Legislature:
Category:
Reset
Active:

Permessi ta’ no parking

Question

Fid-dawl li l-kunsilli lokali qegħdin joħorġu permessi ta’ ‘no parking’ li fir-realtà la l-LESA u lanqas il-Pulizija ma huma qegħdin jinfurzaw, u diversi residenti qed jispiċċaw ikollhom diversi argumenti mal-kunsilli għaliex ghalkemm huma jkunu ħallsu għal dawn il-permessi, xorta ma jkollhomx parkeġġ liberu minħabba l-karozzi pparkjati, jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-pożizzjoni tal-Ministeru fuq dan? Għandhom jibqgħu joħorġu permessi li ma jiswew xejn?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-jiem li għaddew dan il-Ministeru, permezz ta’ ħidma kkordinata mal-entitajiet u l-aġenziji kollha kkonċernati, ra li jiddaħħlu fis-seħħ emendi fir-Regolamenti relattivi li ser jassiguraw li ċ-ċittadini Maltin u Għawdxin jingħataw servizz taħt struttura legali aktar ċara u regolarizzata. Dan hu konferma ċara tal-impenn li għandu dan il-Gvern li jaġixxi fl-aħjar interess taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin. Intant, infakkar lill-Onor. Interpellant illi l-infurzar mill-aġenzija u awtorità minnu msemmija ma jiffurmax parti mid-dekasteru ta’ dan il-Ministeru u għalhekk nitlobu sabiex jirreferi kwalsiasi domanda li jista’ jkollu fir-rigward lill-Ministeru kkonċernat.

Taħrik ta’ persuni minħabba l-użu tal-kannabis

Question

Fid-dawl li s’issa kull xiri u konsum tal-kannabis huwa illegali għaliex l-Awtorità għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis (ARUC) għadha ma ħarġet l-ebda permess skont il-liġi l-ġdida, jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi direttiva lill-pulizija biex ma jħarrku lil ħadd fid-dawl li f’diversi toroq, b’mod partikolari f’Paceville, San Ġiljan u l-Belt, mhux biss ikun hemm riħa qawwija ta’ kannabis (second hand cannabis lil non users) imma persuni li qegħdin jikkunsmaw din id-droga? Jekk le, jista’ jgħid kemm tħarrku persuni ġo Paceville, San Ġiljan u l-Belt Valletta b’mod rispettiv minn Ġunju 2022 sal-lum?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija ma għandha l-ebda direttiva kif indikata mill-Onor. Membru u għaldaqstant kull persuna li jinqabad jikser il-liġi dwar droga inkluż dwar cannabis, titressaq quddiem il-ġustizzja.

Family reunification

Question

To ask the Minister to answer Parliamentary Question 5028: Since Government policy does not allow for a parent who does not earn the median wage (plus 20% for each dependent) to apply for family reunification, how many decisions have there been in which a minor (under 18) was refused residence, on the basis of family reunification, in the last five years?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li mill-1 ta’ Mejju tas-sena 2021 kien hemm 27 applikazzjoni li ġew rifjutati minħabba li ma kinux jilħqu l-kriterji stabbiliti fl-imsemmija policy.

San Ġiljan u Tas-Sliema — Tneħħija ta’ E-Scooters ipparkjati ħażin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm tneħħew e-scooters ipparkjati ħażin fuq il-promenade ta’ San Ġiljan u Tas-Sliema mil-LESA? Jista’ jispjega kif fuq il-promenade mhux permess l-użu tal-bicycles imma din ir-restrizzjoni ma tapplikax għal dawn l-e-scooters? Jista’ jgħid kif se titħares is-sigurtà tal-persuni li jkunu qed jimxu fuq il-promendade?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li l-Aġenzija LESA tinforza l-liġi skont il-proviżjonijiet tal-Ordinanza dwar it-Traffiku u Liġijiet Sussidjarji marbuta magħha. Mistoqsijiet ulterjuri għandhom isiru lill-Ministeru kkonċernat.

San Ġiljan u Tas-Sliema — Tneħħija ta’ E-Scooters ipparkjati ħażin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm tneħħew e-scooters ipparkjati ħażin fuq il-promenade ta’ San Ġiljan u Tas-Sliema minn Transport Malta? Jista’ jispjega kif fuq il-promenade mhux permess l-użu tal-bicycles imma din ir-restrizzjoni ma tapplikax għal dawn l-e-scooters? Jista’ jgħid kif se titħares is-sigurtà tal-persuni li jkunu qed jimxu fuq il-promendade?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Proposta tal-Metro – studji

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4091 u ċjoè: B’konnessjoni mal-istudji li ġew ippubblikati fuq il-Metro, jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni dwar: a. il-mod u d-data tal-individwi/ditta/soċjetà/għaqda li ġie/ġew ingaġġati jagħmlu l-istess studju; u b. il-kopja tat-termini ta’ riferimenti/ingaġġar tal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament u/jew xi kumpaniji/ditta/individwi hekk ingaġġati?

