B’referenza għall-applikazzjoni PA03215/20, jista’ l-Ministru jgħid għaliex Transport Malta ma talbitx li jsir AADT report meta din iż-żona diġà hija waħda problematika għat-traffiku? Jista’ jgħid kif Transport Malta aċċettat li jitneħħew ukoll ħames parkeġġi, fosthom wieħed għall-persuni b’diżabiltà? Jista’ jagħti r-raġuni għal dan?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta m’għandha l-ebda talba pendenti mill-Kunsill Lokali sabiex isir parkeġġ riservat għall-persuni b’diżabilità fl-inħawi msemmija.
Awtorità tal-Ippjanar – smigħ ta’ applikazzjonijiet online
Question
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex l-applikazzjonijiet fl-Awtorità tal-Ippjannar għadhom jinstemgħu biss online u mhuwiex permess li jkun hemm min jattendi fiżikament? Ma jaħsibx li dan mhux qed jagħti l-istess opportunitjiet lil dawk li jixtiequ jkunu objectors imma ma jafux jużaw is-sistema online?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tikkonferma li l Kunsill Eżekuttiv, il-Bord tal-Ippjanar u l-Kummissjoni għall-Barra miż-Żona tal-Iżvilupp u Żoni ta’ Konservazzjoni Urbana huma miftuħa għall-pubbliku biex ikunu preżenti għal waqt il-laqgħat tagħhom. Għalkemm il-Kummissjoni għaż-Żona tal-Iżvilupp ma tinfurmax lill-pubbliku li jista’ jattendi fiżikament waqt is-seduti, kull min attenda jew talab biex jattendi, dejjem kienu infurmati li jistgħu jattendu. L-uniku Kummissjoni li mhix miftuħa għall-pubbliku hija l-Kummissjoni tal-Iskema ta’ Regolarizzazzjoni li għandha restrizzjoni ta’ spazju.
San Ġiljan – Triq Telgħet B’Kara – twaqqigħ ta’ bini
Question
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex l-Awtorità tal-Ippjanar ma kkonsultatx mas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali meta kien hemm applikazzjoni ġewwa Triq Telgħet B’Kara, f’San Ġiljan, bil-konsegwenza li sar twaqqigħ li skont is-Sovrintendenza ma kellux iseħħ?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jikkjarifika dwar liema applikazzjoni qed jirreferi.
Uffiċċju tal-Prim Ministru — ċelebrazzjonijiet tad-19-il sena minn meta Malta ngħaqdet mal-Komunità Ewropea
Question
Fid-dawl li l-Uffiċċju tal-Prim Ministru stieden lill-Membri Parlamentarti kollha għaċ-ċelebrazzjonijiet tad-19-il sena minn meta Malta ngħaqdet mal-Komunità Ewropea, jista’ l-Prim Ministru jgħid għaliex numru ta’ Deputati ma tħallewx jipparkjaw il-vetturi tagħhom fil-parkeġġ riservat tagħhom quddiem il-Bank Ċentrali filwaqt li numru oħrajn tħallew?
Response (ABELA, ROBERT)
Nemmen li l-parkeġġ riservat għad-deputati għandu jkun disponibbli f'kull okkażjoni, kif qed jgħid l-Onor. Interpellant.
Ħruġ tal-iskart minn appartament Airbnb jew tal-kiri
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-pjan tiegħu biex tissolva l-problema tal-ħruġ ta’ skart minn appartament Airbnb jew tal-kiri f’diversi lokalitajiet?
Response (BONNICI, OWEN)
Filwaqt illi nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweiba li kienet ingħatat għad-domanda parlamentari bin-numru 7062, ninsab infurmat illi qed jittieħdu miżuri wkoll sabiex jiżdied l-infurzar fuq min jinqabad li qed jabbuża u joħroġ il-borża mhux fil-ġurnata t-tajba skont kif indikat fl-iskeda nazzjonali.
Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-membri li jifformaw il-Wild Birds Regulation Unit (WBRU)? Fuq liema kriterju ntgħażlu dawn il-membri u/jew lil min jirrappreżentaw? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapporti ta’ kull sena mill-2018 sal-2023?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-Taqsima tar-Regolamentazzjoni għall-Għasafar Selvaġġi tikkonsisti minn Direttur, Assistent Direttur u disa' uffiċjali oħra. L-uffiċjali kollha ġew impjegati fuq il-bażi tal-għarfien u l-esperjenza tagħhom fir-rigward tal-pożizzjoni li jaqdu. L-uffiċjali kollha jirrappreżentaw direttament lit-Taqsima. Fir-rigward tal-kopji tar-rapporti mitluba, mhuwiex ċar x'tip ta' rapporti qed jintalbu. Madankollu, ir-rapporti kollha ppubblikati mill-WBRU huma pubbliċi u disponibbli fuq il-websajt tagħha taħt is-sezzjoni ‘Reports and Statistics’.
Rabat, Ħad-Dingli, Tas-Sliema u Gżira – toroq li ngħataw it-tarmak
Question
Jista’ l-Ministru jippreżenta lista tat-toroq kollha li ngħataw it-tarmak mill-2013 sad-data ta’ meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari ġewwa r-Rabat Malta, Ħad-Dingli, Tas-Sliema u l-Gżira?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.
B’referenza għall-applikazzjoni PA03215/20, fejn il-Commission for the Rights of Persons with Disability (CRPD) ma sabitx problema li jitneħħa disabled blue bay parking biex minflok ikun hemm pompa tal-petrol, tista’ l-Ministru tgħid kif l-istess CRPD waslet għal din il-konklużjoni li tapprova t-tneħħija ta’ dan il-parking bay f’żona li diġà hija problema kbira għall-persuni bil-blue badge biex isibu fejn jipparkjaw il-vettura tagħhom?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għall-kuntrarju ta' dak li qed jafferma fid-domanda tiegħu, il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (CRPD) effettivament sabet problema li jitneħħa l-parkeġġ riservat. Tant hu hekk, illi hi approvat il-permess mil-lat ta' aċċessibilità b'riżervi, bl-ewwel waħda tkun illi dak il-parkeġġ partikolari għandu jinżamm u li għandu jkun hemm parkeġġ riservat. Dan huwa faċilment verifikabbli mill-pjattaforma E-Apps tal-Awtorità tal-Ippjanar, iżda għal kull bon fini, qiegħda npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-Accessibility Audit Report tal-Kummissjoni datat 20 ta' Ottubru 2022.
Fuq il-Mejda tal-Kamra qed inpoġġi wkoll il-Case Officer Report li a fol 5 jagħmel referenza għal-fatt li s-CRPD għandha xi riżervi, u a fol 9 jimponi li l-iżvilupp huwa suġġett għall-clearancemingħand is-CRPD skont l-Accessibility Audit Report tagħha sabiex l-Awtorità tal-Ippjanar toħroġ il-Final Compliance (Compliance) Certificate. Sallum, is-CRPD ma rċevietx talba biex toħroġ il-clearance tagħha, lanqas ma ġiet ikkonsultata dwar il-pjanti ġodda li ssottometta l-applikant wara Ottubru 2022.
Tajjeb li nfakkar lill-Onor. Interpellant illi ma hemm xejn li jżomm Kunsill Lokali milli jitlob sabiex jiġu installati parkeġġ riservati, liema talba għandha ssir lill-awtorità komptenti, li m'hijiex is-CRPD.
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-dokument li bih ġew estiżi l-konċessjonijiet tal-bajjiet f’Kemmuna? Jista’ jgħid ukoll liema kienu l-bajjiet li kellhom il-konċessjoni mġedda awtomatikament?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’Kemmuna ma hemm l-ebda konċessjoni.
B’referenza għall-istqarrija tal-Kunsill Lokali tan-Naxxar dwar numru ta’ caravans fi Triq il-Kosta, f’Baħar iċ-Ċagħaq, u b’referenza għall-wegħda li għamel lill-istess Kunsill li ser ikun qiegħed isolvi din il-problema, jista’ l-Ministru jgħid x’passi ħa jew biħsiebu jieħu?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul dawn l-aħħar xhur saru diversi laqgħat fosthom mal-Kunsill Lokali tan-Naxxar, sabiex din il-kwistjoni tiġi indirizzata bl-aktar mod idoneu.
B’referenza għall-istqarrija tal-Kunsill Lokali tan-Naxxar dwar numru ta’ caravans fi Triq il-Kosta, f’Baħar iċ-Ċagħaq u s-Salini, jista’ l-Ministru jgħid jekk is-sidien ta’ dawn il-caravans għandhomx encroachment permit fuq din l-art pubblika?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. interpellant li tlabt biex l-informazzjoni tinġabar.
