Legislature:
Category:
Reset
Active:

San Ġwann – Triq il-Pruna – garaxxijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fi Triq il-Pruna, f’San Ġwann, kemm hemm garaxxijiet li huma vojta, bil-kiri lir-residenti jew inkella lil xi awtorità tal-Gvern? Jista’ jgħid jekk hemmx xi talbiet għal dawn il-garaxxijiet f’din it-triq?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-istat tal-garaxxijiet imsemmija fl-indirizz huwa kif imniżżel fit-tabella hawn taħt: · Żewġ garaxxijiet mibjugħa lil individwi privati; · Sebgħa garaxxijiet jinsabu mikrija lil individwi privati; · Garaxx minnhom jinsab mikri lil entità tal-Gvern. Fl-aħħar sena, kien hemm talba minn entità governattiva sabiex tagħmel użu minn garaxx partikolari però dan laħaq ġie mikri. Fil-preżent ma hemmx talbiet pendenti għal kiri jew bejgħ ta’ dawn il-garaxxijiet.

MTA — laqgħat bejn il-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan u l-Ispettorat tal-Infurzar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk qatt kien hemm laqgħat bejn il-Kunsill Lokali San Ġiljan u l-Ispettorat tal-Infurzar fi ħdan l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA)?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ispettorat tal-Infurzar fi ħdan l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu jiltaqa’ ma’ Kunsilli Lokali regolarment, meta mitlub, fuq materji li jikkonċernaw direttament aspetti ta’ infurzar fejn l-Awtorità għandha ġuriżdizzjoni legali diretta.

San Ġiljan – Persuni mħarrkin fuq ksur ta’ bye-law

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3838 u jgħid kemm ġew imwaqqfin u mħarrkin persuni li kisru l-bye-law f’San Ġiljan li ma tħallix persuni jixorbu minn kontenituri tal-ħġieġ?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li sat-12 ta’ Diċembru ta’ din is-sena kienu mħarrka 27 persuna.

San Ġiljan – Palazzo Spinola

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3834, jista’ l-Ministru jgħid meta l-Ministeru tiegħu se jimxi u jibda juża Palazzo Spinola f’San Ġiljan?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed isiru xogħlijiet neċessariji biex il-bini jkun jista’ jintuża bħala uffiċini għall-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ, liema xogħlijiet mistennija li jitlestew sal-aħħar ta’ Jannar 2023.

Ministeru tal-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali – Line Item 5099

Question

B’referenza għal-Line Item 5099 tal-Ministeru, ‘Support to the Community Workers Scheme’, jista’ l-Ministru jgħid għaliex fl-Estimi tal-2022 kien ivvotat €300,000 u fl-Estimi tal-2023 dan il-fond niżel għal €120,000, jiġifieri nuqqas ta’ €180,000 f’sena?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li minkejja t-tnaqqis fl-Allokazzjoni Finanzjarja f’dan il-vot, l-ebda ħaddiem fl-iskema mhu ser jitlef postu.

Ministeru tal-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali – Line Item 5160

Question

B’referenza għal-Line Item 5160 fl-Estimi tal-Ministeru għall-2023, ‘Maintenance by Local Councils of New Capital Projects made by Central Government’, jista’ l-Ministru jispega x’wassal għal dan it-tnaqqis ta’ €180,000 mill-Estimi tal-2022?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li minkejja t-tnaqqis fil-Vot imsemmi għas-sena 2023 qed ikun rivedut il-metodu ta’ finanzjament ta’ skemi għall-Kunsilli Lokali u Reġjonali.

Ministeru tal-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali – Line Item 5569

Question

B’referenza għal-Line Item 5569 fl-Estimi tal-Bagit 2023 tal-Ministeru, ‘Local Councils’ Special Iniatives’, jista’ l-Ministru jispega x’wassal għal tnaqqis ta’ €1 miljun mill-Estimi tal-2022?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li minkejja t-tnaqqis fil-Vot imsemmi għas-sena 2023 qed ikun rivedut il-metodu ta’ finanzjament ta’ skemi għall-Kunsilli Lokali u Reġjonali.

