B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 5440, 5441 u 5442 fejn il-Ministru rreferiet għat-tweġiba tagħha għall-mistoqsija parlamentari 5439 li tgħid li "l-allokazzjonijiet ma tistax issir b’mod iżolat imma trid tieħu kunsiderazzjoni l-allokazzjoni totali tal-vot", tista’ l-Ministru tispjega għalfejn użat il-line items?
Response (DALLI, MIRIAM)
Filwaqt li nfakkar lill-Onor. Interpellant li l-infiq tal-flus mil-line items ivvutati fil-Baġit jitmexxa mid-dipartimenti u l-entitajiet rispettivi li jaraw ukoll li l-infiq isir skont ir-regoli, ninformah ukoll li l-allokazzjoni taħt kull line item tintuża għall-iskop li għalih tkun saret l-approprjazzjoni. Meta imbagħad ikun hemm ċirkostanzi fejn ikun meħtieġ li jiġu riallokati fondi minn line item għal ieħor, dan isir billi titressaq talba għall-approvazzjoni tal-Ministeru tal-Finanzi.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5439, tista’ l-Ministru tgħid x’inhu l-Action Plan fuq il-klima għal din is-sena? Tista’ telenka n-numru ta’ miżuri li ser tkun qed tieħu?
Response (DALLI, MIRIAM)
Infakkar lill-Onor. Interpellant li l-miżuri biex ikun indirizzat it-tibdil fil-klima, imorru lil hinn mir-responsabbiltà ta’ ministeru wieħed u allura hemm numru ta’ miżuri oħra li jindirizzaw dan is-suġġett.
Pero ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, taħt il-Ministeru tiegħi biss, fil-budget għal din is-sena hemm mhux inqas minn tnax-il miżura relatati mal-klima. Dawn jinkludu fost l-oħrajn għajnuniet lil negozji li jinvestu fi proġetti li jnaqqsu l-carbon footprint u jżidu l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-materja prima, investimenti fis-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku sabiex din tkun tiflaħ aktar għall-enerġija ġġenerata minn sorsi rinovabbli, skemi u inizjattivi intiżi għall-ġenerazzjoni u l-ħażna ta’ enerġija rinovabbli, investimenti lejn karozzi li jaħdmu bl-elettriku, u t-tkomplija ta’ proġetti fil-qasam tal-immaniġġjar tal-iskart b’mod li minflok jikkontribwixxi għall-ħruġ ta’ gassijiet serra dan ikun ukoll sors ta’ enerġija nadifa.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5434, jista’ l-Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet mill-Awtorità tal-Ippjanar biex tara li verament inbnew il-bjar kif ikunu approvati?
B’referenza għall-għotja tal-fond ta’ €500,000 f’għajnuna finanzjara lil gazzetti stampati biex isostni l-ħidma tal-ġurnaliżmu stampat, jista’ l-Ministru jgħid għal liema raġuni l-gazzetta li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament u li hija gazzetta li ilha toħroġ għal divesi snin baqgħet ma ġietx mogħtija din l-għajnuna kif ingħatat lil gazzetti stampati oħrajn? Jista’ l-Ministru jgħid liema gazzetti stampati ġew mogħtija din l-għotja u kemm kienet? Jista’ jgħid x’kienu l-kriterji li fuqhom mexa biex jingħataw dawn il-fondi?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-għotja ta’ fondi f’għajnuna finanzjarja lill-gazzetti stampati ġiet ifformulata wara proposta mill-kmamar tal-aħbarijiet ta’ gazzetti stabbiliti u tradizzjonali li jkopru aħbarijiet u ġrajjiet kurrenti. Għaldaqstant din ma kinitx għotja maħsuba biex sempliċement issostni pubblikazzjonijiet li jiġu stampati.
Infurmat li l-kriterji li ttieħdu inkonsiderazzjoni biex ingħataw dawn il-fondi kienu l-frekwenza tal-pubblikazzjoni, in-numru ta’ ħaddiema, in-numru ta’ paġni tal-gazzetti u n-numru ta’ pubblikazzjonijiet differenti ta’ dik il-kamra tal-aħbarijiet partikolari.
Intant, rigward liema gazzetti stampati ngħataw din l-għotja nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ingħatat għall-mistoqsija parlamentari bin-numru 5864.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li għalkemm nhar l-10 ta’ Awwissu 2022 intbagħtet email mill-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament f’isem il-gazzetta li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament ukoll, fejn din il-persuna għamlet referenza għal ittra li ntbagħtet fit-13 ta’ Ġunju 2022 bit-tema ‘Fond imniedi mill-Gvern biex jittafa l-piż ta’ żieda sostanzjali fil-prezz tal-karta’, ma kien hemm l-ebda tweġiba? Jista’ jagħti r-raġuni għal dan in-nuqqas?
