Legislature:
Category:
Reset
Active:

Is-Swieqi - Short lets - Proġett pilota

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jagħti update ta’ fejn wasal il-proġett pilota dwar ix-short lets li tħabbar li ser isir fis-Swieqi?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-aħħar tal-2025 il-Gvern nieda proġett pilota biex jindirizza l-impatt ta’ attivitajiet turistiċi fil-lokalitajiet tal-Belt Valletta u s-Swieqi.  Il-proġett jinsab f'fażi ta’ implimentazzjoni. Il-Ministeru, wara li sema' l-preokkupazzjonijiet tal-Kunsilli Lokali kkonċernati, għamel eżerċizzju fejn ġabar lista ta’ proposti u miżuri, li ġiet diskussa u riveduta flimkien mal-Kunsilli Lokali rispettivi. Ġew identifikati l-miżuri li fuqhom qed isir ix-xogħol b’mod koordinat ma’ Ministeri u entitajiet oħra li wrew l-appoġġ tagħhom għall-inizjattiva. Il-proġett għandu l-għan li jibbilanċja l-bżonnijiet tal-komunità mat-tkabbir tal-industrija, b’enfasi akbar fuq l-ordni pubblika, s-sigurtà, kif ukoll il-ġestjoni tal-iskart.

Fort Cambridge - Ftehim

Question

B’referenza għall-ftehim li kien sar f’April 2007 bejn il-Gvern Malti u l-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament fuq is-sit ta’ Fort Cambridge (site plan anness), jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ dan il-ftehim? Jista’ jgħid jekk Fort Cambridge u l-glacis (open defensive land) ġewx restawrati kif kienet obbligata tagħmel il-kumpanija skont il-ftehim? Jekk le, jista’ jgħid x’passi ser jieħu l-Gvern biex jara li dan iseħħ?  Jista’ jgħid meta ser tinfetaħ għall-pubbliku l-art li tinsab f’din il-konċessjoni u li tmiss ma’ Triq ix-Xatt ta’ Qui-Si-Sana u Triq Ċensu Xerri (kif jidher mis-site plan anness) kif kellu jsir skont il-ftehim? Jista’ jgħid ukoll x’passi ser jieħu l-Gvern biex din il-biċċa art tinfetaħ għall-pubbliku, anke fid-dawl li  l-Gvern qiegħed joħloq diversi spazji pubbliċi?

Response (BONNICI, OWEN)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt flimkien mal-pjanta tal-istess kuntratt kif mgħoddija lili. Rigward ir-restawr tal-Forti Cambridge u tal-Glacis, u l-aspetti li għandhom x’jaqsmu mal-ftuħ ta’ toroq u spazji pubbliċi, il-kuntratt jiddetermina li dawn għandhom isiru skond il-permessi tal-Ippjanar.

Kumpanija - Debituri

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32887 fejn kien intqal li l-informazzjoni ma tistax tingħata għaliex il-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament hija ‘public limited company’, jista’ l-Prim Ministru jwieġeb din il-mistoqsija fid-dawl li l-Gvern għandu l-maġġoranza tal-ishma fl-istess kumpanija u ċjoè jgħid jekk din il-kumpanija għandiex debituri? Jekk iva, jista’ jagħti d-dettalji tal-ammonti li għandhom f’debitu?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-kumpanija inkwistjoni hija Public Limited Company.  Għaldaqstant, ma nistax nipprovdi informazzjoni dwarha.

Kumpanija - Kredituri - Talbiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32885 li fiha l-Ministru rreferieni għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32283, fejn intqal li l-informazzjoni ma tistax tingħata għaliex il-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, hija ‘public limited company’, jista’ l-Prim Ministru jwieġeb din il-mistoqsija fid-dawl li l-Gvern għandu l-maġġoranza tal-ishma f’dik il-kumpanija? Jista’ għaldaqstant jgħid kemm huma stmati t-talbiet tal-kredituri li għandha din il-kumpanija?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-kumpanija inkwistjoni hija Public Limited Company.  Għaldaqstant, ma nistax nipprovdi informazzjoni dwarha.

Is-Siġġiewi - Proġett tal-housing estate - Nefqa

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm ġie jiswa l-proġett tal-housing estate li nbena fis-Siġġiewi? Jista’ jgħid ukoll kemm hemm appartamenti u kemm minnhom huma ta’ kamra tas-sodda waħda (one-bedroom), ta’ żewġt ikmamar tas-sodda (two-bedroom) u ta’ tliet kmamar tas-sodda (three-bedroom) f’dan il-housing estate?

Response (ABELA, ROBERT)

It-tagħrif għadu qed jinġabar.