San Ġiljan – Binja Ta’ Giorni — manutenzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jirranġa u jsebbaħ il-madwar tal-binja tal-Gvern u meta se jirranġa d-diversi ħitan ta’ passaġġi u jsebbaħ is-soft areas li jinsabu fil-Binja ta’ Giorni, f’San Ġiljan?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor Interpellant li bħalissa qed tingħata attenzjoni għal tiswijiet, manutenzjoni u riġenerazzjoni tal-binjiet ta’ akkomodazzjoni soċjali. Sadanittant ġie mwaqqaf il-Housing Development Fund li fost irwoli oħra se jkun qed joħloq fond biex jitwettqu proġetti ta’ tisbieħ madwar il-binjiet tal-Gvern.

Uffiċjali tal-komunità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jimpjega aktar ħaddiema bħala uffiċjali tal-komunità, meta hemm biss 129 uffiċjal u dawn ma jistgħux ilaħħqu ma’ diversi xogħlijiet tagħhom? Jista’ jgħid x’inhuma r-rwoli u l-ħidmiet tagħhom?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li l-Aġenzija għas-Sistema tal-Infurzar Lokali se tkompli tissaħħaħ sabiex tkun tista’ tkompli toffri aktar servizzi. Fil-fatt l-aġenzija għadha kemm temmet il-proċess tal-għażla sabiex jiġu ingaġġati 21 uffiċjal ġdid, liema reklutaġġ huwa ppjanat li jibda fil-bidu ta’ Jannar 2023. B’żieda ma’ dan, ser tkun qed toħroġ sejħa oħra fil-ġimgħat li ġejjin sabiex jiġu inġaġġati uffiċjali oħrajn fis-sezzjoni tal-immaniġjar tat-traffiku. L-Irwol tal-Aġenzija Lesa u l-uffiċjali tal-komunità huwa vast, u biċ-ċentru tal-attenzjoni jkun is-servizz lill-komunità. Dan jinkludi: - Assistenza madwar diversi skejjel waqt id-dħul u l-ħruġ tat-tfal mill-iskejjel - Immaniġġar tat-traffiku f’diversi toroq arterjali bħala parti mill-pjan nazzjonali - Immaniġġar tat-traffiku u għeluq ta’ toroq marbuta ma’ xogħlijiet u permessi tal-Kunsilli Lokali u oħrajn - Skorti matul trasport ta’ oġġetti kbar (skorti) - Rappurtaġġ u assistenza liċ-ċittadin waqt kollużjonijiet ta’ vetturi - Infurzar ta’ regolament marbuta mat-traffiku u l-ambjent permezz ta’ preżenza fiżika tal-uffiċjali tal-komunità. - Moniteraġġ ta’ kameras madwar il-pajjiż marbuta ma’ rimi ta’ skart b’mod abbużiv, u regolamenti tat-traffiku.

LESA – Uffiċjali tal-komunità assenjati mal-kunsilli lokali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li numru ta’ uffiċjali tal-komunità fi ħdan il-LESA jkunu assenjati b’mod regolari mal-kunsilli lokali?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.

Assoċjazzjoni Kunsilli Lokali — Sindki

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb jew hemmx xi komunikazzjoni mal-Assoċjazzjoni Kunsilli Lokali (AKL) biex is-Sindki jiġu full-time biex jaqdu dmirhom aħjar?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li preżentement m’hemm l-ebda komunikazzjoni mal-Assoċjazzjoni Kunsilli Lokali (AKL) dwar dan is-suġġett u dan minħabba li fil-preżent għaddej proċess ta’ konsultazzjoni għall-Istrateġija tal-Gvern Lokali.

Awtorità tal-Ippjanar – diskussjoni dwar il-Fond tal-Iżvilupp mal-AKL

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb li jiddiskuti l-Fond tal-Iżvilupp fi ħdan l-Awtorità tal-Ippjanar mal-Assoċjazzjoni Kunsilli Lokali (AKL) fid-dawl ta’ diversi lmenti minn diversi kunsilli?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Assoċjazzjoni organizzat laqgħa għall-Kunsilli Lokali f’Ottubru bil-għan li jingħata tagħrif dwar it-tħaddim ta’ dawn il-fondi filwaqt li qiegħed jinżamm kuntatt mal-kunsilli li jitolbu tagħrif.

