Legislature:
Category:
Reset
Active:

Għawdex – Ix-Xlendi — Masterplan

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju wasal il-Masterplan tax-Xlendi, Għawdex?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa għaddejjin konsultazzjonijiet mal-entitajiet ikkonċernati biex jiġu definiti s-servizzi meħtieġa fix-Xlendi, li jkunu jiriflettu d-domanda li dejjem qed tiżdied.

Persuni f’riskju ta’ faqar f’Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jindika kemm hemm familji f'riskju ta' faqar ġewwa Għawdex fil-preżent? X’qiegħed isir biex dawn il-familji ma jibqgħux f'riskju ta' faqar?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont l-Uffiċċju Nazzjonali dwar l-Istatistika, ir-rata ta’ riskju ta’ faqar ġewwa Għawdex skont is-SILC 2021 hija ta’ 12.4%, liema rata hija it-tieni l-anqas fost ir-reġjuni kollha fil-gżejjer Maltin. F’dik li hija ġlieda kontra l-faqar, il-Gvern ma jagħmilx distinzjoni bejn reġjuni fil-macro policies tiegħu, speċjalment fil-miżuri soċjali li ilhom jiddaħħlu b’mod konsistenti u sostanzjali ħafna sa mill-2014. Naturalment ġieli jkun hemm bżonn ta’ interventi jew servizzi speċifiċi għal sitwazzjonijiet partikolari li jistgħu ivarjaw skond il-lokalità, il-kategorija ta’ nies jew xi qasam soċjali partikolari. Din il-politika mħaddma mill-Gvern wasslet biex fl-aħħar 9 snin naqset b’mod sostanzjali ħafna ċ-ċaħda materjali u dik severa inkluż f’Għawdex, naqset b’mod sostanzjali wkoll id-dipendenza soċjali inkluż f’Għawdex, u naqas għal livelli rekord il-qgħad fejn anke f’Għawdex dan sar kważi ineżistenti.

Infermiera li qagħdu għal resit

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta se jidħlu fid-dinja tax-xogħol dawk in-nurses li taw resit f'Settembru u rċevew ir-riżultat?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant fil-ġranet li ġejjin ser jibda’ l-ingaġġ ta’ dawn in-nurses

Infermiera li qagħdu għal resit

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma meta se jidħlu fid-dinja tax-xogħol dawk in-nurses li taw resit f'Settembru u rċevew ir-riżultat?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-riżultati tal-istudenti li qagħdu għal resit diġà ġew ippubblikati. Għall-kumplament tal-mistoqsija nitolbu jirreferi lill-Ministru konċernat.

Għawdex — Villa Rundle – irħama kommemorattiva

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex l-irħama kommemorattiva li tindika l-proġett ta' upgrading li kien sar ġo Villa Rundle tħalliet tiddeterjora daqstant? Hemm pjan li titpoġġa fl-istat li kienet qabel?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onerevoli Interpellant li tajt struzzjoni lid-dipartiment ikkonċernat sabiex isir it-tindif/restawr li hemm bżonn.

Uffiċċju tal-Public Transport fir-Terminus tar-Rabat Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-Uffiċċju tal-Public Transport fit-Terminus tar-Rabat, Għawdex ingħalaq? Per konsegwenza, min jitlef Tallinja Card f’Għawdex irid imur bilfors Malta?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninfomra lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra

Sptar tal-Onkoloġija — kimoterapija

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 3416, jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x'isimhom it-13-il tip ta' kimoterapija li jingħataw f’Għawdex u l-erba’ tipi li jingħataw orali?

Response (FEARNE, CHRIS)

: Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi il- kimoterapija li jingħataw f’Għawdex huma dawn: 1. Transtuzumab - Capecitabine 2. Avastin - Temozolamide 3. 5FU - Etoposide 4. Oxaliplatin - Palbociclib 5. Carboplatin 6. Gemcitabine 7. Irinotecan 8. Vinorelbine 9. Epirubicin 10. Pemetrexed 11. Docetaxel 12. Etoposide 13. Vincristine

