Legislature:
Category:
Reset
Active:

San Ġiljan – Spinola – xogħlijiet ta’ riġenerazzjoni

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3832 dwar ir-riġenerazzjoni tal-pjazza/ġnien ta’ Spinola, peress li f’din it-tweġiba jingħad li x-xogħlijiet se jibdew, jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra u jgħid fiex waslu dawn ix-xogħlijiet?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-proġett ser ikun qed isegwi x-xogħlijiet li ser isiru minn entità ta’ servizzi li se tkun qed tintervjeni fuq is-sistema eżistenti tas-servizzi tagħhom.

San Ġiljan – Xatt is-Sajjieda – xogħlijiet ta’ riġenerazzjoni

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4127 dwar ix-xogħlijiet ta’ riġenerazzjoni fuq Xatt is-Sajjieda f’San Ġiljan, jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra u jgħid fiex waslu x-xogħlijiet mibdija u meta ser jibew ix-xogħlijet l-oħra indikati fl-istess tweġiba?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 4127, ninforma lill-Onor. Interpellant li: · Il-Fisherman’s Shed – bħalissa qed isir ix-xogħol tar-restawr; · Xogħlijiet mill-monument tal-LOVE inkluż it-taraġ ta’ San Ġużepp – l-applikazzjoni għadha qed tiġi vvettjata mill-Planning Authority; · Xogħlijiet fil-Pjazza ta’ quddiem Palazzo Spinola – bħalissa l-Awtorità qed tiddiskuti u tikkordina mal-Ministeru sabiex ikun hemm integrazzjoni fil-proġett akbar tal-Pjazza u Triq Paceville.

AFM – informazzjoni dwar membri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-persuni li d-dettalji tagħhom qed jintbagħtu separatament għadhomx membri tal-Forzi Armati ta’ Malta? Jekk iva, f’liema rank/pożizzjoni qegħdin? Jekk le, jista’ jgħid jekk dawn telqux jew inkella tkeċċewx u meta?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li l-ewwel persuna riferuta mill-Onor. Interpellant ġie discharged fuq medical grounds f’Mejju tal-2016, it-tieni persuna riferuta mill-Onor. Interpellant irtira wara 25 sena servizz fi Frar tal-2018, filwaqt li t-tielet persuna persuna riferuta mill-Onor. Interpellant għadu fis-servizz fir-rank ta’ Lance Bombardier.

Għoti taċ-ċittadinanza Maltija fuq il-mertu ta’ kontribuzzjoni eċċezzjonali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni ngħataw iċ-ċittadinanza minħabba kontribuzzjoni eċċezzjonali (S.L. 188.06) u f’liema qasam (sports, arti, xjenza) dawn taw il-kontribuzzjonijiet maqsuma sena b’sena?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li minn mindu daħlet fis-seħħ il-Liġi Sussidjarja 188.06 fis-sena 2020 kien hemm persuna waħda fis-sena 2021 li ħadet iċ-ċittadinanza Maltija fuq bażi tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi. Dan l-akkwist kien relatat mal-qasam tax-xjenza. Matul is-sena 2022 kien hemm żewġ persuni li akkwistaw iċ-ċittadinanza Maltija wkoll fuq il-bażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u t-tnejn li huma relatati mal-qasam sportiv.

Annimali eżotiċi f’Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn annimali eżotiċi f’Malta u jagħti l-isem xjentifiku ta’ kull annimal kif ukoll l-ammont li hemm minn kull wieħed?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi d-Direttorat għar-Regolazzjoni Veterinarja m’għandux lista jew in-numru tal-annimali eżotiċi li qegħdin f’Malta. Id-definizzjoni ta’ annimali eżotiċi hija vasta għax qiegħda tirreferi għal dawk l-ispeċi ta’ annimali li ma joriġinawx minn Malta u mhumiex tipikament preżenti fil-pajjiż bħala ċerti annimali tal-produzzjoni.

Annimali eżotiċi mhux reġistrati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm tressqu persuni l-Qorti minħabba li naqsu milli jirreġistraw annimali eżotiċi mal-awtoritajiet kompetenti u x’kienu l-annimali li dawn naqsu li jirreġistraw?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ma jitressqux persuni l-Qorti għax ma jkunux irreġistraw xi annimal/i eżotiku/eżotiċi peress li ma hemm l-ebda obbligu legali.

