Legislature:
Category:
Reset
Active:

Amministrazzjoni Pubblika – ħaddiema fl-iskali 10 sa 14

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 7890, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol u li issa ġiet riferuta lilu, u jgħid kemm hawn ħaddiema fl-‘Amministrazzjoni Pubblika’ ġewwa Malta u Għawdex fl-iskali 10 sa 14, esklużi l-pulizija, l-għalliema, it-tobba, l-infermiera u l-qwiebel?

Response (ABELA, ROBERT)

Tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Rabat, Għawdex – Twaħħil ta’ struttura fuq il-binja ta’ ARMS Ltd.

Question

Fid-dawl tal-fatt li twaħħlet struttura temporanja fuq il-binja tal-ARMS Ltd. fi Triq il-Kapuċċini, ir-Rabat Għawdex, jista’ l-Ministru jgħid: a. x'inhi r-raġuni li twaħħlet din l-istruttura; b. hemmx il-permessi kollha neċessarji kif stabbiliti mil-liġi biex isiru x-xogħlijiet? Jekk iva, x'inhu n-numru tar-referenza tal-permess; ċ. hemmx pjan ta' rilokazzjoni għal entità tal-ARMS fid-dawl tal-fatt li dan jista’ jkun ta' periklu; u d. x'inhu l-pjan u għal kemm terminu ta' żmien din l-istruttura se tibqa’ mwaħħla?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministru kkonċernat. (Korrezzjoni: Ara Dokument PL 1756 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'Seduta 121 tal-15 ta' Mejju 2023)

Amministrazzjoni Pubblika – ħaddiema fl-iskali 10 sa 14

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn ħaddiema fl-‘Amministrazzjoni Pubblika’ ġewwa Malta u Għawdex fl-iskali 10 sa 14, esklużi l-pulizija, l-għalliema, it-tobba, l-infermiera u l-qwiebel?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Rabat, Għawdex – Triq Marsalforn – rikostruzzjoni tat-triq

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7555, jista’ l-Ministru jikkjarifika jekk il-Ministeru għal Għawdex tefax applikazzjoni taħt il-Cohesion Fund 2014-2020 għal Marsalforn?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jagħmel referenza għall-informazzjoni li ngħatat fil-mistoqsijiet parlamentari 6634 u 7555.

Xewkija, Għawdex – Triq il-Qlugħ — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se titlesta Triq il-Qlugħ fix-Xewkija, Għawdex?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet sejrin isiru ladarba jitlestew ix-xogħlijiet li qegħdin isiru fil-fabbriki tal-madwar.

Għawdex – uffiċċju tat-Trasport Pubbliku — ftuħ

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba qed jiftaħ l-uffiċċju tat-Trasport Pubbliku fil-Bus Terminus fir-Rabat, Għawdex?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Operatur tat-Trasport Publiku (Malta Public Transport) jinforma li is servizzi biex wieħed japplika ghal Tal-linja Card ġdida wieħed jista jżur waħda mill-fergħat tal-Malta Post. Dan minnbarra li wieħed jista wkoll japplika online fuq is-sit eletroniku www.publictransport.com.mt . B’dan l-arranġament dan is-servizz inxtered f’aktar lokalitajiet anke biex il publiku ikun moqdi ahjar. Sabiex tinbidel il-card minħabba li ma tkunx qiegħda taħdem jew għax tkun intilfet wieħed jista jċempel id-departiment tal-Customer Care tal-Operatur tat-Trasport Publiku fuq in-numru 21222000 sabiex tinbagħat card ġdida. Ghal xiri ta’ cards mhux personalizzati wieħed jista jagħmel dan mit-ticket machines li hemm fit-terminus tal-karozzi tal-linja ir-Rabat, mit-terminus tal-vapur ġewwa l-Mġarr kif ukoll minn xi ħwienet. Ghaldaqstant dawk is-servizzi li kienu jingħataw mil-uffiċju tal-Operatur tat-Trasport Publiku ġewwa ir-Rabat issa qegħdin jingħataw b’mod differenti.

Campus Hub — kera

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hi l-kera medja ġewwa l-Campus Hub li jinsab ħdejn l-Università ta’ Malta? Jista’ jgħid ukoll kemm hemm Għawdxin akkomodati hemm?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Campus Hub huwa operat minn operatur privat u l-informazzjoni mitluba hi ta’ natura kummerċjali. L-Università m’għandhiex aċċess għaliha.

