Fid-dawl tar-risposta għall-mistoqsija supplimentari li saret dan l-aħħar fuq il-Community Health Centre f’Ta’ Giorni, San Ġiljan, fejn il-Ministru qal li l-post li kien magħżul mhuwiex aktar vijabbli u li l-Ministeru qiegħed ifittex positijiet oħrajn, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jagħti indikazzjoni ta’ dawn il-postijiet? Jista’ jitlob l-għajnuna tal-Kunsill Lokali biex jinstab dan il-post?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Primary HealthCare qed taħdem mal-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan biex tidentifika sit alternattiv.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm-il darba kienet imsejħa ambulanza/i f’Paceville minn Jannar sa Dicembru 2022 u x’kienu r-raġunijiet għal dan?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bejn Jannar u Diċembru tas-sena 2022 kien hemm 1416-il talba għal ambulanza minn Paceville/San Ġiljan. 263 minn dawn kienu każijiet ta’ trawma, 7 każijiet ta’ ġlied/attakk fuq il-persuna, 284 każ relatat ma' xorb alkoħoliku jew effett ieħor ta’ sustanzi u 180 każ ieħor fejn il-pazjenti kienu mitlufa minn sensihom. Il-kumplament tal-każijiet kienu każi mediċi bħal mard tal-qalb, puplesiji u kundizzjonijiet oħra simili.
Sptar Mater Dei –Dipartiment tal-Emerġenza – Każijiet relatati ma’ xorb alkoħoliku
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm persuni ddaħħlu l-Emerġenza minn Awwissu sa Diċembru 2022 wara li ġie rrapportat li waqt li kienu f’Paceville, ix-xorb kien spiked, jiġifieri kienu ntefgħu xi sustanzi oħrajn fix-xorb li wassal biex dawn il-persuni ddaħħlu l-Emerġenza?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn Awwissu sa Diċembru tas-sena 2022, fid-Dipartiment tal-Emerġenza rreġistraw 8 każi fejn jew il-pazjenti jew il-qraba indikaw illi kien hemm possibbiltà ta’ xorb “spiked”.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4312, jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri tieħu l-Awtorità tal-Ippjanar biex tara li din il-ħtieġa tal-bjar tkun imwettqa? Hemm xi eċċezzjoni fid-dawl li diversi żviluppi huma mingħajr bjar?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġejt infurmat li proposti ta’ żvilupp għandhom ikollhom bir fejn jiġi wkoll indikat il-qies tal-bir. Il-liġi sussidjarja L.S. 552.22 tagħmel referenza għal dan. L-Awtorità tal-Ippjanar tara li fejn il-pjanti approvati juru bir, dan jinbena bħala parti mill-iżvilupp approvat.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4392, jista’ l-Ministru jagħti l-lista ta’ bini illegali li ġie sanctioned mis-sena 2013 sal-lum? Jista’ jagħti lista ta’ x’kienu dawn l-illegalitajiet?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4393, fejn il-Ministru qal li “ġie mwaqqaf il-Housing Development Fund li fost irwoli oħra se jkun qed joħloq fond biex jitwettqu proġetti ta’ tisbiħ madwar il-binjiet tal-Gvern”, jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa kbir dan il-fond, minn fejn ġejjin dawn il-fondi u liema binjiet se jkunu msebbħa matul l-2023?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-fond li għalih qed issir referenza, sa Jannar 2023 jammonta għal €335,234.95c. L-Awtorità tad-Djar għandha CSR ma’ entitajiet privati u dawk governattivi dwar dan il-fond.
LESA – Uffiċjali tal-komunità assenjati mal-kunsilli lokali
Question
Jista’ l-Minsitru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4395, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali u li issa ġiet riferuta lilu, u jgħid jekk hemmx il-ħsieb li numru ta’ uffiċjali tal-komunità fi ħdan il-LESA jkunu assenjati b’mod regolari mal-kunsilli lokali?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Il-LESA hija aġenzija mwaqqfa separatament minn entitajiet oħra, u tieħu ħsieb ir-riżorsi kollha tagħha. Fl-istess waqt l-Aġenzija tara li toffri s-servizzi kollha tagħha fil-lokalitajiet kollha, f’koordinazzjoni kemm ma' kunsilli lokali, kif ukoll ma' entitajiet, u forzi tal-ordni oħra.