Ministeru għall-Ġustizzja – rwol ta’ Eks Avukat Ġenerali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu r-rwol tal-Eks Avukat Ġenerali, li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, fi ħdan il-Ministeru tiegħu u x’paga qed jieħu għal dan ir-rwol?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Persuni li nġabu Malta wara li kienu salvati mill-għarqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il grupp ta’ persuni nġab Malta wara li kienu salvati mill-għarqa fis-sena 2023 u d-dati li fihom inġiebu Malta? Kemm kien hemm tfal mhux akkumpanjati f’kull grupp? X’kienu n-nazzjonalitajiet li qalu li huma?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat illi l-Forzi Armati ta’ Malta kkoordinat ħames operazzjonijiet ta’ salvataġġ bejn it-3 ta’ Frar u t-18 t’April 2023 fejn ġew salvati tnejn u disgħin (92) persuna. Minn dawn it-tnejn u disgħin persuna, wieħed iddikjara li hu minorenni mhux akkumpanjat. Il-pajjiżi ta' oriġini ddikjarati mill-persuni salvati huma Bangladexx (75), Eġittu (11), Sudan (5) u persuna li n-nazzjonalità tagħha mhux magħrufa (1). Hekk kif jintemm il-proċess tal-ażil tagħhom, dawk li jinstabu li ma jeħtiġux protezzjoni, tibda l-ħidma sabiex jiġu rritornati immedjatament lura lejn il-pajjiż tal-oriġini tagħhom, bl-istess mod kif ġew ritornati mijiet oħrajn fl-aħħar ftit snin. Dan anke fid-dawl li numru minn dawn il-persuni ġejjin minn pajjiżi b’low recognition rates.

Ittra mill-KE dwar l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk f’Mejju tas-sena l-oħra rċeviex ittra mill-Kummissarju Ewropew Virginijus Sinkevicius dwar l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa? Jekk iva, jista’ jqiegħed kopja tagħha fuq il-Mejda tal-Kamra u jgħid x’kienet ir-risposta tiegħu għal din l-ittra? Jista’ wkoll jgħid jekk wara l-ittra ta’ intimazzjoni (letter of formal notice) li rċieva fil-15 ta’ Frar 2023 dwar l-istess suġġett, ir-risposta ta’ Malta lill-KE ntbagħtitx sad-deadline tal-15 ta’ April 2023? Jista’ jagħtina fil-qosor din ir-risposta fir-rigward ta’ kif Malta reġgħet fetħet staġun għall-kaċċa tal-gamiema fir-rebbiegħa?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-korrispondenza bejn il-Gvern Malti u l-Kummissjoni Ewropea fir-rigward ta’ każijiet pendenti ta’ ksur hija privileġġjata u għaldaqstant din l-informazzjoni ma tistax tingħata.

Ħad-Dingli – inħawi tal-Qattara – passaġġi pubbliċi

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7836, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra site plan dettaljata fejn għandhom jiġu indikati l-passaġġi pubbliċi kollha fl-inħawi tal-Qattara, ġewwa Ħad-Dingli, fid-dawl li l-Awtorità tal-Artijiet huwa obbligu tagħha li jkollha din l-informazzjoni?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li tlabt biex l-informazzjoni tinġabar.

San Ġiljan u Tas-Sliema – enforcement notices pendenti

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7837 fejn jingħad li hemm 18-il enforcement notice pendenti ġewwa San Ġiljan u 22 ġewwa Tas-Sliema, jista’ l-Ministru jagħti l-lista tal-enforcement notices pendenti?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Ninforma wkoll li mid-data tas-sottomissjoni tat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 7837 sal-lum, żdied enforcement notice wieħed, pendenti ġewwa San Ġiljan.

Paceville/San Ġiljan – persuni mħarrka

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 7839 fl-intier tagħha u jgħid kemm ġew imħarrka persuni minn Jannar 2022 sa Diċembru 2022 għaliex għamlu awrina fil-pubbliku f’Paceville/San Ġiljan?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li ma kien hemm ebda każ ta’ persuni mħarrkin minn Jannar 2022 sa Diċembru 2022 fuq dak imsemmi mill-Onor. Interpellant.

Awtorità tal-Ippjanar – Infurzar tal-liġi li kull żvilupp irid ikollu bir

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7840 dwar spezzjonijiet mill-Awtorità tal-Ippjanar biex tara li verament inbnew il-bjar kif ikunu approvati, peress li f’din it-tweġiba jingħad li “l-Awtorità tal-Ippjanar m’għandhiex l-informazzjoni mitluba”, jista’ l-Ministru jgħid kif din l-Awtorità qed tara li l-liġi li titlob li kull żvilupp irid ikollu bir qed tkun infurzata?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għall-mistoqsija parlamentari 7840.

Analisi ta’ kampjuni meħuda minn persuni mwaqqfa minn uffiċjali tal-LESA wara suspett raġonevoli li jkunu taħt l-effett tad-droga