Response (FARRUGIA, AARON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għall-Mistoqsija Parlamentari 22399 tat-Tlettax-il Leġiżlatura.

Għawdex – esibizzjoni fl-iskejjel tal-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħataw fondi lill-NGO San Umberto biex tkun tista' torganizza esibizzjoni fl-iskejjel tal-Gvern ġewwa Għawdex? Jista’ jgħid ukoll minn liema line-up/fond ittieħdu dawn il-flus?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Inerpellant li l-Fond għall-Konservazzjoni tal-Għasafar Selvaġġi (Conservation of Wild Birds Fund) hu marbut ma' regolament 31 tar-Regolamenti dwar il-Konservazzjoni tal-Għasafar Selvaġġi (L.S. 549.42) li jiġi ppubblikat kull sentejn. Dan il-Fond juża flus mil-vot tat-Taqsima tar-Regolamentazzjoni għall-Għasafar Selvaġġi, flus li jinġabru mil-multi u miżati relatati mal-liċenzji tal-kaċċa u nsib. Minn dan il-Fond tingħata għajnuna finanzjarja, sa massimu ta' €100,000, lill-għaqdiet mhux governattivi, li jkunu konformi mal-Att dwar l-Organizzazzjonijiet Volontarji (Kap. 492), biex ikunu jistgħu jwettqu attivitajiet, proġetti, programmi u skemi relatati mal-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi. Kull proġett jingħata sa massimu ta’ €20,000. Il-proġett ‘School Exhibitions’ kien wieħed mill-proġetti li ngħata l-fondi mis-sejħa li ġiet ippubblikata fl-2021 skont il-kuntratt ‘Conservation of Wild Birds Funding Scheme Grant Agreement No. 1/2021’. Dan il-Fond jissussidja sa 80% tal-ammont totali ta’ kull proġett, għalhekk mill-ammont totali ta’ €9,936, li hu l-ammont totali li ġie dikjarat li se jiswa dan il-proġett, ‘School Exhibitions’ ħa jingħata l-ammont totali ta €7,948. Skont il-linji gwida tal-Fond, 50% tal-ammont dovut jingħata hekk kif jiġi ffirmat il-kuntratt, u l-50% l-oħra jingħataw meta il-proġett ikun konkluż. L-ammont finali jingħata biss meta l-Organizzazzjoni Volontarja tippreżenta l-irċevuti relatati mal-proġett u rapport finali. S’issa l-proġett ‘School Exhibitions’ li jinkludi wirjiet fl-iskejjel madwar Malta u Għawdex, ingħata l-ammont ta’ €3,974. Skont l-irċevuti li se jiġu preżentati mill-Kaċċaturi San Ubertu wara li jiġi konkluż il-proġett f’Ġunju, huma se jingħataw il-50% l-oħra dovuti. Ninformak ukoll li fl-istess approvazzjoni tal-proġett tal KSU ġew approvati u mogħtija fondi għal dawn il-proġetti 1. Barn Owl Re-Introduction Phase IV implimentat mill-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba u Konservazzjonisti (FKNK). 2. Turtle Doves Captive-breeding for Release into the Wild Phase II implimentat mill-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba u Konservazzjonisti (FKNK). 3. Tracking Mediterranean Gulls and Yellow-legged Gulls implimentat min-BirdLife Malta (BLM) 4. Making Malta Greener implimentat min Kaċċaturi san Ubertu (KSU)

MGI – rapport tal-Awditur Ġenerali

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5155, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-membri tal-bord tal-Malta Government Investment (MGI), li fir-rapport tal-Awditur Ġenerali nstab li ħadu ħlasijiet żejda mhux awtorizzati, hux se jagħtu lura dawn il-ħlasijiet lill-MGI fid-dawl li dawn kienu ħlasijiet irregolari?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li m’għandix x’in¿id mat-tweġiba li diġa’ tajt għall-Mistoqsija Parliamentari Numru 5155.

Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli – konsulenti

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5152, jista’ l-Ministru jgħid x’qed ifisser bil-kelma “SPU”?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kliem SPU jirreferi għall-iStrategic and Priorities Unit kif joħroġ mill-Manwal, li kopja tiegħu diġà tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra.

E-scooters — regolarizzazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ser jieħu biex e-scooters li jintużaw fuq il-promenade, li huwa l-uniku post fejn ir-residenti jistgħu jimxu, ma jispiċċawx iweġġgħu lir-residenti li jkunu qed jimxu, b’mod partikolari dawk anzjani u tfal?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lil Onor. Interpellant li l-liġi sussidjarja 499.67 hija preċiża fejn jidħol sewqan fuq il-promenades u veloċità: "... veloċità massima ta’ għaxar kilometri fis-siegħa għal sewqan f’mogħdijiet tar-riġel, inkluż dawk mhux riżervati esklussivament għall-mixi, promenades, żoni pedonali u mogħdijiet għar-roti.". Hawnhekk qed nitkellmu fuq veloċità ta' ftit iktar minn kemm wieħed jimxi b'pass kemxejn mgħaġġel"..