Fid-dawl tad-diskors tiegħu fil-pubbliku fejn stqarr li hemm ċerti negozjanti/importaturi li qegħdin jgħollu l-prezzijiet tal-ikel u prodotti oħra b’tali mod li diversi prodotti tal-ikel qed jogħlew, jista’ l-Prim Ministru jgħid x’passi ser ikun qiegħed jieħu biex jara li ma jkunx hawn/jitkomplewx dawn li qal li huma abbużi?
Response (ABELA, ROBERT)
Nassigura lill-Onor. Interpellant li din l-amministrazzjoni hija kommessa li tiġġieled għall-interessi tal-konsumaturi. Qabelxejn tagħmel dan billi bid-deċiżjonijiet li tieħu tkun hi li ma żżidx il-piż fuq il-konsumatur kif kien jiġri f’amministrazzjonijiet oħra ta’ żmien Gvern Nazzjonalista li żiedu l-kontijiet tal-enerġija u t-taxxi, biex nagħti biss żewġ eżempji.
Fl-istess ħin irridu nibqgħu nsaħħu l-Malta Competition and Consumer Affairs Authority biex taqdi l-irwol tagħha skont il-liġi. Illum il-budget għal din l-awtorità tela’ għal €7.3 miljun, id-doppju ta’ dak li kienet talloka għal dan il-għan l-amministrazzjoni ta’ qabel l-2013.
Filwaqt li aħna kommessi biex innaqqsu l-impatt tal-inflazzjoni fuq il-familji, l-Oppożizzjoni kkonfermat li kieku qed tmexxi lil pajjiżna kienet titfa l-piż taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija fuq il-familji. Xi ħaġa li l-imsieħba soċjali sostnew kienet twassal biex ikollna inflazzjoni double-digit.
Tista’ l-Ministru tgħid għal liema raġuni fl-aħħar estimi tal-Baġit li ġew approvati l-line item 5891, Climate Action Plan, naqas minn €250,000 (2022) għal €100,000 (2023)?
Response (DALLI, MIRIAM)
Kwalunkwe analiżi ta’ dawn l-allokazzjonijiet ma tistax issir b’mod iżolat imma trid tieħu kunsiderazzjoni tal-allokazzjoni totali tal-voti.
Fil-fatt f’dan il-budget dan il-Gvern alloka aktar minn €175 miljun f’miżuri li jindirizzaw it-tibdil fil-klima u l-Ambjent taħt Ministeru wieħed, dak tal-Ambjent, Enerġija u Intrapriża.
Awtorità tad-Djar – postijiet allokati lil persuni single
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4695, jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħataw postijiet bħala allokazzjoni tad-djar lil persuni li huma single, jiġifieri li mhumiex f’relazzjoni, mill-2013 sal-lum?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-1 ta’ Jannar 2013 sal-lum, l-Awtorità tad-Djar allokat 1989 proprjetà lil persuni single.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4620 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3866, jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal l-istudju msemmi minnu f’din it-tweġiba? Jista’ jgħid jekk hux informat li biex l-iżvilupp mill-kumpanija, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, iseħħ, l-Awtorità tal-Ippjanar għamlet din il-mina bħala kundizzjoni?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li studji fuq l-akkwati għadhom għaddejjin. Fuq kundizzjonijiet marbuta ma’ żviluppi partikolari, nirreferi lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4617, fejn ingħad li “qegħdin jitqiesu diversi tipi ta’ parkeġġi”, jista’ l-Ministru jgħid jekk hux qiegħed jagħmel dan b’diskussjoni mal-Kunsilli Lokali, meqjusa bħala Gvern Lokali jew mar-Reġjuni?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fuq dan is-suġġett saru diversi laqgħat kemm mal-operaturi stess, mal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali (AKL) kif ukoll bdejna laqgħat mal-kunsilli lokali nfushom. Ma tal-aħħar hemm laqgħat diġà ppjanati, u oħrajn li għadhom iridu jiġu msejħa.