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7831 fejn il-Ministru qal li meta uffiċjali tal-LESA jwaqqfu persuna għaliex ikun hemm suspett raġonevoli li tkun taħt l-effett tad-droga, “il-pulizija titlob l-awtorizzazzjoni ta’ Maġistrat għat-teħid ta’ kampjuni għall-analisi” mingħand din il-persuna, jista’ l-Ministru jgħid kif jista’ jsir dan meta numru ta’ drogi jitilfu t-traċċi tagħhom wara ftit sigħat?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi kif diġa ingħad jekk uffiċjal tal-LESA jwaqqaf persuna u waqt il-qadi ta’ dmirijietu, mhux neċessarjament għaliex ikun hemm suspett raġonevoli li tkun taħt l-effett tad-droga, imma fil-kors ta’ xogħolu, tkun il-pulizija li tiġi nfurmata biex tinvestiga s-suspettat reat. Meta waqt l-investigazzjonijiet tinħass il-ħtieġa, l-pulizija tkun tista tinforma l-Maġistrat ta’ l-għassa u jekk jara li hemm bażi għat-talba tal-pulizija, jiġi awtorizzat li jittieħdu l-analiżi ġewwa l-isptar kif isir meta persuni jkunu involuti f’inċidenti ta’ traffiku f’inkjesta Maġisterjali. Traċċi ta’ sustanzi ta’ diversi drogi kapaċi jdumu fis-sistema ta’ persuna diversi jiem u anke ġimgħat, u ma jintilfux wara sigħat. Għal ċerti sustanzi jibqgħu jimmarkaw fis-sistema tal-bniedem il-fuq minn xahar.

San Ġiljan – Triq Mikiel Anton Vassalli u Triq San Ġorġ – soft areas

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 7061, li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Turiżmu u li issa ġiet riferuta lilha, u tgħid min hu responsabbli għaż-żamma tas-soft areas li hemm fid-dħul għal Paceville ħdejn il-lights, li parti minnhom huma fi Triq Mikiel Anton Vassalli u parti oħra huma fi Triq San Ġorġ?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-soft areas fis-sit li qed jirreferi għalih jaqgħu taħt kuntratt tal-landscaping li tiġġestixxi Ambjent Malta.

Tibdil f’kuntratt għall-għoti ta’ art b’ċens temporanju

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7491, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt datat is-16 ta’ Frar 1961?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-kuntratt li rrefera għalih ġie ppubblikat fl-atti tan Nutar A. Attard fid-19/02/1962. Sussegwentement, St. George’s Bay Hotel Ltd ittrasferew l-enfitewsi għal fuq Garnet Investments Ltd permezz ta’ kuntratt magħmul minn Nut. Malcolm Mangion datat 17/03/2015. Mir-riċerka li għamlet l-Awtorità tal-Artijiet, ma jirriżultax illi l-Gvern għamel xi modifika għal enfitewsi oriġinali.

Individwi/ditti li jipprovdu servizzi professjonali lill-Awtorità tal-Ippjanar u lill-Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7044, jista’ l-Ministru jgħid min huma l-individwi u/jew ditti li jipprovdu s-servizzi professjonali kollha lill-Awtorità tal-Ippjanar u/jew iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra s-segwenti kuntratti: a. termini ta’ riferiment għal reviżjoni tas-servizzi; b. ftehim /jew kuntratti; u ċ. invoices u riċevuti in konnessjoni mas-servizzi mogħtija?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

Gżira – Triq il-Madonna tal-Ġebla — art

Question

B’referenza għall-art, immarkata bl-aħmar fis-site plan li qed tintbagħat separatament, li tinsab fi Triq il-Madonna tal-Ġebla, il-Gżira, jista’ l-Ministru jgħid jekk din hijiex art pubblika jew le? Jekk le, kienet xi darba tal-Gvern? Kif ġiet mgħoddija lil terzi?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tlabt biex l-informazzjoni tinġabar.

Mina mis-Swieqi/Pembroke għal Paceville

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7828, jista' l-Ministru jgħid jekk hux informat li biex l-iżvilupp mill-kumpanija, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, iseħħ, l-Awtorità tal-Ippjanar għamlet il-mina ta' taħt l-art mis-Swieqi/Pembroke għal Paceville bħala kundizzjoni?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tal-Ippjanar m’għamlitx kundizzjoni fuq il-mina mal-kundizzjonijiet maħruġa mal-permess għal dan l-iżvilupp inkwistjoni, li l-istess Awtorità hija obbligata li tosserva.

Kemmuna – Bajja ta’ Blue Lagoon – sejħa pubblika għall-kiri ta’ deckchairs u umbrellel

Question

B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 3826 sa 3830, fejn il-Ministru qal li se tiġi ppubblikata sejħa pubblika biex ikun hemm min joffri servizz ta’ kiri ta’ deckchairs/umbrellel ġewwa l-Bajja tal-Blue Lagoon f’Kemmuna, u b’referenza għal dak li l-Ministru qal dan l-aħħar li mhux se tinħareġ sejħa pubblika qabel ma jitlesta l-istudju ‘long-term plan’ għal din il-bajja, jista’ l-Ministru jgħid min qiegħed jagħmel dan l-istudju, fiex wasal u x’inhuma t-time frames ta’ meta ser jitlesta, jiġifieri jekk hux qabel jibda s-sajf jew wara li jispiċċa s-sajf?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-istudju komprensiv b’viżjoni fit-tul ser jiffoka fuq diversi aspetti tal-gżira, inkluż il-Bajja ta’ Blue Lagoon.