B’referenza għall-istqarrija tal-Kunsill Lokali tan-Naxxar dwar numru ta’ caravans li qed jokkupaw art pubblika fi Triq il-Kosta, f’Baħar iċ-Ċagħaq u fis-Salini, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’passi ħa jew se jieħu biex jassigura s-saħħa pubblika fid-dawl li m’hemmx faċilitajiet tad-drenaġġ u sistemi oħra li jħarsu s-saħħa pubblika?
Response (FEARNE, CHRIS)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari numru 8370.
Kunsill Lokali Naxxar – by-law dwar caravans fil-Coast Road
Question
B’referenza għall-istqarrija tal-Kunsill Lokali tan-Naxxar dwar numru ta’ caravans li qed jokkupaw art bla permess fi Triq il-Kosta, f’Baħar iċ-Ċagħaq u fis-Salini, u fid-dawl li l-istess Kunsill Lokali kellu bye-law biex tkun approvata mill-istess Ministeru, jista’ l-Ministru jgħid għaliex din il-bye-law ma kenitx approvata? X’passi se jieħu biex il-fehma tal-Kunsill Lokali, meqjus bħala ‘Gvern Lokali’, tkun rispettata?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat illi b’referenza għas-suġġett mertu ta’ din l-interpellanza għaddejjin taħdidiet u laqgħat mal-istakeholders rilevanti kollha bil-għan li din il-kwistjoni tiġi indirizzata bl-aktar mod idoneu.
B’referenza għall-istqarrija tal-Kunsill Lokali tan-Naxxar dwar numru ta’ caravans fi Triq il-Kosta, f’Baħar iċ-Ċagħaq u fis-Salini, tista’ l-Ministru tgħid jekk l-Enemalta għaddietx b’mod temporarju jew le s-servizz tal-elettriku lis-sidien ta’ dawn il-caravans?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Enemalta tipprovdi l-meter temporanju tal-elettriku lil kull min japplika għal dan is-servizz.
Inkjesta dwar il-mewt ta’ żagħżugħ fiċ-Ċentru ta’ Detenzjoni ta’ Ħal Far
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-inkjesta dwar iż-żagħżugħ ta’ 19-il sena li miet fiċ-Ċentru ta’ Detenzjoni ta’ Ħal Far fit-2 ta’ Settemrbu 2020 ntemmietx u x’kien l-eżitu tal-inkjesta?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi din l-inkjesta partikolari għadha mhux magħluqa.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx x’indikazzjoni li l-iġsma li nstabu madwar il-kosta ta’ Malta minn Jannar 2022 sal-lum setgħu kienu vittmi ta’ nawfraġju ta’ dgħajjes? Jista’ jgħid ukoll kemm-il katavru nġabar minn madwar il-kosta mill-1 ta’ Jannar 2023 sal-lum, kemm minnhom ġew identifikati u x’sar minn dawn il-katavri?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi mill-1 ta’ Jannar 2022 sat-23 ta’ April 2023, ittellgħu disa' katavri mill-ibħra Maltin u dawn għadhom mhux identifikati. Meta katavri jinsabu, dawn ikunu suġġett ta’ inkjesta maġisterjali biex tiġi stabbilita l-kawża tal-mewt, waqt li l-pulizija tieħu l-passi neċessarji biex tiġi identifikata l-vittma, jekk ikun possibbli.
Jista’ l-Ministu jgħid jekk l-Awtorità tal-Ippjanar ħarġitx permess biex ikun hemm id-demolizzjoni totali ġewwa Kordin proprju fejn seħħet il-mewta traġika ta’ żagħżugħ ta’ 20 sena u kien hemm persuni oħra li sofrew xi ġrieħi? Jekk l-Awtorità ħarġet tali permess, jista’ jgħid min kien responsabbli għall-ħruġ ta’ dan il-permess?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.
Fid-dawl tal-inċident fejn kien hemm demolizzjoni u ġġarraf bini ġewwa Kordin, fejn anke miet żagħżugħ, u li preżentement hemm inkjesta maġisterjali, jista’ l-Ministru jikkonferma li l-evidenza kollha ġiet miġbura u mħarsa?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi skont l-artikolu 518 tal-Kodiċi Kriminali l-kontenut tal-inkjesta huwa sigriet u magħruf biss lill-Maġistrat.