Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sptar Ġenerali ta' Għawdex — MRI

Question

Jista' l-Ministru jagħti time-frame ta' meta ser titlesta u tibda tiffunzjona l-MRI ġewwa l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-MRI temporanja ta’ 1.5 Tesla ġewwa l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex għandha tibda tintuza matul Q1. Hu ppjanat li l-MRI ta’ 3.0 Tesla tibda topera qabel l-aħħar ta’ din is-sena minflok dik temporanja.

Taħriġ u edukazzjoni dwar il-Fibromyalgia u l-ME

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 4902 u ċjoè: Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4732, li oriġinarjament saret lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa u li issa ġiet riferuta lilu, u ċjoè: Ibbażat fuq l-Art. 26 tal-UNCRPD, jista' l-Ministru jgħid x'qed jagħmel il-Gvern biex jiżgura li l-professjonisti tas-saħħa tagħna, ir-rewmatisti u n-newroloġisti qed ikomplu t-taħriġ u l-edukazzjoni tagħhom dwar il-Fibromyalgia u l-ME? Kemm qed jinvesti l-istat f’taħriġ kontinwu lill-professjonisti kollha fuq mard debilitanti bħal dan, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll fil-komunità?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru ma jimpjegax il-professjonisti msemmija.

Xewkija — Kampus Universitarju – Pjan biex jiżdiedu l-korsijiet

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11833, jista’ l-Ministru jgħid x'korsijiet hemm ippjanati li jibdew ġewwa Għawdex fis-snin li ġejjin?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li apparti korsijiet tradizzjonali bħad-Diploma fil-Kummerċ, Baċellerat fil-Kummerċ, Baċellerat fil-Psikoloġij, u Baċellerat fil-Kriminoloġija, hemm pjanat ukoll li jsiru dawn il-korsijiet; Maltese Bobbin Lace – An Advanced approach, Beekeeping and the art of Honey Making, Viticulture, u The Art of Wine Making.

Mard u diżabilità

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-kriterji li wieħed għandu jissodisfa biex persuna li għandha kundizzjoni, marda jew diżabilità jiġu mwieżna mill-Istat?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

AgriConnect – Servizzi offruti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’servizzi ser jiġu offruti mill-uffiċini tal-AgriConnect ġewwa Għawdex u x'valur ser jagħtu lis-servizzi li diġà qegħdin jagħtu Rural Gozo lill-bdiewa u raħħala ġewwa Għawdex? Jista’ jgħid ukoll fejn ser ikunu dawn l-uffiċini ġewwa Għawdex u jekk fil-privat, jgħid kemm ser jinkrew fis-sena?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interperlant li s-servizzi li jiġu mogħtija mill-uffiċċju tal-AgriConnect ġewwa Għawdex huma l-istess servizzi li jiġu offruti mill-uffiċini tal-Agriconnect f’Malta. L-AgriConnect huwa l-uniku Farm Advisory Service rikonoxxut sabiex jkun jista’ joffri servizzi marbutini ma’ għajnutiet li ġejjin minn fondi Ewropej. Fl-uffiċini ġewwa Għawdex il-bdiewa jistgħu jibbenefikaw minn numru ta’ servizzi li jinkludu Pjan tal-Immaniġġar tal-Ħamrija, Analiżi tal-Ħamrija, Pjan tal-Fertilizzanti kif ukoll pariri u taħriġ fuq il-kundizjonalità. Dawn l-uffiċini jinstabu ġewwa d-Dukes Complex ir-Rabat Għawdex u jinkrew għal €14,375.00 fis-sena.

Għarb, Għawdex – Triq Albert W. Ketelby – Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jsir it-tarmak u l-culverts tal-ilma fi Triq Albert W. Ketelby, fl-Għarb?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lil Onor. Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex għadda l-fondi lill-Kunsill Lokali biex din it-triq tkun tista' ssir.

Ministeru għal Għawdex – Trasferimenti ta’ dipartimenti/taqsimiet

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13863 jista' l-Ministru jgħid mis-sena 2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari kemm-il Dipartiment jew taqsima fid-dekasteru tiegħu ġew jew hemm diġà arranġamenti biex jiġu trasferiti taħt aġenzija u/jew awtorità li mhijiex fid-dekasteru tiegħu?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-2013 kien hemm tliet Aġenziji li ġew iffurmati u li l-uffiċċji f’Għawdex sussegwentament ġew integrati ma’ dawn l-Aġenziji. Dawn kienu Libreriji, il-Qrati t’Ghawdex, u l-Uffiċċju tar-Reġistrazzjoni tal-Artijiet.

Ministeru għal Għawdex – Trasferimenti ta’ dipartimenti/taqsimiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid mis-sena 2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b'sena kemm-il Dipartiment jew taqsima fid-dekasteru tiegħu ġew jew hemm diġà arranġamenti biex jiġu trasferiti taħt aġenzija u/jew awtoritá li mhijiex fid-dekasteru tiegħu?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex ikun aktar speċifiku fil-mistoqsija tiegħu sabiex ma jinqabiżx l-advisory cost limit.

Għawdex – Diretturi Ġenerali

Question

Jista’ l-Prim Ministru jikkonferma x’responsabilitajiet ġodda ser ikollu l-Ministru għal Għawdex hekk kif issa ser ikun hemm tliet Diretturi Ġenerali ġewwa Għawdex?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab infurmat li nħarġu tliet pożizzjonijiet ta’ Direttur Ġenerali għax f’dawn l-aħħar snin il-Ministeru għal Għawdex żied b’mod sostanzjali il-ħidma tiegħu f’diversi oqsma. Għaldaqstant saret riorganizzazzjoni fid-Diviżjonijiet kif meħtieġ u t-talba ġiet milqugħa.

