Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ħad-Dingli – inħawi tal-Qattara – għeluq ta’ aċċess għal passaġġi pubbliċi

Question

B’referenza għal grada li qiegħda tagħlaq l-aċċess għall-passaġġi pubbliċi fl-inħawi tal-Qattara, Ħad-Dingli, li hija indikata fir-ritratti mehmuża ma’ din il-mistoqsija parlamentari, jista’ l-Ministru jgħid jekk din hijiex art privata jew le, u għaliex din tinsab magħluqa?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għandha tiġi mgħoddija site plan dettaljata fejn jiġu indikati l-passaġġi pubbliċi fl-inħawi tal-Qattara, Ħad-Dingli, li qed jirreferi għalijhom l-Onor. Interpellant sabiex l-Awtorità tkun tista' twieġeb il-mistoqsija.

San Ġiljan u Tas-Sliema – ħruġ ta’ enforcment notices

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inħarġu enforcement notices ġewwa San Ġiljan u Tas-Sliema mill-2013 sal-lum u kemm minn dawn l-enforcement notices għadhom pendenti?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-2013 sal-lum inħarġu 67 enforcement notice ġewwa San Ġiljan u 62 enforcement notice ġewwa Tas-Sliema, li minnhom 18 għadhom pendenti ġewwa San Ġiljan u 22 għadhom pendenti ġewwa Tas-Sliema.

Paceville – skwadra speċjali tal-Pulizija

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7055, jista’ l-Ministru jgħid meta ser jimplimenta l-wegħda li jkun hemm skwadra speċjali tal-Pulizija għal Paceville?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5546.

Paceville/San Ġiljan – persuni mħarrka

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7057, jista’ l-Ministru jagħti lista separata ta’ kemm persuni ġew imħarrka minn Jannar 2022 sa Diċembru 2022 f’Paceville/San Ġiljan fuq pickpocketing u/jew għaliex għamlu awrina fil-pubbliku?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi kien hemm żewġ persuni li ġew imħarrka fuq reati ta’ pickpocketing minn Jannar sa Diċembru 2022 f’Paceville/San Ġiljan.

Ġbir tal-ilma tax-xita fil-bjar

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7051, jista’ l-Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet mill-Awtorità tal-Ippjanar biex tara li verament inbnew il-bjar kif ikunu approvati mill-2013 sal-lum u jgħid f’liema lokalitajiet saru u kemm instabu li mhumiex konformi mal-liġi?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għalkemm isiru spezzjonijiet b’mod regolari fuq diversi siti kuljum, l-Awtorità tal-Ippjanar m’għandhiex l-informazzjoni mitluba peress li spezzjonijiet fuq siti ma jsirux esklussivament rigward bjar, iżda l-iżvilupp jiġi spezzjonat b’mod ħolistiku.

Eco-Tax

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7059, jista’ l-Ministru jgħid min hu l-kumitat jew l-entità li tieħu ħsieb il-fond tad-dħul miġbur mill-Eco-Tax jew bed-tax, jiġifieri dak li t-turisti jridu jħallsu għal kull lejl li jagħmlu f’Malta? Jista’ jgħid ukoll kif dan intuża sena b’sena minn meta ġie introdott u min ibbenefika minn dan il-fond?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm Kumitat apposta li jieħu ħsieb il-fondi allokati lilu li jkunu inġabru mid-dħul tal-Eko-kontribuzzjoni. Dan il-Kumitat huwa magħmul mis-Segretarju Permanenti u d-Director Operations fi ħdan il-Ministeru tat-Turiżmu, flimkien ma’ rappreżentanti mill-MHRA, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u TZRA. Il-proġetti li bbenefikaw minn dan il-fond mill-2020 'l hawn jinkludu: · il-proġett tal-car park tal-Għadira · il-promenade tal-Għadira · is-sand pilot Project tal-bajja tal-Mellieħa · il-Ġnien Ġirolamo Cassar, il-Gudja · il-proġett ta’ tisbiħ fil-pjazza tal-Mellieħa · il-proġett tal-Magħluq ġewwa Marsaxlokk · il-Ġnien Alexander Ball ġo Ħal Safi · l-iscuttling tal-MV Haphaestus, Għawdex · il-Victoria Lines · Paceville Street, San Ġiljan · il-pjazza ta’ ħdejn it-Tempji Neolitiċi ta’ Ħal Tarxien · Ġnien Duminku Mintoff, Raħal Ġdid · il-Pjazza ta’ Buġibba, · il-Pjazza tal-Birgu, · inġenji li jintużaw mill-Cleansing and Maintenance Division fit-tindif ta’ żoni turistiċi, · l-installazzjoni u manutenzjoni tal-iSmart Compaction Litter Bins, u · pjan ta’ riġenerazzjoni li qed issir f’San Pawl il-Baħar, Buġibba, Qawra, Xemxija u Salini.