E-Scooters – Laqgħa bejn Transport Malta u Reġjun Lvant
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4618, jista’ l-Minsitru jgħid x’kien l-outcome ta’ din il-laqgħa u jekk hux ser ikun hemm follow-up tagħha?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li waqt il-laqgħa ġew diskussi ċertu proposti li qed jiġu evalwati flimkien ma’ studju li qed issir.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 3865 u 4619, li oriġinarjament saru lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali u lill-Prim Ministru rispettivament, u jgħid x’inhuma l-pjanijiet għal dak li kien jissejjaħ ‘White Rocks’ ġewwa Pembroke/Baħar iċ-Ċagħaq? Għad hemm pjan ta’ żvilupp?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Kif jaf l-Onor. Interpellant is-sit tal-White Rocks hu kommess bi żvilupp u ż-żona fejn kien hemm il-kumpless issa ilha mitluqa għal ħafna snin.
Wara proċess pubbliku kompetittiv, fl-2016 kien intgħażel preferred bidder.
Bħalissa għaddejjin diskussjonijiet biex il-proġett jimmaterjalizza, filwaqt li jirrifletti l-prijoritajiet li għandu l-pajjiż illum.
Awtorità tad-Djar — bord tal-allokazzjonijiet - membri
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4611, jista’ l-Ministru jgħaddi dawn l-ismijiet separatament kif isir f’każi oħra fid-dawl li dawn huma persuni li qed jitħallsu b’mod pubbliku? Kemm huma l-membri u minn liema dipartimenti/kariga? Jista’ jgħid kemm-il darba ltaqgħu u kemm dawn jitħallsu?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Bord tal-Allokazzjonijiet tal-Postijiet tal-Gvern fi ħdan l-Awtorità tad-Djar iltaqa' 27 darba matul is-sena 2022. Il-membri tħallsu bir-rata ta’ €75 kull laqgħa qabel it-taxxa.
Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli – konsulenti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm għandu konsulenti fil-Ministeru tiegħu, kemm dawn jitħallsu u x’inhuma l-kwalifiki tagħhom?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-konsulenti tal-Ministeru huma dawk li jiffurmaw parti mill-SPU. Hemm 3 konsulenti, li jirċievu salarju fuq skala 3 (2) u 4 (1) rispettivament.
Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali – konsulenti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm għandu konsulenti fil-Ministeru tiegħu, f’liema entitajiet li jaqgħu taħtu, kemm dawn jitħallsu u x’inhuma l-kwalifiki tagħhom?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.
Building Construction Agency – periti mqabbda biex jirrevedu l-method statements
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4092, u jgħid min huma l-periti u/jew ditti tal-periti li huma mqabbdin mill-Building Construction Authority (BCA) sabiex jirrevedu l-method statements li jiġu sottomessi u jekk humiex imqabbdin permezz ta’ direct orders jew b’mod ieħor, kif ukoll ir-rata ta’ remunerazzjoni tagħhom?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-Mistoqsija Parlamentari se tiġi mwieġba f’seduta oħra.
Fid-dawl tar-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar il-Malta Government Investment (MGI), li ddikjara li l-membri tal-Bord tal-MGI taw allowance u perkaċċi lilhom infushom ta’ madwar €60,000 mingħajr awtorizzazzjoni u kontra l-proċessi stabbiliti, jista’ l-Ministru jgħid x’passi ħa jew ser jieħu?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li sussegwentement għar-raport tal-Awdituri kien hemm diversi tibdiliet għat-tmexxija tal-kumpanija, inkluż fuq livelli ta' CEO, Chairmanship u Board. Qed naraw ukoll li fil-kumpanija jittieħdu aktar miżuri sabiex titjieb l-istruttura u l-Governanza.
Qed isir ukoll eżerċizzju ma' kull entità biex nassiguraw li l-ħlasijiet ta' kull Bord huma f’konformità mal-manwal li jistabbilixxi dawn il-ħlasijiet.
Awtorità tal-Artijiet – soft areas u passaġġi tal-binjiet tal-Gvern
Question
Jista’ l-Ministru jikkonferma li s-soft areas u l-passaġġi madwar il-binjiet tal-Gvern huma proprjetà tal-Awtorità tal-Artijiet?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li sabiex tingħata tweġiba fuq siti speċifiċi, l-aħjar li jingħataw aktar dettalji, bħal ‘site plans’ li jindikaw bi preċizjoni is-siti inkwistjoni.