Response (ABELA, ROBERT)
L-email li tagħmel referenza għaliha kienet fil-fatt twieġbet.
Għad-dettalji tal-iskema nirreferi għall-istqarrija tad-Dipartiment tal-Informazzjoni bin-numru PR220678 li kopja tagħha qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Nirreferi wkoll l-Onor. Interpellant għat-tweġibiet tal-Mistoqsijiet Parlamentari numri 2769,5864 u 6650.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4392 dwar bini illegali li ġie sanctioned, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet mill-2013 sal-lum?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-mistoqsija parlamentari se titwieġeb f’seduta oħra.
Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali — konsulenti
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5153 u jgħid kemm għandu konsulenti fil-Ministeru tiegħu, f’liema entitajiet li jaqgħu taħtu, kemm dawn jitħallsu u x’inhuma l-kwalifiki tagħhom?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.
Servizzi professjonali lill-Awtorità tal-Ippjanar/Ministru
Question
Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-individwi u/jew ditti li jipprovdu servizzi professjonali lill-Awtorità tal-Ippjanar u/jew lill-Ministru? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra dawn id-dokumenti:
1. termini ta’ riferiment għal reviżjoni ta’ servizzi reżi;
2. ftehim/jew kuntratti;
3. invoices u riċevuti in konnessjoni tas-servizzi reżi?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jispeċifika t-talba tiegħu, kif diġà ġie mitlub fil-mistoqsija parlamentari 4813.
Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-individwi u/jew ditti li jipprovdu servizzi professjonali lill-Awtorità tat-Trasport u/jew lill-Ministru? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra dawn id-dokumenti:
1. termini ta’ riferiment għal reviżjoni ta’ servizzi reżi;
2. ftehim/jew kuntratti;
3. invoices u riċevuti in konnessjoni tas-servizzi reżi?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex ikun aktar speċifiku fit-talba tiegħu.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6588, jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni f’Malta u Għawdex, b’mod seperat, li huma fuq is-servizzi soċjali li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu? Jista’ jagħti l-kategorija kollha ta’ dawn is-servizzi soċjali u jgħid kemm hemm persuni f’kull kategorija?
Response (FALZON, MICHAEL)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika għal liema servizzi soċjali qiegħed jirreferi. Is-servizzi soċjali li jingħataw mill-Ministeru li tiegħu jiena responsabbli huma ħafna minbarra li hemm servizzi soċjali mogħtija minn Ministeri oħra.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6589, jista’ l-Ministru jgħid kif il-pulizija u l-uffiċjali tal-LESA se jkunu qed jaraw li ma jkunx hemm sewqan ta’ vetturi minn persuni taħt l-effett tal-kannabis fid-dawl li skont l-istess tweġiba, din ser tibqa’ illegali meta wieħed ikun qiegħed isuq?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi l-pulizija ser jibqgħu viġilanti biex meta jkun hemm suspett raġonevoli li persuna qed issuq taħt l-effett tad-droga jieħdu azzjoni u jagħmlu talba lill-Maġistrat biex ikun jista’ jawtorizza t-teħid ta’ kampjun/i għal analiżi biex jiġi stabbilit jekk is-suspett ikunx minnu. Uffiċjali tal-LESA jistgħu jikkordinaw mal-Pulizija biex isir dan il-proċess, meta huma jiltaqgħu ma' sitwazzjonijiet fejn ikollhom ukoll l-istess suspett raġonevoli.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6589, jista’ l-Ministru jgħid kif uffiċjali ta’ Transport Malta se jkunu qed jaraw li ma jkunx hemm sewqan ta’ vetturi minn persuni taħt l-effett tal-kannabis fid-dawl li skont l-istess tweġiba, din ser tibqa’ illegali meta wieħed ikun qiegħed isuq?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kap. 65, l-Ordinanza Dwar it-Traffiku, diġà tipprovdi għal tali istanzi elenkati mill-Onor. Interpellant. Il-Gvern għandu l-intenzjoni li jkompli jsaħħaħ il-providimenti legali elenkati fil-Kapitlu tal-Liġijiet ta' Malta ċitat.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6055, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-boroż maħruġa barra mill-iskeda hux qed jinġabru ġewwa San Ġiljan?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Reġjonali tal-Lvant illi l-Kuntrattur m’għandux obbligu li jiġbor boroz jekk dawn ikunu maħruġa barra mill-iskeda.