Sptar Ġenerali ta' Għawdex — Dentisti

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm dentisti fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex? Jista’ jgħid kemm minnhom huma fuq bażi part-time u kemm minnhom huma fuq bażi full-time?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex hemm dentist wieħed u qegħdin fil-proċess li ningaġġaw ieħor bħala sostitut għad-dental surgeon li sfortunatament miet ftit xhur ilu.

Sptar Ġenerali ta' Għawdex – Kiri ta’ ambulanzi – Nefqa

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12710 dwar in-numru ta’ ambulanzi disponibbli fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm qed tinkera kull ambulanza, ta' kuljum?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba minnha hija ta’ natura kummerċjali.

Strateġija għal Għawdex – Deliverables

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif ser jiġu 'monitored' id-deliverables abbinati mal-Istrateġija għal Għawdex fix-short u medium term?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li issa li ġiet ippubblikata l-istrategija, id-deliverables jkunu monitored mill-Awtorità għall-Iżvilupp Reġjonali ta’ Għawdex (GRDA) fuq bażi regolari. Dawn id-deliverables jiġu ppubblikati fir-rapport annwali tal-istess Awtorità jew f’pubblikazzjoni addizzjonali li toħroġ il-GRDA.

GRDA — Sommarju

Question

Mid-diversi proġetti tal-Inter-Reg li qegħdin jipparteċipaw fihom il-Gozo Regional Development Authority (GRDA) u l-Ministeru, jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra sommarju ta' dawn il-vjaġġi u jelenka l-best practices li ġew osservati u li qegħdin jiġu kkunsidrati minn din l-Awtorità?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-GRDA ma għandhiex proġetti taħt Inter-Reg u l-proġetti tal-Inter-Reg li pparteċipa fihom il-Ministeru għal Għawdex f’dawn l-aħħar snin huma s-segwenti: Destination SME's - Inter-Reg Europe, Bess - Inter-Reg Italia / Malta, Simaseed - Inter-Reg Italia / Malta, Consumeless - Inter-Reg Med, Sherpa - Inter-Reg Med, Intencive - Inter-Reg Europe, Resindustry - Inter-Reg Europe, Ebussed - Inter-Reg Europe, Bioblu - Inter-Reg Italia / Malta, Incircle - Inter-Reg med.

Sptar Ġenerali t'Għawdex — Ambulanzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ambulanzi fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex, kemm minnhom huma mikrija u l-prezz tal-kirja ta’ kull waħda?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Isptar Ġenerali ta' Għawdex huwa mgħammar b'6 ambulanzi. Waħda mill-ambulanzi hija proprjetà tal-GGH u l-oħrajn huma mikrija.

Għawdex, Sptar Ġenerali — Occupational Speech Therapists

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm Occupational Speech Therapists jaħdmu fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex hemm 11-il Occupational Therapists u 9 Speech Therapists.

Dwejra – Ftuħ tal-latrina pubblika

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser tinfetaħ il-latrina pubblika li hemm id-Dwejra?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa għaddej ix-xogħol, u mistennija tinfetaħ ftit ġimgħat oħra. Ix-xogħol li qed isir ser jassigura li din il-latrina pubblika tkun aċċessibbli għal kulħadd.

Repatriation — persuni akkużati b'reati kriminali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni ġew re-patriated lura lejn pajjiżhom wara li ġew akkużati b'reati kriminali tul dawn l-aħħar għaxar snin, maqsuma sena b'sena?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Fl-aħħar xhur u snin il-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza ħa deċiżjonijiet importanti sabiex pajjiżna jiprattika politika ta’ immigrazzjoni ġusta, li tinkludi li min m’għandux id-dritt li jibqa’ f’pajjiżna, ikun imneħħi mill-pajjiż. Dan anke wara li twaqqaf returns unit fi ħdan il-Ministeru. Infurmat li n-numru ta’ persuni li tneħħew mill-pajjiż huwa provdut fit-tabella riprodotta hawn taħt. Dan in-numru jinkludi dawk li daħlu fil-pajjiż b’mod irregolari u ma kellhomx dritt għall-ażil, u dawk li jkunu kissru l-liġijiet ta’ pajjiżna u għaldaqstant jitneħħew mill-pajjiż. Qed niprovdi wkoll in-numru ta’ deċiżjonijiet ta’ ritorn maħruġa fuq il-fruntiera. Sena 2014 2015 2016 2017 2018 2019 2020 2021 2022 sa 17/10/2023 Ritorn 98 182 96 172 223 206 136 415 944 1043 Deċiżjonijiet ta’ Ritorn maħruġa mal-fruntiera 323 272 312 282 284 384 256 279 336 237

Repatriation -persuni akkużati b'reati kriminali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni ġew re-patriated lura lejn pajjiżhom wara li ġew akkużati b'reati kriminali tul dawn l-aħħar għaxar snin, maqsuma sena b'sena?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Gozo Channel Limited — Kiri ta’ Ħanut

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma eżatt kemm qed jinkera l-ħanut li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, fl-Imġarr, Għawdex, lill-Gozo Channel Limited? Jista’ jgħid ukoll fiex tikkonsisti din il-kera u x’kundizzjonijiet ingħataw?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jagħmel referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2168.