Legislature:
Category:
Reset
Active:

Infrastructure Malta – tenders, direct orders u konċessjonijiet lil kumpanija

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tat-tenders, direct orders u konċessjonijiet oħra li Infrastructure Malta tat lill-individwu li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament u/jew kumpaniji/joint ventures jew partnership li fiha kien involut (inkluż imma mhux limitat għal dawk mal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament ukoll)?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Proposta tal-Metro – studji

Question

B’konnessjoni mal-istudji li ġew ippubblikati fuq il-Metro, jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni dwar: a. il-mod u d-data tal-individwi/ditta/soċjetà/għaqda li ġie/ġew ingaġġati jagħmlu l-istess studju; u b. il-kopja tat-termini ta’ riferimenti/ingaġġar tal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament u/jew xi kumpaniji/ditta/individwi hekk ingaġġati?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Building Construction Agency – periti mqabbda biex jirrevedu l-method statements

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-periti u/jew ditti tal-periti li huma mqabbdin mill-Building Construction Agency (BCA) sabiex jirrevedu l-method statements li jiġu sottomessi u jekk humiex imqabbdin permezz ta’ direct orders jew b’mod ieħor, kif ukoll ir-rata ta’ remunerazzjoni tagħhom?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-BCA mhijiex Aġenzija iżda Awtorità filwaqt li nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari numru 786.

San Ġiljan u Paceville – persuni taħt l-età fi stabbilimenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid il-pulizija kemm sabu persuni taħt l-età fi stabbilimenti ġewwa Paceville u San Ġiljan?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Qrati – Magisterial Inquiries dwar inċidenti fuq il-postijiet ta’ kostruzzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ kemm kien hemm magisterial inquiries fuq inċidenti fuq il-postijiet ta’ kostruzzjoni mill-2017 sal-lum? Jista’ jgħid jekk hemmx każijiet pendenti li għadhom sejrin?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi mis-sena 2017 sat-22 ta’ Novembru 2022 kien hemm 59 Inkjesti Maġisterjali fuq inċidenti fuq il-postijiet ta’ kostruzzjoni; liema minnhom 25 ġew magħluqa u 34 għadhom pendenti.

Qrati – Persuni mixlija li kkawżaw ħsara jew mewt fuq ħaddiema fuq il-postijiet tal-kostruzzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm tressqu persuni quddiem il-Qorti mixlija li kkawżaw ħsara jew mewt fuq ħaddiema fuq il-postijiet tal-kostruzzjoni mill-2017 sal-lum? Jista’ jagħti lista ta’ x’kienu dawn is-sentenzi u x’multi u/jew kumpens ingħataw lill-vittma jew familjari tal-vittmi, jekk ingħataw?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninsab infurmat illi din it-tip ta’ statistika ma tinżamx u sabiex tinġabar tirrikjedi ħafna ħin u riżorsi.

Inċidenti fuq siti ta’ kostruzzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm inċidenti fuq siti ta’ kostruzzjoni rrapportati mill-2017 sal-lum? Jista’ jgħid x’kienu dawn l-inċidenti u jekk kienx hemm imwiet?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 2227. Ngħarraf lill-Interpellant li l-istatistika dwar korrimenti fuq il-post tax-xogħol tinżamm mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali.

Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni – persuni/kumpaniji tal-kostruzzjoni li kkawżaw ħsara jew mewt fuq ħaddiema u residenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ttieħdu mill-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni fil-konfront ta’ persuni/kumpaniji tal-kostruzzjoni li kienu nstabu li kkawżaw ħsara jew mewt fuq terzi, kemm ħaddiema kif ukoll residenti?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn mindu twaqqfet l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni fit-30 ta’ April 2021, kull fejn instab li ġew ikkawżati ħsarat, l-Awtorità żammet il-garanziji bankarji u fejn instab xi nuqqas, ħadet miżuri ta’ nfurzar skont il-liġi. Fejn l-Awtorità kienet mitluba, hija assistiet lill-Pulizija fi proċeduri. Kemm ilha mwaqqfa l-Awtorità ma kien hemm l-ebda każ ta’ mewt fuq terzi u residenti. Kwistjonijiet ta’ Saħħa u Sigurtà fuq kull post tax-xogħol inkluż siti ta’ kostruzzjoni jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Awtorità tas-Saħħa u Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol.