Skejjel primarji u sekondarji – facilitators

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm tfal fl-iskejjel primarji u dawk sekondarji li għadhom jistennew li jkollhom facilitator magħhom? Jista’ jgħid kemm hemm studenti li għandhom shared facilitator? Jista’ jagħti lista sħiħa ta’ liema skejjel primarji u sekondarji għandhom bżonn li jkollhom aktar facilitators għall-istudenti tagħhom?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Pulizija – persuni taħt l-età li nqabdu jikkonsmaw alkoħol f’Paceville u l-Belt Valletta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni taħt l-età legali nqabdu mill-Pulizija jikkunsmaw alkoħol f’Paceville u l-Belt Valletta b’mod separat minn Jannar sa Diċembru 2022?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi mill-informazzjoni miġbura mill-Pulizija mid-distretti konċernati, in-numru ta’ persuni taħt l-età legali li nqabdu jikkunsmaw alkoħol f’Paċeville u Valletta matul is-sena 2022 kien jammonta għal tletin (30).

Pulizija – Persuni li nqabdu jbigħu d-droga/sustanzi illegali f’Paceville

Question

Jista’ l-Ministru jgħid il-Pulizija kemm arrestaw persuni li nqabdu jbigħu d-droga/sustanzi illegali f’Paceville minn Jannar sa Diċembru 2022? Jista’ jgħid kemm minn dawn ittellgħu l-Qorti u kemm minnhom kienu reċidivi?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi minn Jannar sa Diċembru 2022 ġew arrestati sebgħa (7) persuni li nqabdu jbiegħu d-droga/sustanzi illegali f’Paceville, li minnhom ħamsa (5) ittellgħu l-Qorti waqt li t-tnejn l-oħra għad hemm investigazzjonijiet għaddejjin. Ħadd minn dawk arrestati ma kien reċidiv.

Paceville – skwadra speċjali tal-Pulizija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jkun hemm l-iskwadra speċjali tal-Pulizija għal Paceville li kemm-il darba l-Ministru u l-Kummissarju tal-Pulizija tkellmu u wegħdu lill-komunità f’Paceville?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kontra għal dak li kien jiġri qabel l-2013, dan il-Gvern huwa kommess li jimplimenta l-wegħdiet tal-manifest elettorali tiegħu.

Infrastructure Malta – tenders, direct orders u konċessjonijiet lil kumpanija

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4090 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tat-tenders, direct orders u konċessjonijiet oħra li Infrastructure Malta tat lill-individwu li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament u/jew kumpaniji/joint ventures jew partnership li fiha kien involut (inkluż imma mhux limitat għal dawk mal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament ukoll)?

Response (FARRUGIA, AARON)

Kif jaf l-Onor. Interpellant, il-kollegi tiegħu talbu żewġ investigazzjonijiet dwar dak li qed jistaqsi hu. Għalhekk fid-dawl li l-informazzjoni mitluba issa hi suġġett ta’ din l-investigazzjoni, ma jkunx għaqli li tiġi ppubblikata f’dan l-istadju. Dan fl-interess ukoll tal-investigazzjoni nnifisha.

Mina mis-Swieqi/Pembroke għal Paceville

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4620 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3866, jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal l-istudju msemmi minnu f’din it-tweġiba? Jista’ jgħid jekk hux informat li biex l-iżvilupp mill-kumpanija, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, iseħħ, l-Awtorità tal-Ippjanar għamlet din il-mina bħala kundizzjoni?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dawn l-istudji għadhom għaddejjin.

Baġit 2023 – line item 5817 – tnaqqis

Question

Tista’ l-Ministru tgħid għal liema raġuni fl-aħħar estimi tal-Baġit li ġew approvati l-line item 5817, Noise Abatement Prevention and Control, naqas minn €50,000 (2022) għal €10,000 (2023)?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajtu għall-mistoqsija parlamentari 5439.

Baġit 2023 – line item 5748 – tnaqqis

Question

Tista’ l-Ministru tgħid għal liema raġuni fl-aħħar estimi tal-Baġit li ġew approvati l-line item 5748, Energy Efficiency Scheme, naqas minn €1,500,000 (2022) għal €800,000 (2023)?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajtu għall-Mistoqsija Parlamentari 5439.

Baġit 2023 – line item 5716 – tnaqqis

Question

Tista’ l-Ministru tgħid għal liema raġuni fl-aħħar estimi tal-Baġit li ġew approvati l-line item 5716, Waste Management Plan, naqas minn €180,000 (2022) għal € 100,000 (2023)?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajtu għall-Mistoqsija Parlamentari 5439.