Għawdex — Skwadra tas-CID

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2894 u jagħtina l-istatistika ta' kif evolviet bħala numri l-iskwadra tas-CID f’Għawdex bejn l-2010 u l-2022, sena b'sena?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li fl-aħħar snin kien hemm bidliet ta’ kif jopera l-Korp tal-Pulizija ġewwa Għawdex, bil-għan li r-residenti jingħataw servizz aħjar. Matul l-aħħar sena ġie introdott is-servizz ta’ Pulizija tal-Komunità fil-lokalitajiet kollha ġewwa Għawdex, li jagħtu servizz aktar personaliżżat b’kollaborazzjoni mal-Komunità. Infurmat wkoll li l-persuni assenjati mas-CID ta’ Għawdex kien l-ebda persuna fis-sena 2012, 10 persuni fis-sena 2013 u 2014, 7 persuni fis-sena 2015 u 2016, 6 persuni fis-sena 2017, 4 persuni fis-sena 2018, 5 persuni fis-sena 2019, u 4 persuni fis-sena 2020 u 2021. Infurmat ukoll li r-rata għal kull persuna residenti ta’ ufficjali tal-Korp tal-Pulizija tad-distrett u Community Policing ġewwa Għawdex huwa ogħla minn ta’ Malta. Dan wassal sabiex is-servizz offrut ikun dejjem aħjar.

Sptar Mater Dei – apparat fis-Sleep Lab

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 3290, jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta hu pproġettat li jiġi ppubblikat tender bi specifications sabiex jinxtara apparat addizzjonali?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-offerta intbagħtet lid-DOC għall-pubblikazzjoni fl-24 ta’ Ottubru 2022.

Gozo Channel Co. Ltd. – passenger capacity

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3301, jista' l-Ministru jgħid għaliex il-projected capacity qed tinħadem għall-Ħdud waranofsinhar biss? Huwa minnu li qed jiddaħħlu persuni overtime għax ma jkunx sar projected capacity exercise minn qabel? Sar projected capacity exercise għat-tlett ijiem ta' btala għat-tfal bejn il-31 ta' Ottubru u t-2 ta' Novembru, 2022?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onerevoli Interpellat li l-overtime jingħata meta jkun hemm bżonn skond l-esiġenzi tas-servizz.

Gozo Channel – passenger capacity

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 3301, jista’ l-Ministru jgħid meta qed jiġi ppjanat full-crew apparti fil-ġurnata tal-Ħadd wara nofsinhar biex ilaħħqu mal-Maltin li jkunu qattgħu l-weekend f’Għawdex? Il-projected capacity min jippjanaha u jekk qed tiġi ppjanata, għaliex operaturi turistiċi qed jilmentaw li qed jibqgħu l-art?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pjanijiet isiru mill-management tal-Gozo Channel.

Għawdex – Sannat – Skola ta’ Special Unit – waiting list

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hi l-waiting list ta’ studenti biex imorru l-Iskola tal-Ispecial Unit ġewwa Sannat, Għawdex?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’hemm l-ebda waiting list biex studenti eliġibbli jattendu l-Ispecial Unit ġewwa Sannat.

Fibromyalgia Clinic – servizzi offruti

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk l-użu prinċipali tal-Fibromyalgia Clinic huwiex biss il-kollezzjoni ta' data u l-użu ta' formoli li juru l-pain-scale? Jekk le, jista' jgħid x'inhuma s-servizzi offruti fil-Fibromyalgia Clinic?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-pazjenti fil-bidu jiġu eżaminati f’Mater Dei minn Rheumatologist li flimkien mat-tim multidixxiplinarju (Clinical Nurse Specialist, Physiotherapist, Occupational Therapist) jindirizza l-bżonnijiet tal-pazjent u jsir pjan ta’ ġestjoni. Meta l-kawża tal-pazjent tiġi kkontrollata​​ biżżejjed, jiġi mistieden biex jiġi rivedut fil-klinika tal-Fibromyalgia fiċ-ċentru tas-Saħħa tal-Furjana fejn hemm żewġ tobba speċjalizzati , li kienu preżenti minn meta fetħet il-klinika u li huma mħarrġa biex jimmaniġġaw il-Fibromyalgia. Dawn ikomplu jsegwu l-pazjenti għal 4 żjarat oħra. Il-pazjent jista' jiġi riferut lura lill-MDH Rheumatology jew lil kwalunkwe membru ieħor tat-tim multidixxiplinarju.

Fibromyalgia/Myalgic Encephalomyelitis — Diskussjoni parlamentari

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk hux qed tiġi kkunsidrata diskussjoni parlamentari fuq il-fatt li l-Fibromyalgia jew il-Myalgic Encephalomyelitis għandhom jiġu kkunsidrati bħala diżabilità? Jekk le, x'inhi r-raġuni?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi x’jitla' fuq l-aġenda tal-Kumitat Permanenti Parlamentari tas-Saħħa huwa kompitu tal-istess Chairman tal-Kumitat.

