Għawdex iżda din issir skont is-“seniority”.

Għawdex — spetturi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx intenzjoni li jintbagħat Spettur ieħor ġewwa Għawdex, minħabba l-fatt li Għawdex huwa wieħed mill-ftit distretti b'żewġ spetturi?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi t-tqassim ta’ membri fil-Korp isir skont il-bżonn u fl-aħjar interess kemm tal-Korp u tal-komunità inġenerali. Infurmat illi f’dan l-istadju għalkemm ma ntbagħtux Spetturi f’Għawdex, intbagħtu tliet Surġenti u kif ukoll 12-il kuntistabbli, anke għaliex illum f’Għawdex jiġi provdut is-servizz ta’ Community Policing.

Stazzjonijiet free to air

Question

Peress li qed jiġi propost li l-pakkett ta’ stazzjonijiet lokali li jinqabdu fuq il-pjattaforma diġitali permezz ta’ antenna ser jieqfu joperaw f’Marzu tas-sena 2023 u peress li qed jingħad li fil-gżejjer Maltin hawn madwar 18,000 familja li preżentament qed jindqew b’xejn permezz ta’ antenna diġitali fuq il-bejt tad-dar tagħhom, u peress li jekk dak propost iseħħ, dan ikun ifisser li dawn il-familji issa ser ikollhom jabbonaw ma’ kumpanija privata li tipprovdi dawn is-servizzi jew permezz ta’ fibre optic cable jew streaming permezz tal-internet u b’hekk għadd ġmielu ta’ familji ser jidħlu fi spejjeż addizzjonali bla bżonn biex ikunu jistgħu jaraw stazzjonijiet lokali, għaldaqstant jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjan li jiġu megħjuna dawn il-familji? Jekk iva, x'inhu l-pjan?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’referenza għall-Mistoqsija Parlamentari 3240 din għandha tiġi riferuta lill-Ministeru kkonċernat.

Għawdex – Ġnien it-Tliet Għoljiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjan biex il-Ġnien it-Tliet Għoljiet f’Marsalforn, Għawdex, jitranġa minħabba l-fatt illi l-playingfield li hemm fih jinsab fi stat ħażin ħafna?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru se jieħu nota tas-suġġeriment tiegħu.

Ix-Xewkija Għawdex – Triq il-Gidi

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk hemmx pjan li titranġa Triq il-Gidi, fix-Xewkija Għawdex, peress li f'ċerti postijiet mit-triq hemm waqgħa ta’ żewġ sulari u m’hemmx ċint jew ħajt? Jekk hemm pjan li titranġa, meta se tinbeda?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li huwa l-obbligu tas-sid privat li jibni ċ-ċint meħtieġ skont il-liġi.

Għawdex – Tilqim tal-influwenza u tal-Omicron Booster

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jikkonferma minn fejn ser jingħataw it-tilqim tal-influwenza u l-Omicron Booster ġewwa Għawdex? Se jingħataw b'kollaborazzjoni mal-Kunsilli Lokali, bħal snin preċedenti?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi t-tilqim tal-influwenza u l-Omicron Booster ġewwa Għawdexse jingħataw mix-Xewkija u l- Għarb Community Centres u minn Victoria Health Centre.

Introduzzjoni mill-ġdid tar-Rotta X300

Question

Peress li l-iskeda tal-fast ferry mhix adattata għall-istudenti u ħaddiema Għawdxin, jista’ l-Ministru jgħid jekk hux se tkun qiegħda tiġi introdotta mill-ġdid ir-rotta X300 li twassal ’l-Għawdxin miċ-Ċirkewwa lejn l-Isptar Mater Dei, l-Università u l-Belt Valletta b’mod dirett? Jekk le, x’inhi r-raġuni?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li meta s-servizz tal-Fast Ferry ma joperax minħabba il-maltemp, tidħol fl-operat ir-rotta X300 li miċ-Ċirkewwa toffri konnessjoni diretta lejn l-isptar Mater Dei/Universita kif ukoll għall-Belt Valletta. Infurmat ukoll li ir-rotta X1 (li għanda numru limitat ta’ waqfien) toffri servizz tat-trasport pubbliku bejn iċ-Ċirkewwa u l-ajrport b’waqfiet l-Universita kif ukoll l-isptar Mater Dei. Din ir-rotta għandha frekwenza medja ta’ 45 minuta. Wara li l-operaturi tal-fast ferry ħabbru li kienu naqqsu il-frekwenza ta’ dan is-servizz, Transport Malta daħlet f’diskussjonijiet mall-Operatur tat-trasport pubbliku rigward l-possibilita tal-introduzzjoni ta’ konnessjoni diretta bejn il-port taċ-Ċirkewwa, l-isptar Mater Dei/Universita u il-Belt Valletta permezz tat-trasport publiku.