Madanakollu infurmat li sakemm l-iskeda l-ġdida tindara minn kulħadd, il-Gvern ċentrali ħaseb li jkun hemm pjan ta’ kontinġenza sabiex l-ebda skart ma jitħalla fit-toroq.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6584, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-“istudju dettaljat” imsemmi minnu fl-istess tweġiba?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għad-dokument maħruġ minn Transport Malta għall-konsultazzjoni pubblika f'Settembru tal-2019, liema dokument jelenka ħafna mill-informazzjoni misjuba wara l-istudju msemmi. Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokument maħruġ mill-Awtorità tat-Trasport.
Jista’ l-Ministru jgħid meta l-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament u li tinsab fuq ir-reġistru biex taħdem taħt l-iskeda/Fondazzjoni Lino Spiteri, se tingħata xogħol, u dan fid-dawl li hi trid taħdem iżda ħadd ma bagħat għaliha?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li Jobsplus flimkien mal-Fondazzjoni Lino Spiteri toffri servizz minnufih lil kull persuna li tinsab fuq ir-reġistru.
Dan wara li jiġi evalwat kull każ speċifiku sabiex tittieħed azzjoni li tindirizza l-bżonnijiet, il-ħiliet u l-aspirazzjonijiet tal-persuna, bil-għan li kull persuna ssib impjieg addattat u li jkun sostenibbli.
Wara s-sentenza tal-Qorti Ewropea tal-2022 fir-rigward tar-reġistrar tal-kumpaniji u d-divulgazzjoni tal-informazzjoni dwar l-Ultimate Beneficiary Owners, jista’ l-Ministru jgħid jekk inbidlux ir-rekwiżiti għar-reġistrar tal-kumpaniji f’Malta u x’ġie mibdul fl-aċċessibbiltà tal-pubbliku għar-reġistru tal-kumpaniji?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dispożizzjoni fil-5th Anti-Money Laundering (AMLD) illi r-reġistru tas-sidien benefiċjarji jkun aċċessibbli għall-pubbliku ġiet iddikjarata nulla mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u għaldaqstant id-dispożizzjoni fil-liġi Maltija hija wkoll nulla. Malta ma tistax tinjora sentenza tal-imsemmija Qorti fejn ġiet stabbilit illi l-aċċess jikser drittijiet tal-bniedem. Attwalment, ir-Reġistru tas-sidien benefiċjarji huwa aċċessibbli mill-Awtoritajiet kompetenti u persuni suġġetti, kif definiti fil-Prevention for Money Laundering and Finance Terrorism Regulation.
Infrastructure Malta – tenders, direct orders u konċessjonijiet lil kumpanija
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4090 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tat-tenders, direct orders u konċessjonijiet oħra li Infrastructure Malta tat lill-individwu li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament u/jew kumpaniji/joint ventures jew partnership li fiha kien involut (inkluż imma mhux limitat għal dawk mal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament ukoll)?
Response (FARRUGIA, AARON)
Kif jaf l-Onor. Interpellant il-kollegi tiegħu talbu żewġ investigazzjonijiet dwar dak li qed jistaqsi hu. Għalhekk, fid-dawl li l-informazzjoni mitluba issa hi suġġett ta’ din l-investigazzjoni, ma jkunx għaqli li tiġi ppubblikata f’dan l-istadju. Dan fl-interess ukoll tal-investigazzjoni nnifisha.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4091 u ċjoè: B’konnessjoni mal-istudji li ġew ippubblikati fuq il-Metro, jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni dwar:
a. il-mod u d-data tal-individwi/ditta/soċjetà/għaqda li ġie/ġew ingaġġati jagħmlu l-istess studju; u
b. il-kopja tat-termini ta’ riferimenti/ingaġġar tal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament u/jew xi kumpaniji/ditta/individwi hekk ingaġġati?
Response (FARRUGIA, AARON)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-Mistoqsija Parlamentari 22399 ta' XIII-il Leġiżlatura.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4620 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3866, jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal l-istudju msemmi minnu f’din it-tweġiba? Jista’ jgħid jekk hux informat li biex l-iżvilupp mill-kumpanija, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, iseħħ, l-Awtorità tal-Ippjanar għamlet din il-mina bħala kundizzjoni?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’referenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 7031 din għandha tiġi riferuta lill-Ministeru kkonċernat.
Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali – konsulenti
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5153 u jgħid kemm għandu konsulenti fil-Ministeru tiegħu, f’liema entitajiet li jaqgħu taħtu, kemm dawn jitħallsu u x’inhuma l-kwalifiki tagħhom?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.