Legislature:
Category:
Reset
Active:

Għawdex – Proġett tal-pixxina

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif ser tiġi operata u mmaniġġjata l-pixxina ġewwa Għawdex issa li qed joqrob il-ftuħ tagħha?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa qed isiru l-arranġamenti meħtieġa biex din il-pixxina tibda topera b’rispett anke lejn l-obbligi ta’ garanziji u maintenance. Fil-frattemp fix-xhur li ġejjin għandha tiġi ppublikata sejħa għal-offerti għall-operat u l-immaniġjar tagħha.

NATO – Partnership for Peace

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 26687 li oriġinarjament saret lill-Prim Ministru u jgħid jekk meta ttieħdet id-deċiżjoni li l-Parlament Malti jingħaqad mal-Assemblea Parlamentari tan-NATO, kif ukoll meta saret il-proposta li Malta testendi l-ftehim ta’ Partnership for Peace tan-NATO, kellux pariri legali li dawn iż-żewġ passi ma jmorrux kontra l-Kostituzzjoni jew jiksru l-istatus ta’ newtralità? Jekk fl-affermattiv, jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tali pariri legali?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-deċiżjoni li l-Parlament Malti jingħaqad mal-Assemblea Parlamentari tan-NATO kienet deċiżjoni Parlamentari bi qbil miż-żewġ naħat tal-Kamra, liema deċiżjoni ġiet meħuda f’din l-istess Kamra nhar it-3 ta’ Ottubru 2023. Intant nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-minuti tal-Laqgħa Nru. 12 tal-Kumitat Permanenti dwar l-Affarijiet Barranin u Ewropej li nżammet nhar l-Erbgħa 24 ta’ Mejju 2023, fejn fiha kien hemm qbil unanimu bejn il-membri preżenti, inkluż l-Onor. Interpellant innifsu, għat-tiġdid tal-Partnership for Peace Programme min-naħa tal-Gvern Malti.

NATO – Partnership for Peace

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk meta ttieħdet id-deċiżjoni li l-Parlament Malti jingħaqad mal-Assemblea Parlamentari tan-NATO, kif ukoll meta saret il-proposta li Malta testendi l-ftehim ta’ Partnership for Peace tan-NATO, kellux pariri legali li dawn iż-żewġ passi ma jmorrux kontra l-Kostituzzjoni jew jiksru l-istatus ta’ newtralità? Jekk fl-affermattiv, jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tali pariri legali?

Response (ABELA, ROBERT)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

KM Malta Airlines – Miri u sitwazzjoni finanzjarja

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 26542 fejn ġie mwieġeb li “la darba tagħlaq is-sena finanzjarja u jsiru l-verifiki tal-kotba, l-kumpanija tkun qed tippubblika l-accounts tagħha skont kif jistipulaw ir-regoli.”, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-miri ta’ profit humiex mistennija jintlaħqu?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 26542.

KM Malta Airlines – Konsulenti

Question

Apparti mill-Air Malta u l-KM Malta Airlines, jista’ l-Ministru jgħid jekk, il-konsulenti li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament jew kumpaniji relatati; kif ukoll id-diretturi u persuni assoċjati magħhom, ġewx imqabbda mill-Ministeru u l-entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tagħhom mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jekk iva, jista’ jipprovdi d-dettalji tal-entità u l-ammont ta' flus mħallsa?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25132.

Kumpaniji tal-gaming

Question

Jista’ l-Ministru jagħti n-numru ta’ Gaming Companies reġistrati u li għandhom registered address ġewwa Malta tul dawn l-aħħar għaxar snin, maqsuma sena b’sena?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Filwaqt li qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-aħħar rapport annwali tal-Malta Gaming Authority, nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-rapporti annwali preċedenti li diġà ġew imqegħdin fuq il-Mejda tal-Kamra.

Il-Qala — Triq ġdida - Tarmak

Question

Fid-dawl li t-triq ġdida fil-Qala mmarkata b’żewġ sinjali ħomor fil-pjanta mehmuża, liema triq tgħaqqad Triq il-Wardija ma’ Triq it-Tletin t’Ottubru 1948, fejn hemm mijiet ta’ sidien li għadhom qed jistennew li t-triq tingħata t-tarmak ġaladarba l-iżviluppaturi ilhom li lestew tali appartamenti u diġà tħallsu l-kontribuzzjonijiet dovuti għall-infrastruttura neċessarja snin ilu, jista’ l-Ministru jgħid meta se tingħata t-tarmak?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet fuq din it-triq mistennija jsiru fix-xhur li ġejjin.

KM Malta Airlines – Miri u sitwazzjoni finanzjarja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-kotba finanzjarji tal-kumpanija KM Malta Airlines Ltd humiex juru li l-miri ta' stabbilità kenux fattibbli sa Frar 2025? Jekk le, x'inhi s-sitwazzjoni finanzjarja attwali tal-kumpanija tal-ajru KM Malta Airlines Ltd?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li la darba tagħlaq is-sena finanzjarja u jsiru l-verifiki tal-kotba, l-kumpanija tkun qed tippublika l-accounts tagħha skond kif jistipulaw ir-regoli.

Startups jaħdmu fid-Deep Tech

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kien in-numru ta’ startups ġewwa Malta u Għawdex li qed jaħdmu fid-deep tech (inkluż AI, robotics, fintech u blockchain) tul dawn l-aħħar ħames snin, maqsuma sena b’sena?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma l-Onor. Interpellant li l-informazzjoni kif mitluba ma tinġabarx mill-Ministeru, madanakollu qiegħed inpoġġi fuq l-Mejda tal-Kamra informazzjoni pubblika ta’ kif kibru dawk is-setturi li jinkorporaw il-maġġur parti assoluta ta l-attività li joperaw dawk l-kumpaniji mitluba matul is-snin, b’hekk ikun jista’ jieħu idea aktar ċara ta’ l-avvanz kbir li għamel pajjiżna f’dawn l-aħħar snin.