Stazzjonijiet lokali li jinqabdu permezz ta’ antenni

Question

Peress li qed jiġi propost li l-pakkett ta’ stazzjonijiet lokali li jinqabdu fuq il-pjattaforma diġitali permezz ta’ antenna jieqfu joperaw f’Marzu tas-sena 2023, u peress li jidher li fil-gżejjer Maltin hawn madwar 18,000 familja li preżentament qed jindqew b’xejn permezz ta’ antenna diġitali fuq il-bejt tad-dar tagħhom u jekk dak propost iseħħ, dawn il-familji jkollhom jabbonaw ma’ kumpanija privata li tipprovdi dawn is-servizzi jew permezz ta’ fibre optic cable jew streaming permezz tal-internet, jista’ l-Mnistru jgħid jekk hemmx xi ħsieb li ssir xi ħaġa biex jiġu megħjuna dawn il-familji li ser jidħlu fi spejjeż addizzjonali bla bżonn biex ikunu jistgħu jaraw stazzjonijiet lokali?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkoncernat.

Free Hearing Test lill-persuni 'l fuq minn 65

Question

Peress li qed jiġi provdut is-servizz ta' Free Hearing Test lil persuni 'l fuq minn 65 sena f'Malta, jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk hux se jiġi provdut se jiġi provdut dan is-servizz f'Għawdex? Jekk iva, meta?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi s-servizz ta' Free Hearing Test, ilu jiġi provdut fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex minn Novembru 2021. Kien ġie introdott is-servizz ta’ Audiologist fuq bażi ta full-time. Is-servizz tal-Hearing Test li hu mingħajr ħlas, qed jigi pprovdut fi klinika specjaliżżata li tinsab fid-Dipartiment tal-Outpatients u kull persuna ta’ kull età tista tirriokori għal dan is-servizz billi tagħmel appuntament biex isirilha dan it-test.

Marsalforn — Breakwater

Question

Peress li l-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, Xjenza u l-Kultura (UNESCO) wissiet lil Malta li hemm ċans mija fil-mija li tsunami jolqot xtutha fi żmien 30 sena, jista’ l-Ministru jgħid jekk hux qed isiru l-istudji neċessarji biex il-breakwater li qed jiġi propost li jsir f’Marsalforn ikun tsunami-proof?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li waqt li avvenimenti naturali impossibbli jiġu mbassrin b’ċertezza jekk iseħħux illum, wisq inqas 30 sena oħra, l-impenn tal-Gvern li jiġġieled il-fenomenu tat-tibdil fil-klima hu kontinwu, kif riflessa anke f’politika li tħares għal għexieren ta’ snin fil-futur. Il-kontribut ta’ pajjiżna, anke jekk żgħir, se jkun rifless fis-sentejn li ġejjin fejn se jkun rappreżentat fil-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda, waqt li l-Prim Ministru nnifsu enfasizza fuq dan il-punt direttament fl-indirizz tiegħu fl-Assemblea Ġenerali tal-istess organizzazzjoni s-sena l-oħra u mill-ġdid f’Settembru li għadda.

Armata ta’ Malta — Bord tal-Inġustizzji – pubblikazzjoni tad-Deċiżjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti indikazzjoni ta' meta ser jiġu ppubblikati d-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Inġustizzji fi ħdan l-Armata ta' Malta?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari PQ 2936.