Għawdex — MCAST - studenti

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3182, jista' l-Ministru jgħid x'kienu s-suġġetti mgħallma? Kemm kien hemm studenti jħallsu għall-kors? Kemm kienet l-età medja ta' dawn l-istudenti?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-suġġetti mgħallma jinkludu ICT, Negozju u Kummerċ, Ħarsien u Kura Soċjali, Edukazzjoni Inklussiva (Baċċelerat) u dik bikrija (Higher Diploma), Inġinerija, Hairdressing, Health Sciences, Vocational and Employability Skills. Ninforma lill-Onor. Interpellat ukoll li d-day courses huma offruti bla ħlas u l-unika miżata li tista’ tkun applikata huma f’korsijiet li jkollhom xi forma ta’ eżami estern jew addizzjonali fejn l-istudent jagħżel b’mod volontarju. L-età medja hi dik ta’ bejn it-tmintax (18) u d-dsatax (19) -il sena.

Sptar tal-Onkoloġija — kimoterapija

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm-il tip ta' kimoterapija tingħata fl-Isptar tal-Onkoloġija ġewwa Malta? Minn dawn li semmejt, kemm minnhom jingħataw fl-Isptar ta' Għawdex?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninformal lill-Onor. Interpellant illi f’Malta, fl-Isptar tal-Onkoloġija tingħata 22 tip ta’ kimoterapija. Waqt li fl-Isptar ta' Għawdex tingħata 13-il tip u 4 tipi oħra orali.

Trasferiment tar-reġistru minn SportMalta għall-AIMS

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess ta' trasferiment tar-reġistru minn SportMalta għall-AIMS? Kemm baqa' sabiex jiġi finalizzat u jaħdem dan ir-reġistru?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-ġimgħat li ġejjin se jkunu qed jiġu abbozzati l-avviżi legali relatati mal-introduzzjoni tar-reġistru kif mitlub mill-Att dwar il-Governanza Sportiva u L-Integrità fl-Isport.

Għawdex – servizz ta’ helpers

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn anzjani Għawdxin li jridu s-servizz ta’ helpers fid-djar tagħhom imma mhux jingħatalhom? Jista’ jgħid kemm hawn anzjani li sa sitt xhur ilu kellhom is-servizz ta’ helpers fid-dar tagħhom f’Għawdex imma m’għadux jingħatalhom? Jista’ jgħid ukoll minn Jannar tal-2021 sal-lum kemm kien hemm helpers f’Għawdex li telqu minn fuq il-post tax-xogħol tagħhom? Jista’ jgħid kemm hu dan l-ammont kull xahar tal-helpers li telqu?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.

Gozo Channel — passenger capacity

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li l-vapur tal-Gozo Channel mhux jgħabbi ‘full-passenger capacity’ u ħafna persuni qed jibqgħu l-art, speċjalment fil-‘peak-time’?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-vapuri tal-Gozo Channel jgħabbu passiġġieri skont in-numru ta’ ekwipaġġ preżenti fuq il-vapur. Il-maximum capacity ta’ passiġġieri li jirkbu fuq il-vapur huwa ta’ 500 passiġġier jew 900 passiġġier, u dan jiddependi min-numru t’ekwipaġġ li jkun hemm fuq l-istess vapur. Il-kumpanija tħaddem numru t’ekwipaġġ ibbażżat fuq il-projected capacity, u iva jista’ jkun hemm xi każi rari fl-off-peak time fejn jinzerta li n-numru ta’ passiġġieri li jridu jużaw il-vapur ikun akbar min dak proġettat. Fi kwalunkwe każ, waqt il-peak-time, il-vapuri ikollhom ekwippaġġ biżżejjed biex ikunu jistgħu jgħabbu l-maximum capacity ta’ passiġġiera li huwa dak ta’ 900 passiġġier.

Għawdex – ix-Xewkija – Triq il-Gidi

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3058, jista’ l-Ministru jikkonferma jekk hemmx pjan li titranġa Triq il-Gidi, fix-Xewkija, Għawdex peress li tinstab fi stat ħażin ħafna u taqa’ taħt il-poteri tal-Ministeru għal Għawdex? Jekk hemm pjan, meta ser jibda?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tali triq qatt ma saret. Għaldaqstant, idealment, kif il-maġġor parti tal-bini u s-servizzi jkunu lesti l-Ministeru jidħol għal inkarigu biex issir il-kumplament tat-triq.