Persuni fuq is-servizzi soċjali

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7034, jista’ l-Ministru jelenka s-servizzi soċjali kollha fi ħdan il-Ministeru tiegħu u jgħid kemm hemm persuni fuq kull wieħed minn dawn is-servizz b’mod separat?

Response (FALZON, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija numru 7034.

Sewqan taħt l-effett tal-kannabis – kampjuni miġbura mill-uffiċjali tal-LESA

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7035, jista’ l-Ministru jgħid kif taħdem fil-prattika din il-proċedura fid-dawl li meta persuna titwaqqaf mil-LESA, trid tibqa’ tistenna fil-ġenb tat-triq biex tasal l-awtorizzazzjoni tal-Maġistrat biex jittieħed/jittieħdu kampjun/i għall-analisi?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi jekk uffiċjal tal-LESA jwaqqaf persuna u waqt il-qadi ta’ dmirijietu jiġih suspett raġonevoli li din tkun taħt l-effett tad-droga, dawn ma jiġbru l-ebda kampjuni iżda jirrappurtaw u jgħaddu l-każ lill-Pulizija li jkomplu bl-investigazzjonijiet tagħhom skont kif titlob il-liġi. Jekk u meta ikun hemm il-ħtieġa, tkun il-pulizija li titlob awtoriżżazzjoni ta’ Maġistrat għat-teħid ta’ kampjuni għall-analisi.

Sliema – Triq Bisazza – rapporti

Question

Fid-dawl li dan l-aħħar kien hemm rapporti dwar żgħażagħ minuri li jagħmlu ħsara, storbju u ġlied ġewwa Triq Bisazza, Tas-Sliema, jista’ l-Ministru jgħid x’passi ħa jew ser jieħu biex joffri sigurtà lir-residenti, persuni oħrajn u lin-negozjanti fl-inħawi?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat illi l-pulizija ħadet il-passi biex iżżid ir-ronda tagħha f’din iż-żona, biex inċidenti u mġiba ta’ din ix-xorta, kif ukoll ksur ta’ liġijiet oħra jiġu mnaqqsa.

Ġbir ta’ skart barra mill-iskeda

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7037 dwar il-pjan ta’ kontinġenza għall-ġbir ta’ boroż tal-iskart maħruġa barra mill-iskeda, jista’ l-Ministru jagħti d-dettalji ta’ dan il-pjan ta’ kontinġenza sabiex l-ebda skart ma jitħalla fit-toroq ta’ San Ġiljan u Tas-Sliema fid-dawl li dan mhux il-każ?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’ghandi xejn xi nżid mar-risposta mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari 7037.

Binja – żvilupp

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7052, jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità tal-Ippjanar ikkonfermatx li l-iżvilupp tal-binja li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament huwiex earthquake proof? Fid-dawl ta’ numru ieħor ta’ żviluppi high rise, jista' jgħid jekk hemmx xi policy fuq is-sigurtà ta’ dawn il-binjiet fl-eventwalità ta’ terrimot? Jekk le, jista’ jgħid jekk huwiex iż-żmien li nkunu proattivi u jkollna policy/guidelines/regoli fuq dan?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.

Paceville, San Ġiljan – approvazzjoni ta’ żvilupp

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-aħħar żvilupp li ġie approvat ġewwa Paceville, San Ġiljan, mill-applikant li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, huwiex earthquake proof?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.

Strument li jkollu l-forza ta’ liġi f’Malta jew xi dispożizzjoni tiegħu li jmorru kontra l-Kostituzzjoni

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 7022, li oriġinarjament saret lill-Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilu, u jgħid kemm kien hemm sentenzi li jiddikjaraw li xi strument li jkollu l-forza ta’ liġi f’Malta jew xi dispożizzjoni tiegħu jmorru kontra xi dispożizzjoni tal-Kostituzzjoni ta’ Malta jew xi dritt tal-bniedem li ġie mqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra skont l-artikolu 242(1) tal-Kodiċi ta' Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili? Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm-il darba ħa azzjoni biex ineħħi kull inkonsistenza mal-Kostituzzjoni ta’ Malta jew mad-dritt jew libertà fundamentali kif maħsub fl-artikolu 242(2)?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninsab infurmat li biex tiġi kkompilata l-informazzjoni kollha kif mitlub, se jispiċċa jinqabeż l-advisory cost limit.

Studju dwar il-veloċità massima tal-e-scooters

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6584, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ dan l-istudju dettaljat dwar il-veloċità massima tal-e-scooters?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-istudju qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

San Ġiljan u Tas-Sliema — kontroll tal-użu tal-e-scooters fil-promenade

Question

Fid-dawl li issa r-residenti se jibdew jimxu fil-promenade ġewwa San Ġiljan/Tas-sliema issa li nbidel it-temp, jista’ l-Ministru jgħid x'se jagħmel biex jassigura li r-residenti jkunu mħarsa minn e-scooters li mhux l-ewwel darba li jolqtu lil xi resident u jweġġgħuh?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għadu għaddej l-istudju dwar liema l-aħjar disinn għandu jiġi implimentat. Wara jiġu kkunsultati il-kunsilli tal-madwar biex jintlaħaq ftehim.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali – konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 5153 u 7032 u jgħid kemm għandu konsulenti fil-Ministeru tiegħu, f’liema entitajiet li jaqgħu taħtu, kemm dawn jitħallsu u x’inhuma l-kwalifiki tagħhom?

