Skema għal titjib tal-madwar tal-binjiet tal-Gvern
Question
Jista’ l-Ministru jgħid meta ser terġa’ tiddaħħal l-iskema biex jinżammu tajjeb il-madwar tal-binijiet tal-Gvern bħalma huma soft areas u ħitan ta’ passaġġi?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-iskema li qed jagħmel referenza għaliha bbenefikaw minnha madwar 15-il Kunsill Lokali sabiex jitwettqu proġetti żgħar ta’ tisbiħ fil-madwar u kienet skema ta’ darba.
Illum il-ġurnata l-Awtorità tad-Djar qed twettaq proġett kbir ta’ riġenerazzjoni tal-binjiet kollha ta’ Akkomodazzjoni Soċjali tal-Gvern, liema proġett qed jibbenefikaw minnu mijiet ta’ familji madwar Malta.
Apparti din ir-riġenerazzjoni, l-Awtorità tad-Djar qed twettaq ukoll 3 proġetti maġġuri biswit is-siti tal-Akkomodazzjoni Soċjali fil-Marsa, Santa Luċija u l-Mosta. Permezz ta’ dawn it-3 proġetti kbar, l-Awtorità mhux biss qed tipprovdi ambjent isbaħ u aktar sigur imma wkoll post ta’ rikreazzjoni fejn il-familji jistgħu jmorru mat-tfal tagħhom u fl-istess ħin insaħħu wkoll l-aċċessibilità u s-sigurtà ta’ dawn il-postijiet.
Min-naħa tagħna ninsabu impenjati li nkomplu noffru kwalità ta’ ħajja aħjar u niżġuraw li l-akkomodazzjoni soċjali qed iġġib valur miżjud fil-lokalitajiet li qed jilqgħuha.
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-concession agreement li ngħatat lil-lukanda ġewwa Kemmuna?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dokumenti mitluba jistgħu jinkisbu mir-Reġistru Pubbliku. Madankollhu qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokumenti mitluba.
B’referenza għas-sejħa pubblika ta’ interess fl-iżvilupp ta’ dak imsejjaħ ‘Chalet’ ġewwa Tas-Sliema, jista’ l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-development brief maħruġ?
Response (ABELA, ROBERT)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-development brief tax-Chalet approvata fl-2002. Dan jinsab ukoll fuq fuq is-sit elettroniku : https://pa.org.mt/en/development-brief-details/chalet-development-brief
San Ġiljan u Tas-Sliema – rapporti ta’ storbju eċċessiv
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm daħlu rapporti fuq storbju eċċessiv ġewwa San Ġiljan u Tas-Sliema minn Jannar 2022 sa Settembru 2022?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat illi fil-perjodu minn Jannar sa Settembru 2022, il-Pulizija rreġistrat mija u sitta u sittin ġewwa San Ġiljan u tmienja u tletin ġewwa tas-Sliema rapporti ta’ storbju eċċessiv.
Jista’ l-Ministru jgħid meta ser tidħol l-iskema ta’ residential parking għar-residenti ġewwa Tas-Sliema, skema li l-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema kien qed jagħmel u ġiet imwaqqfa?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru flimkien ma' Transport Malta qiegħed iħares lejn l-iskema b'mod ħolisitku biex imbagħad jikkomunika d-deċiżjoni finali.
Applikazzjonijiet għal proprjetajiet biex ikunu skedati
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm talbiet biex proprjetajiet ikunu skedati fid-dawl ta’ valur arkitettoniku u/jew storiku? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista sħiħa ta’ dawn il-proprjetajiet? Jista’ jagħti d-data ta’ kull applikazzjoni li għadha pendenti?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-preżent hemm 52 talba u li l-proċess huwa regolat skont l-artikolu 57 tal-Kap. 551.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu r-rwol tad-Design Advisor Committee, min huma l-membri ta’ dan il-Kumitat, kemm jitħallsu u kemm-il darba ltaqgħu minn Jannar 2022 sa Settembru 2022?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-irwol tal-Kumitat ta' Konsulenza dwar id-Disinn huwa kif preskritt fil-Kap. 552 tal-Liġijiet ta' Malta.
Illi l-membri tal-Kumitat huma ppubblikati fl-Avviż fil-Gazzetta tal-Gvern Nru 848 tat-12 ta’ Lulju, filwaqt li s-Segratarju ġie ppubblikat fis-16 ta' Awwissu 2022. Illi l-Kumitat jikkonsisti minn dawn il-membri kif indikat fit-tabella annessa hawn taħt:
Dr David Mallia
Chairman
716.77 euros*
Perit Kevin Fsadni
Member
448 euros
Dr Charlene Vella
Member
448 euros
Mr Eugenio Delceppo
Secretary
448 euros
*rinumerazzjoni kull erba' ġimgħat
Il-laqgħat tad-DAC isiru kull nhar ta' Tlieta u minn Jannar 2022 sa Settembru 2022 saru 39 laqgħa.
