Jista' l-Prim Ministru jikkonferma li s-Segretarju Permanenti Ewlieni fis-Servizz Pubbliku ta l-approvazzjoni tiegħu biex seta' jsir festin annwali tal-Milied organizzat mis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għas-Saħħa, liema festin tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena sar fis-6 ta' Jannar li għadda f'lokal fil-Belt Valletta?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li dan l-avveniment sar wara diskussjoni bejn is-Segretarju Permanenti Ewlieni u s-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tas-Saħħa. Nirreferih ukoll għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari numri 7108 u 7110.
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm ġie jiswa l-festin tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena organizzat mis-Segretarju Permanenti fl-istess Ministeru għas-Saħħa nhar is-6 ta' Jannar li għadda f'lokal fil-Belt Valletta?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dan l-avveniment li ma kienx festin izda li sar wara diskussjoni bejn is-Segretarju Permanenti Ewlieni u s-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tas-Saħħa u li l-iskop kien li jlaqqa d-dirigenti ta’ diversi entitajiet tas-servizz tas-saħħa pubblika bil-għan li jkun hemm ukoll okkazzjoni ta’ team building, sewa Eur5,700.
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid tax l-approvazzjoni tiegħu għall-festin tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena organizzat mis-Segretarju Permanenti fl-istess Ministeru għas-Saħħa nhar is-6 ta' Jannar li għadda f'lokal fil-Belt Valletta?
Festin tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena – lista ta’ mistiedna
Question
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta' dawk kollha mistiedna għall-festin tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena organizzat mis-Segretarju Permanenti fl-istess Ministeru għas-Saħħa nhar is-6 ta' Jannar li għadda f'lokal fil-Belt Valletta?
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra d-dettalji tal-ordnijiet kollha - ikel, xorb, mużika, lokal, eċċ - li saru għall-festin tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena organizzat mis-Segretarju Permanenti fl-istess Ministeru għas-Saħħa nhar is-6 ta' Jannar li għadda f'lokal fil-Belt Valletta?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi skont ir-regoli tal-Public Procurement ntalbu kwotazzjonijiet differenti minn operaturi differenti u ntgħażlet l-orħos kwotazzjoni.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslu l-investigazzjonijiet dwar ġlieda li seħħet fil-bidu tas-sena (Jannar) 2021 f’Paceville bejn 50 persuna? Jista’ jgħid x’passi ttieħdu, ta’ liema nazzjonalità kienu l-persuni u jekk tressqux il-Qorti?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li hemm żewġ persuni ta' nazzjonalità Sirjana u Bulgara bi proċeduri pendenti quddiem il-Qorti.
Jista’ l-Ministru jelenka d-dħul minn meta ġiet introdotta l-Eco-Tax jew bed-tax, jiġifieri dak li t-turisti jridu jħallsu għal kull lejl li jagħmlu f’Malta, sena b’sena? Jista’ jgħid min hu l-kumitat jew l-entità li tieħu ħsieb dan il-fond? Jista’ jgħid kif dawn intużaw sena b’sena u min ibbenefika minn dan il-fond?
Response (CARUANA, CLYDE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex għas-snin 2016-2021 jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-PQ 670.
Id-dħul għas-sena 2022 kien ta’ €2,952,989.05.
Rigward it-tieni u tielet parti tal-mistoqsija, nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Imqabba – Triq il-Parroċċa u Triq it-Torri Vincenti — xogħlijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-valur tax-xogħlijiet li saru fil-bini ta’ mogħdija bejn Triq il-Parroċċa u Triq it-Torri Vincenti fl-Imqabba, min huma l-kuntratturi li għamlu x-xogħlijiet u kemm-il darba sar xogħol ta’ tiswija wara li nbniet it-triq?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta m’għamlitx xogħol fil-mogħdija li qed tiġi riferuta għaliha fil-Mistoqsija Parlamentari numru 7060.
San Ġiljan – Triq Mikiel Anton Vassalli u Triq San Ġorġ – soft areas
Question
Jista’ l-Ministru jgħid min hu responsabbli għaż-żamma tas-soft areas li hemm fid-dħul għal Paceville ħdejn il-lights, li parti minnhom huma fi Triq Mikiel Anton Vassalli u parti oħra huma fi Triq San Ġorġ?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Short lets u appartamenti Airbnb – skeda tal-ġbir tal-iskart
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-pjan tiegħu biex ix-short lets u appartamenti mikrijin bħala Airbnb josservaw l-iskeda tal-ġbir tal-iskart, fid-dawl li wħud minnhom dan ma jagħmluhx u fix-xhur li ġejjin din se tkun problema kbira?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bħala parti minn kampanja nazzjonali ta’ informazzjoni dwar l-iskeda l-ġdida tal-ġbir tal-iskart, dan il-Ministeru qed iqassam stickers u materjal informattiv f’diversi lingwi lis-sidien kollha reġistrati tal-kondominji u dan fost għadd ta’ miżuri oħrajn.