Condominium Act

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi pjan li l-Condominium Act ikun aġġornat? U jekk iva, kellu xi laqgħat fuq dan u ma’ min?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ġie kkummissjonat studju dwar aġġornament ta’ din il-liġi li ġiet approvata lura fis-sena 1997 u li daħħlet fis-seħħ fis-sena 2000.

San Ġiljan u Tas-Sliema – rapporti ta’ storbju eċċessiv

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3851, jista’ l-Ministru jgħid x’passi ttieħdu u fejn waslu, dwar ir-rapporti ta’ storbju eċċessiv ġewwa San Ġiljan u Tas-Sliema?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi dwar it-tweġiba għall-mistoqsija Parlamentari 3851, fejn il-pulzija sabet jew kellha evidenza biżżejjed biex tipproċedi l-Qorti wara li investigat ir-rapporti ta’ storbju eċċessiv ġewwa San Ġiljan u Tas-Sliema, dan għamlitu. Rigward San Ġiljan minn mija u sitta u sittin rapport, kien hemm disa’ u tletin każ fejn persuni responsabbli ġew imressqa l-Qorti u minnhom tlettax-il każ ġie deċiż, filwaqt li f’sitta u għoxrin każ ieħor il-proċeduri għadhom għaddejja. Rigward tas-Sliema kien hemm tmienja u tletin rapport ta’ storbju eċċessiv u f’seba’ każijiet minnhom il-persuni responsabbli tressqu l-Qorti. Minn dawn tlett każijiet ġew deċiżi, fi tlett każijiet il-proċeduri għadhom għaddejjin u f’każ wieħed il-persuna kkonċernata għad trid titressaq.

Applikazzjonijiet għal proprjetajiet biex jiġu skedati

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3853, jista’ l-Ministru jwieġeb id-domandi mitluba, u jagħti lista sħiħa ta’ propretajiet ta’ valur arkitettoniku u/jew storiku u jagħti d-data ta’ kull applikazzjoni li għadha pendenti?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta diġà mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 3853.

San Ġiljan – Palazzo Vincenti – proċess ta’ skedar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fejn wasal il-proċess ta’ skedar tal-Palazzo Vinċenti f’San Ġiljan fid-dawl li dan kien skedat biss għal sena?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

L-Ordni ta’ Emerġenza għall-Konservazzjoni fuq il-Palazzino Vinċenti f’San Ġiljan li kif ġie msemmi dalwaqt tiskadi, ser tkun qed tintalab biex tiġi estiża minħabba l-fatt li l-proċess formali ta’ skedar għadu għaddej.

San Ġiljan – Xatt is-Sajjieda – xogħol ta’ manutenzjoni

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3854, li oriġinarjament saret lill-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar u li issa ġiet riferuta lilu, u jgħid meta se jibda x-xogħol ta’ manutenzjoni fuq il-moll f’Xatt is-Sajjieda, San Ġiljan?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

San Ġiljan – Xatt is-Sajjieda – xogħol ta’ manutenzjoni

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3854, li oriġinarjament saret lill-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar u li issa ġiet riferuta lilu, u jgħid meta se jibda x-xogħol ta’ manutenzjoni fuq il-moll f’Xatt is-Sajjieda, San Ġiljan?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li xogħol ta’ manutenzjoni fuq dan il-moll diġà sar is-sajf li għadda.

Applikazzjonijiet ta’ sanctioning

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3855, jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ bini illegali li ġie sanctioned? Jista’ jagħti lista ta’ x’kienu dawn l-illegalitajiet?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jindika għal liema perjodu qed jagħmel referenza.

Awtorità tal-Ippjanar – ħajt imdawwar ma’ art mhux żviluppata

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità tal-Ippjanar għadhiex titlob li art, f’żona tal-bini u li tinsab mhux mibnija, jittella’ ħajt u xatba biex jiġi evitat rimi ta’ skart u ma tkunx eyesore?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tal-Ippjanar tesiġi li sit mhux mibni f’żona tal-iżvilupp jingħalaq b’ħajt meta d-dehra ta’ din l-art tkun ta’ ħsara għall-ġmiel taż-żona li jkun fiha u dan skont Artiklu 99(1) tal-Att dwar l-Ippjanar tal-Iżvilupp tal-2016.