San Ġiljan – ftehim bejn lukanda ul-Ministeru għat-Turiżmu
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-ftehim li kien sar bejn il-Ministeru tiegħu u lukanda ġewwa San Ġiljan li l-isem tagħha qed jingħata separatment, li kienet marbuta li tforni l-bajja tal-Balluta bir-ramel, għadux fis-seħħ?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett tar-renourishment tal-Bajja tal-Balluta sar fl-2019 u ġie mwettaq bl-għajnuna tal-lukanda msemmija separatament. Minħabba li l-bajja żammet biżżejjed ramel ma kienx hemm bżonn ta’ aktar interventi. Sa issa m’hemmx deċiżjoni finali jekk għandux isir intervent ieħor jew le.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm saru spezzjonijiet mill-uffiċjali tal-infurzar mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) ġewwa San Ġiljan u Paceville minn Jannar 2022 sa Settembru 2022? Tista’ tgħid kemm kien hemm ħruġ ta’ multi?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li fl-ewwel disa’ xhur tal-2022, id-Direttorat għall-Konformità u Infurzar tal-ERA wettaq 505 spezzjoni f’San Ġiljan, inkluż Paceville. F’dan il-perjodu nħarġu 5 multi amministrattivi kif ukoll 64 twissija.
MTA – spezzjonijiet fi stabbilimenti ġewwa Paceville
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet mill-ispettorat tal-infurzar fi ħdan l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) fuq stabbilimenti ġewwa Paceville biex jaraw li dawn l-istabbilimenti għandhom kuntratturi privati għal ġbir tal-iskart kummerċjali tagħhom skont il-liġi? Jista’ jgħid kemm inħarġu multi?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità taċċerta ruħha li kull stabbiliment li jissottometti applikazzjoni ġdida jkollu kuntratt ma’ kuntrattur privat li għandu liċenzja jiġbor l-iswill. Dan il-kuntratt jintalab ukoll meta jsiru spezzjonijiet fi stabbilimenti tal-ikel. Din is-sena f’Paceville saru 19-il spezzjoni li minnhom ma rriżulta l-ebda ksur tal-liġi f’dan ir-rigward.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex s’issa l-Ministeru tiegħu baqa’ jirrifjuta li jagħti risposta lill-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan għat-talba tal-istess Kunsill biex Palazzo Spinola li hu abbandunat jingħata lura lill-komunità bħala community centre?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għall-mistoqsija parlamentari 3834.
San Ġiljan u Tas-Sliema – stabbilimenti b’permess għal amplified music fuq barra
Question
Jista’ l-Ministru jagħti lista sħiħa ta’ stabbilimenti tad-divertiment u/jew oħrajn li għandhom permess li jkollhom amplified music fuq barra l-istabbilimenti tagħhom ġewwa San Ġiljan u Tas-Sliema?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lil Ministru kkonċernat.
San Ġiljan – Xatt is-Sajjieda, Triq Ross u Triq San Ġorġ – site plans tal-encroachments
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra s-site plans tal-encroachments ġewwa Xatt is-Sajjieda, fi Triq Ross u fi Triq San Ġorġ, f’San Ġiljan?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġgi fuq il-Mejda tal-Kamra s-site plans tal-encroachments ġewwa Xatt is-Sajjieda, fi Triq Ross u fi Triq San Ġorġ, f’San Ġiljan.
Tista’ l-Minsitru tgħid x’inhuwa lir-rwol tan-Noise Control Commission, min huma l-membri ta’ din il-Kummissjoni, kemm jitħallsu u kemm-il darba ltaqgħu minn Jannar 2022 sa Settembru 2022?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġibiet li tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari 2915 u 3178.
San Pawl il-Baħar, Mellieħa, San Ġiljan u Tas-Sliema – proġetti ta’ riġenerazzjoni u tisbiħ
Question
Jista’ l-Ministru jgħid bejn Jannar 2021 u Settembru 2021 kemm intefqu flus f’riġenerazzjoni u tisbiħ ġewwa l-lokalitajiet ta’ San Pawl il-Baħar, il-Mellieħa, San Ġiljan u Tas-Sliema? Jista’ jsemmi liema proġetti saru jew ibbenefikaw minnhom?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-lokalitajiet imsemmija saru diversi proġetti li ammontaw għal fuq minn sitt mija, tmienja u ħamsin elf Ewro.