Għawdex – Dar San Ġużepp – xogħol

Question

Fid-dawl li fl-aħħar jiem kien hemm diskussjoni bejn il-Ministeru għall-Anzjanità Attiva u l-Ministeru għal Għawdex dwar id-Dar tal-Anzjani San Ġużepp f'Għajnsielem, Għawdex, fejn intqal li din id-dar ser tinfetaħ dalwaqt peress li x-xogħol fuq din il-binja għadu għaddej, jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq din id-dar? Jista' jgħid ukoll meta hu l-pjan eżatt ta' meta din id-dar ser tinfetaħ u kemm ser tkun qed tieħu residenti? Jista’ jgħid ukoll kemm ser ikun hemm bżonn ta' carers u nurses f'din id-dar?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li fit-tletin (30) ta' Jannar 2023 intefa' rikors minn wieħed mill-offrenti sabiex tiġi sospiża s-sentenza tal-Qorti tal-Appell, kif ukoll rikors għar-ritrattazzjoni sabiex tħassar u tirrevoka s-sentenza li ngħatat mill-Qorti tal-Appell. Fit-12 ta' April 2023, il-Qorti tal-Appell ċaħdet kemm it-talba għar-ritrattazzjoni u kemm it-talba għas-sospensjoni tal-effetti tas-sentenza ta’ Jannar 2023. Il-Qorti ddikjarat li dawn it-talbiet kienu frivoli għalhekk weħħlithom spejjeż doppji wkoll. Għaldaqstant il-kuntratt mal-offrent preferut ser jiġi ffirmat fil-ġimgħat li ġejjin.

Ir-Rabat, Għawdex – Triq Sir Arturo Mercieca — Tiswijiet

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4130, jista' l-Ministru jgħid jekk wasalx iż-żmien li jinbeda x-xogħol fuq Triq Sir Arturo Mercieca, fir-Rabat Għawdex, issa li għaddew ’il fuq minn erba’ xhur?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru qed jistenna l-eżitu tat-tender li bħalissa qiegħed f’stadju ta’ appell.

Rabat, Għawdex – Triq Marsalforn — rikostruzzjoni tat-triq

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx fondi Ewropej għar-rikostruzzjoni ta' Triq Marsalforn, mir-Rabat għal Marsalforn?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li infurmat li sal-lum il-ġurnata għad m’hemmx fondi Ewropej approvati għar-rikostruzzjoni ta’ Triq Marsalforn, mir-Rabat għal Marsalforn.

Għawdex – xogħlijiet fit-toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema toroq kienu ppjanati li jsiru imma ma sarux jew mhux se jsiru, minħabba r-reviżjoni tal-Vot Kapitali mill-Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-infrastruttura ħa tibqa' prijorità u m’hemm ebda triq li kienet pjanata u mhux ser issir.

Sptar Mater Dei – apparat fis-Sleep Lab

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7416, jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jaġġorna l-Kamra dwar l-eżitu tat-tender għad-Dipartiment tal-iSleep Lab?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi r-rapport ta’ evalwazzjoni qed jiġi ffinalizzat u se jintbagħat lid-Dipartiment tal-Kuntratti bir-rakkomandazzjonijiet mill-bord.

Sptar Mater Dei – apparat fis-Sleep Lab

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5271, jista' l-Ministru jgħid xi progress kien hemm dwar iż-żewġ tenders għad-Dipartiment tal-iSleep Lab?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi dawn it-tenders li qiegħed jirreferi għalihom jagħlqu fit-22 ta’ Marzu 2023.

Għawdex – GAW Station ħdejn il-Fanal ta’ Ġordan

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb li tingħalaq il-Global Atmospheric Watch (GAW) Station li tinsab ħdejn il-Fanal ta' Ġordan, Għawdex?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’hemmx ħsieb li l-post imsemmi jieqaf jopera.

Sptar mentali ta’ Għawdex – plakka tal-ewwel ġebla

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li tgħattiet il-plakka tal-ewwel ġebla tal-isptar mentali ġewwa Għawdex?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.

Sptar mentali ta’ Għawdex – plakka tal-ewwel ġebla

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x'kienet ir-raġuni li tgħattiet il-plakka tal-ewwel ġebla tal-isptar mentali ġewwa Għawdex?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi saru xi xogħlijiet fir-reception u l-plakka se tiġi mikxufa kif jitlesta x-xogħol.

Pulizija – rapporti ta’ serq f’Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il serqa ġiet rapportata f'Għawdex mill-1 ta' Jannar ta' din is-sena sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija? Jista’ jgħid f'liema rħula ġew imwettqa dawn is-serqiet? Kemm minn dawn ġew solvuti?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li l-informazzjoni qed tinġabar.