Ir-Rabat, Għawdex — Ċittadella - Lift

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser jissewwa l-lift taċ-Ċittadella peress li dan ilu ma jiffunzjona tajjeb?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-lift prinċipali taċ-Ċittadella qed jissewwa mill-kumpanija Eleva Lifts wara li kienu ġrawlu ħsarat f’maltempata. Sar u għadhom qed isiru xogħlijiet estensivi li jinkludu bdil tas-sistema elettrika u tal-mutur tal-pompa. Sa issa ntefqu €23,126.90 fuq makkinarju. Huwa mistenni li l-lift jibda jiffunzjona fil-jiem li ġejjin.

Ir-Rabat, Għawdex — Ċittadella - Pjan ta’ parkeġġ

Question

Jista’ l-Ministru jipprovdi informazzjoni fuq il-pjan ta’ parkeġġ ġdid ġewwa ċ-Ċittadella u jekk dan il-pjan għadux fil-programm tal-Ministru?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Il-Ministeru m’għandhux pjanijiet li jagħmel parkeġġ ġewwa ċ-Ċittadella li hija sit ta’ wirt storiku.

Għawdex — Reati relatati ma’ traffikar ta’ droga

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 24805 u 25357 u jgħid x’inhu n-numru ta’ reati li seħħew ġewwa Għawdex li kienu relatati ma’ traffikar ta’ droga, mill-2010 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li l-informazzjoni qed tinġabar.

Sistema ta’ metro

Question

Jista’ l-Ministru jgħid u jipprovdi dettalji f’liema stadju wasal il-pjan tal-Metro?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, l-Ministeru għaddej b’evalwazzjoni dwar liema hija l-aħjar sistema ta’ trasport tal-massa għall-pajjiżna, u liem hi l-iktar “feasible” finanzjarjament. Din l-evalwazzjoni qed tiġbor fiha wkoll studji differenti li saru tul diversi snin f’pajjiżna f’dan il-qasam u mistennija tiġi konkluża fil-ġimgħat li ġejjin. Irid jiġi stabbilit darba għal dejjem liema hi s-sistema li l-pajjiż għandu jmur għaliha. Sistema li tkun effiċjenti u li l-pajjiż jista’ jiffinanzja b’responsabbilita mingħajr ma jidħol fi problemi ta’ budgets. Fuq dan il-proġett nazzjonali, se jkun hemm il-konsultazzjoni ġenwina li hija meħtieġa. Djalogu miftuħ biex inwettqu l-aħjar soluzzjoni għal pajjiżna. Wieħed jittama li kulħadd jipparteċipa b’mod kostruttiv f’din id-diskussjoni, inkluż l-Oppożizzjoni.

Passaport diplomatiku Malti

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 19754, 20236, 20475 u 20814 u jagħti lista ta’ persuni li f’dawn l-aħħar għaxar snin kellhom passaport diplomatiku Malti, maqsuma sena b’sena?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni tinsab fit-tabella ta’ hawn taħt. Sena Passaporti Diplomatiċi 2015 158 2016 148 2017 104 2018 134 2019 92 2020 134 2021 148 2022 148 2023 201 2024 165

Blockchain

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġġenerat flus b’mod dirett il-blockchain ġewwa Malta u Għawdex minn meta Malta saret ‘Blockchain Island’, maqsuma sena b’sena?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Blockchain hija teknoloġija bħalma huwa eżempju l-Internet, għalhekk, qed nistaqsi l-Onor. Interpellant biex jiċċara u jkun iktar speċifiku fil-mistoqsija tiegħu.

Gozo Innovation Hub — Ħaddiema

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25392, jista' l-Ministru jgħid kemm iħaddmu persuni f’total il-kumpaniji fi ħdan il-Gozo Innovation Hub? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn il-ħaddiema huma Għawdxin?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Kif jista japrezza l-Onor. Interpellant, l-INDIS ma titlobx informazzjoni ta’ min fejn huma jew fejn jirrisjedu impjegati f’kumpaniji privati.

Għawdex — Reati relatati ma’ traffikar ta’ droga

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 24805 li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar u jgħid x’inhu n-numru ta’ reati li seħħew ġewwa Għawdex li kienu relatati ma’ traffikar ta’ droga, mill-2010 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li l-informazzjoni qed tinġabar.

Gozo Channel — Kirja ta’ uffiċċju

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 24801 dwar il-post/garaxx li kien użat bħala supermarket u li se jinbena bħala uffiċċju tal-Gozo Channel, jista' l-Ministru jagħti l-ammont eżatt ta' flus li ngħataw lill-privat sabiex isiru l-alterazzjonijiet fil-bini u dan l-uffiċċju jiġi komplut?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ammont ta’ kemm ħallset il-Gozo Channel għax-xogħolijiet f’dan il-post huwa ta’ Eur240,573.

Marsalforn — Ġnien Tliet Għoljiet - Tiswijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju wasal biex isiru t-tiswijiet neċessarji fuq Ġnien Tliet Għoljiet ġewwa Marsalforn?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-preparazzjoni tas-sejħa għall-offerti biex isiru t-tiswijiet neċessarji u l-bdil tal-‘play equipment’ qiegħda fl-aħħar fażijiet tagħha u din se tkun ippublikata fil-ġimgħat li ġejjin.