Response (FARRUGIA, AARON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra dwar konsulenti ingaġġati mill-Ministeru u entitajiet u awtoritajiet kollha li jaqgħu taħtu. (Korrezzjoni: Ara Dokument PL 2097 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'Seduta 146 tat-Tlieta 11 ta' Lulju 2023)

Mina mis-Swieqi/Pembroke għal Paceville

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 4620 u 7031, li oriġinarjament saru lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali u li issa ġew riferuti lilu, u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3866, jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal l-istudju msemmi minnu f’din it-tweġiba? Jista’ jgħid jekk hux informat li biex l-iżvilupp mill-kumpanija, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, iseħħ, l-Awtorità tal-Ippjanar għamlet din il-mina bħala kundizzjoni?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jindirizza l-ewwel parti ta’din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat, filwaqt li nitlob kjarifika dwar it-tieni parti, ladarba d-dettalji ma nstabux separatament.

Building Construction Agency – periti mqabbda biex jirrevedu l-method statements

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 4092, 5154 u 7033 u jgħid min huma l-periti u/jew ditti tal-periti li huma mqabbdin mill-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) sabiex jirrevedu l-method statements li jiġu sottomessi u jekk humiex imqabbdin permezz ta’ direct orders jew b’mod ieħor, kif ukoll ir-rata ta’ remunerazzjoni tagħhom?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tindika d-ditti ta’ periti jew periti li ġew ingaġġati wara proċess ta’ tender. Tajjeb li wieħed ifisser li fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra, l-ewwel kolonna turi l-lista ta’ periti jew ditti tal-periti li huma mqabbdin mill-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) sabiex jirrevedu l-method statements li jiġu sottomessi. Dan it-tender inħareġ fis-sena 2020. Fit-tieni kolonna hemm indikat kif dawn il-periti jew ditti tal-periti ġew imqabbdin, b’tender li kien maqsum f’seba’ lots. Ix-xogħol rikjest f’kull lot huwa dan li ġej: Lot 1: Major projects less than 3000sqm Lot 2: Major projects more than 3001sqm Lot 3: Buildings not more than 10 metres in height Lot 4: Buildings less than 13.50 metres in height Lot 5: Buildings more than 13.51 metres in height Lot 6: Additional floor/s Lot 7: Alterations and additions to existing dwellings Is-seba’ ditti tal-periti li tefgħu l-offerti tagħhom ġew kollha ingaġġati. Is-servizzi tagħhom għadhom jiġu utilizzati bir-rati sottomessi u dan wara li l-ingaġġ tagħhom ġie estiż. Ir-rata indikata fit-tielet kolonna hija r-rata ta’ remunerazzjoni li kull ditta titħallas għal kull fajl. Għal kull applikazzjoni għal clearance jinfetaħ file. Kull file tista’ ssir reviżjoni tiegħu aktar minn darba, skont jekk il-perit li jagħmel ir-reviżjoni tal-method statements ikunx sab nuqqasijiet fl-ewwel reviżjoni u fis-sottomissjonijiet sussegwenti. Il-perit jitħallas bir-rata indikata fit-tielet kolonna għal kull fajl u mhux għal kull reviżjoni. Fl-aħħar tat-tabella hemm indikati periti li ġew ingaġġati wara li kienet ħarġet Espressjoni ta’ Interess fejn żewġ ditti ta’ periti u periti qed jitħallsu bir-rata indikata għal kull siegħa li jgħamlu jirrevedu l-method statements. Dan ix-xogħol qiegħed isir ukoll minn impjegati tal-Awtorità.

Tibdil f’kuntratt għall-għoti ta’ art b’ċens temporanju

Question

Fid-dawl li b’kuntratt fl-atti tan-Nutar li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, datat 16 ta’ Frar 1961, il-Gvern, permezz tal-Kummissarju tal-Artijiet, ta b’ċens temporanju l-art magħrufa bħala Cresta Quay ġewwa l-bajja ta’ San Ġorg, San Ġiljan, lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi tibdiliet fil-kundizzjonijiet li l-Gvern impona fuq il-kumpanija msemmija f’dan il-kuntratt? Jekk iva, jista’ jgħid meta saru u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopji ta’ dawn it-tibdiliet?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li peress li l-kuntratt immur lura għas-16 ta’ Frar 1961 l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Fondi mill-Baġit tal-Gvern dwar festini tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk inbidlitx id-direttiva fis-Servizz Pubbliku dwar il-festini tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena fis-sens li ma jinħarġux fondi mill-Baġit tal-Gvern?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li din id-direttiva ma nbidlitx.