Kemmuna – encroachments — infurzar

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3829, fejn il-Ministru wieġeb li uffiċjali tal-Infurzar fi ħdan l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu jkunu fuq il-post f’Kemmuna “sabiex jiżguraw li jitħarsu l-kundizzjonijiet imposti”, jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma dawn il-kundizzjonijiet imposti?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kundizzjonijiet jimponu li l-operant jopera fiż-żona konċessa matul il-ħinijiet stabbiliti, li l-prezz tal-kiri tad-deckchairs u umbrelel ikun viżibbli, li jipprovdi waste bins u li ma jtellax strutturi temporanji/permanenti fiż-żona konċessa.

Ta’ Giorni housing estate – lifts

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm liftijiet ser ikunu mqiegħda u f’liema binijiet ġewwa l-housing estate ta’ Ta’ Giorni matul l-2023?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fis-sena 2023 ser tkun qed titkompla l-ħidma fuq sitt applikazzjonijiet ta’ installazzjoni ta’ lifts fil-Housing Estate Ta’ Giorni.

Awtorità tad-Djar — bord tal-allokazzjonijiet - membri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-membri tal-bord tal-allokazzjonijiet tal-postijiet tal-Gvern ġewwa l-Awtorità tad-Djar? Jista’ jgħid kemm-il darba ltaqgħu matul din is-sena u kemm dawn jitħallsu?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-membri tal-bord tal-allokazzjonijiet tal-postijiet tal-Gvern ġewwa l-Awtorità tad-Djar iltaqgħu 26 darba matul is-sena 2022. Il-membri jitħallsu €75 għal kull laqgħa.

Diskors tal-Baġit 2023 — reklamazzjoni tal-art

Question

Fid-dawl li fid-Diskors tal-Baġit 2023 il-Ministru għall-Finanzi f’paġna 74 tkellem dwar reklamazzjoni tal-art, jista’ l-Ministru jgħid fejn u/jew f’liema parti ta’ Malta ser isir dan l-istudju biex ikun hemm reklamazzjoni tal-art? Jista’ l-Ministru jgħid ma’ liema stakeholders huwa biħsiebu li jikkonsulta?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Diskors tal-Baġit 2023 – diskussjoni biex servizzi jingħataw wara d-9.00 a.m.

Question

Peress li fid-Diskors tal-Baġit 2023 il-Ministru għall-Finanzi f’paġna 75 qal li “niftħu diskussjoni wiesgħa mal-istakeholders konċernati biex numru ta’ servizzi fit-toroq tagħna ma jingħatawx qabel id-9.00 a.m.”, jista’ l-Ministru jgħid min huma dawn l-istakeholders? Huwa konxju li din kienet miżura li fil-passat kienet tneħħiet mill-Gvern preżenti?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma l-Onor. Interpellant li l-istakeholders huma s-service providers stess u l-entitajiet li jirrapreżentawhom fil-fora tal-pajjż, inkluż l-imsieħba soċjali.

Pembroke/Baħar iċ-Ċagħaq – pjanijiet għall-White Rocks

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-pjanijiet għal dak li kien jissejjaħ ‘White Rocks’ ġewwa Pembroke/Baħar iċ-Ċagħaq?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’riferenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 3865 din għandha tiġi riferuta lill-Ministeru konċernat.

Mina mis-Swieqi/Pembroke għal Paceville

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju wasal il-proġett tal-mina taħt l-art mis-Swieqi/Pembroke għal Paceville li kienet marbuta bħala kundizzjoni għall-ħruġ tal-permessi għall-bini ta’ lukanda/żvilupp massiv ġewwa Paceville?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għadhom qegħdin isiru studji fuq proposti preliminari għal Triq Sant’Andrija biex jiġu analizzati soluzzjonijiet li jistgħu jkollhom impatt pożittiv fuq l-inħawi inkwistjoni.

Applikazzjonijiet ta’ sanctioning

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm applikazzjonijiet ta’ sanctioning ta’ bini illegali ġew regolarizzati? Jista’ jagħti lista ta’ x’kienu dawn l-illegalitajiet?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Jista’ l-Onor. Interpellant jispeċifika għal liema perjodu u għal liema tagħrif qiegħed jirreferi ġaladarba s-sanzjonar u r-regolarizzazzjoni huma proċeduri differenti.

Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali – deċiżjonijiet ta’ oġġezzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba s-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali ħarġet deċiżjoni ta’ oġġezzjoni biex wara biddlet id-deċiżjoni tagħha?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-Sovrintendenza hija waħda mill-konsulenti prinċipali tal-Awtorità tal-Ippjanar hekk kif stabbilit fl-Att dwar l-Iżvilupp u l-Ippjanar. Kull applikazzjoni li tiġi sottomessa lill-Awtorità tal-Ippjanar, tintbagħat għall-konsultazzjoni għand is-Sovrintendenza. Fuq kull applikazzjoni li tirċievi, is-Sovrintendenza tagħmel ir-rakkomandazzjonijiet u/jew rimarki tagħha. Minħabba li jkun hemm applikazzjonijiet li jimpattaw il-patrimonju kulturali, jintalbu emendi tal-pjanti u bidliet fil-proposti sabiex jiġi rispettat il-valur storiku. Jekk il-proġett jinbidel b’mod aċċettabbli, is-Sovrintendenza tista’ tkun f’pożizzjoni li taċċetta l-proġett u b’hekk ikun hemm ‘overturning’ tar-rakkomandazzjoni. Fir-rigward ta' kemm-il darba dan isir, is-Sovrintendenza ma żżommx renidkont minħabba li l-proċess ta’ konsultazzjoni fuq applikazzjoni jista' jieħu ħafna ingaġġ u risposti.

Awtorità għas-Saħħa – spezzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet mill-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol minn Jannar 2022 sa Settembru 2022? Jista’ jagħti lista ta’ kemm multi nħarġu u x’kienu dawn il-multi?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-perjodu msemmi l-OHSA għamlet 3,664 spezzjoni u ħarġet 385 multa għall-valur ta’ €147,000. Il-multi nħarġu għall-ksur ta’ diversi regolamenti ta’ saħħa u sigurtà fuq ix-xogħol. Barra minn hekk l-OHSA ħarġet 488 ordni biex jittieħdu miżuri, waqt li ħarġet 572 ordni biex jieqaf ix-xogħol sakemm l-affarijiet jiġu in regola. Inbdew ukoll 137 akkuża quddiem il-qorti tal-Maġistrati. Barra minn hekk, l-OHSA rċeviet u evalwat 3824 ċertifikat ta’ apparat u makkinarju biex ikun żgurat li jkunu siguri għall-użu. Peress li l-proċeduri u l-verifiki fil-każ ta' numru ta’ spezzjonijiet għadhom ma ngħalqux, ma jistax ikun eskluż li jinħarġu multi oħra jew jinbdew proċeduri legali f’numru ta’ każijiet oħra.

Kiri ta’ proprjetà lil persuni illegali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ttieħdu kontra dawk is-sidien li krew il-proprjetajiet/garages tagħhom lil dawk il-persuni li nstabu f’Malta mod abbużiv u li ntbagħtu lura f’pajjiżhom?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat illi l-Pulizija taghmel diversi ispezzjonijiet biex ma tippermettix persuni minn pajjiżi terzi li jkunu Malta b’mod abbużiv jew b’xi mod irregolari. Waqt l-ispezzjonijiet l-approċċ tal-Pulizija jkun biex irażżnu l-immigrazzjoni illegali, u għaldaqstant bosta minn dawn l-attivitajiet ikopru diversi lokalitajiet u postijiet oħra pubbliċi, u xi drabi jinkludu proprjetajiet u garaxxijiet ta’ sidien privati, meta l-informazzjoni li tkun disponibbli. Infurmat illi bħalissa hemm proċedura u metodoloġija interna, illi meta jiġu identifikati irregolaritjiet jew illegalitajiet oħra waqt dawn l-ispezzjonijiet, il-pulizija tinvolvi dipartimenti oħra skont kif jitlob il-każ, u jkun hemm okkażjonijiet fejn uffiċjali ta’ dipartimenti oħra jkunu preżenti fil-lok ta’ spezzjoni, biex fejn ikun hemm bżonn, jittieħdu passi kontra dawk is-sidien li krew il-proprjetajiet/garaxxijiet tagħhom lil dawk il-persuni li nstabu f’Malta mod abbużiv, jekk il-każ hekk jitlob. Infurmat wkoll li minbarra rapport lil diversi entitajiet, fosthom l-awtorita tad-djar, kien hemm proprjetajiet li kien sospiż is-servizz tal-elettriku.