Intant ser inkunu qed nikkordinaw ukoll mal-Ministeru kkonċernat sabiex jintlaħqu wkoll l-operaturi tal-Airbnb u, fost oħrajn, jintbagħtulhom ukoll l-istickers u l-materjal informattiv imsemmi.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-pjan biex f’żoni turistiċi ma jsirx ħruġ ta’ skart barra mill-ħinijiet li suppost, fid-dawl li dan mhuwiex riklam tajjeb għall-isforzi li qegħdin isiru biex jinġieb it-turiżmu?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat, ninfurmah li min-naħa tad-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni, flimkien mal-awtoritajiet ikkonċernati, matul ix-xhur meqjusa li l-iktar li jkun hemm influss ta’ nies fiż-żoni turistiċi, ser ikun qed isir eżerċizzju ta’ infurzar sabiex isir monitoraġġ ta’ ħruġ ta’ skart skont l-iskeda nazzjonali.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità kkonfermatx li l-iżvilupp tal-binja li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament huwiex earthquake proof? Fid-dawl ta’ numru ieħor ta’ żviluppi high rise, jista' jgħid jekk hemmx xi policy fuq is-sigurtà ta’ dawn il-binjiet fl-eventwalità ta’ terrimot? Jekk le, jista’ jgħid jekk huwiex iż-żmien li nkunu proattivi u jkollna policy/guidelines/regoli fuq dan?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika għal liema Awtorità qed jirreferi.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5435 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4392, jista’ l-Ministru jagħti l-lista ta’ bini illegali li ġie sanctioned mis-sena 2013 sal-lum? Jista’ jagħti lista ta’ x’kienu dawn l-illegalitajiet?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sanzjonar hu varjat ħafna u l-perjodu indikat jinvolvi mal-kważi 2,000 każ li lkoll huma pubblikament u faċilment aċċessibbli għal kulħadd. Għaldaqstant, ladarba t-talba tiegħu tittratta l-aħħar għaxar snin sħaħ, nitolbu jkun aktar speċifiku.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 5436 jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari fl-intier tagħha u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4393, fejn il-Ministru qal li “ġie mwaqqaf il-Housing Development Fund li fost irwoli oħra se jkun qed joħloq fond biex jitwettqu proġetti ta’ tisbiħ madwar il-binjiet tal-Gvern”, jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa kbir dan il-fond, minn fejn ġejjin dawn il-fondi u liema binjiet se jkunu msebbħa matul l-2023?
Response (GALDES, RODERICK)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jinnota r-risposta mogħtija lilu fil-mistoqsija parlamentari 5436.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5546, jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija oriġinali peress li l-mistoqsija parlamentari ma kinitx fuq dak li kien jiġri qabel l-2013 imma fuq meta ser ikun hemm l-iskwadra speċjali tal-Pulizija għal Paceville?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kontra għal dak li kien jiġri qabel l-2013, dan il-Gvern huwa kommess li jimplimenta l-wegħdiet tal-manifest elettorali tiegħu.
Awtorità tal-Ippjanar –enforcement notices f’San Ġiljan
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5547, jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ enforcement notices li ħarġu f’San Ġiljan fuq bini/żvilupp mhux skont dak li kien approvat u jgħid s’issa x’passi ttieħdu?
Jista’ l-Ministru jagħti lista separata ta’ kemm persuni ġew imħarrka minn Jannar 2022 sa Diċembru 2022 f’Paceville/San Ġiljan fuq:
a. ġlied;
b. vandaliżmu fuq proprjetà pubblika;
ċ. vandaliżmu fuq proprjetà privata;
d. pickpocketing;
e. dagħa fil-pubbliku; u
f. jagħmlu awrina fil-pubbliku?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat illi matul is-sena 2022 f’Paceville/San Ġiljan, kien hemm 87 persuna mħarrka fuq ġlied, 3 persuni mħarrka fuq vandaliżmu fuq propjetà privata u 3 persuni mħarrka fuq dagħa fil-pubbliku.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid sa liema żmien l-individwu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament se jkompli jokkupa l-uffiċċju f’Sa Maison, liema uffiċċju huwa proprjetà tal-Gvern?
Response (ABELA, ROBERT)
Nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari numri 2150 u 7134 tal-Leġiżlatura XIV.
Malta Business Registry — Kumpaniji li m’hemmx informazzjoni dwarhom
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx kumpaniji reġistrati hawn Malta li dwarhom ma teżisti ebda informazzjoni aċċessibbli għall-pubbliku fuq il-Malta Business Registry (MBR)?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kull kumpanija reġistrata hawn Malta għandha l-informazzjoni, kif mitluba skont il-liġi, aċċessibbli għall-pubbliku fuq il-portal miżmum mir-Reġistratur tal-kumpaniji.