Kumpanija - Qagħda finanzjarja

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32881, fejn kien intqal li l-informazzjoni ma tistax tingħata għax din hija ‘public limited company’, fid-dawl li din hija kumpanija fejn il-Gvern għandu maġġoranza tal-ishma, jista’ l-Prim Ministru jagħti l-informazzjoni mitluba u ċjoè jgħid x’kienet il-qagħda finanzjarja tal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament f’Mejju 2024, f’Jannar 2025, f’Mejju 2025 u f’Novembru 2025? Jista’ wkoll jagħti dettalji dwar għaliex hemm diverġenzi kbar minn sitwazzjoni ta’ profitt qawwi għal qagħda ta’ insolvenza?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-kumpanija inkwistjoni hija Public Limited Company.  Għaldaqstant, ma nistax nipprovdi informazzjoni dwarha.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin - Priġunieri taħt l-effett ta’ droga

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk inqabdux priġunieri fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin li kienu taħt l-effett ta’ droga f’dawn l-aħħar tliet xhur, u jekk iva, kemm?  Jista’ jgħid ukoll kemm instabu oġġetti ta’ periklu bħal skieken, ħadid u oġġetti oħra mingħajr permess, matul dan l-istess perjodu?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li bejn l-2024 u l-2025 saru 11,088 test li minnhom 10 biss kienu pożittivi, u għalhekk huma biss 0.09% pożittivi filwaqt 99.91% kienu negattivi. Dan juri kif il-ħidma ta’ prevenzjoni, il-ħidma li ssir ta’ kuljum u l-investiment li sar fosthom ta’ scanners - qiegħda tħalli r-riżultati mixtieqa. Minn faċilità korrettiva mifnija bid-droga, għal faċilità li naddafniha mid-droga għaliex spiċċa wkoll iż-żmien li l-ħabs imexxuh il-barunijiet tad-droga. Għalhekk, jikkumplimenta din il-ħidma hemm ukoll infurzar kontinwu biex nassiguraw id-dixxiplina permezz ta’ tfittxijiet ta’ rutina li jsiru spissi. Magħhom ukoll qed issir ħafna ħidma favur politika ġenwina ta' riabilitazzjoni kif kelli ċans niprovdi informazzjoni diversi drabi. Dan anke permezz ta'.diversi professjonisti li jaħdmu fil-ħabs flimkien mal-uffiċjali Korrettivi. Wkoll ħidma ma' entitajiet oħrajn bħalma huma Il-Caritas, Fondazzjoni Rise, u Fondazzjoni mid-Dlam għad-Dawl.

San Ġwann - Triq Bella Vista - Xogħlijiet

Question

B’referenza għall-istat li tinsab fih Triq Bella Vista, San Ġwann, fejn parti minnha jonqsilha l-aħħar saff tat-tarmak u fejn parti oħra (ħdejn il-Kappella ta’ San Ġwann) għad trid issir, jista’ l-Ministru jgħid meta hu ppjanat li jsiru dawn ix-xogħlijiet?

Response (BONETT, CHRIS)

L-informazzjoni tingħata f’seduta oħra.

Il-Balluta, Triq Ċensu Tabone - San Ġiljan, Triq il-Kbira - Tas-Sliema, Triq Depiro - Xogħlijiet

Question

B’referenza għall-istat li jinsabu fih it-toroq: Triq Ċensu Tabone, il-Balluta, Triq il-Kbira, San Ġiljan u Triq Depiro, Tas-Sliema, jista’ l-Ministru jgħid meta dawn it-toroq ser ikollhom it-tarmak u t-tiswija meħtieġa?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant lix-xogħol fuq dawn it-toroq se jkun is-segwenti: ·        Triq Ċensu Tabone - ħa jkun qiegħed jingħata wiċċ ġdid matul ix-xahar ta’ Frar 2026. ·        Triq il-Kbira  - wara li jitlestew ix-xogħlijiet fir Triq Ċensu Tabone, ħa jkunu qegħdin jitkomplew ix-xogħlijiet f’din it-triq permezz ta’ trinek proposti. ·        Triq Depiro -  ix-xogħlijiet fuq trinek u bankini jitkomplew fi Frar, fejn eventwalment jibda xogħol ta’ bini ġdid tat-triq.

Ftehim militari bilaterali bejn Malta u l-Ingilterra

Question

B’referenza għall-Ftehim militari bilaterali bejn Malta u l-Ingilterra, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid jekk dan imurx kontra l-artiklu 1.3 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta? Jekk le, jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-parir legali fuq dan, kif ukoll kopja ta’ dan il-ftehim?

Response (BORG, IAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Proprjetajiet - Spezzjonijiet għal under declaration

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 32888 u 33161 u jgħid kemm saru spezzjonijiet fuq proprjetajiet li nxtraw biex jaraw li ma kienx hemm under declaration mill-2020 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Kemm kien hemm persuni li nstabu li kellhom under declaration u li ma jirriflettix il-piż attwali matul l-istess perjodu?  Jista’ jgħid ukoll kemm inġabru taxxi b’dan il-mod matul l-istess perjodu?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Aġenzija għas-Servizzi ta’ Detenzjoni - Rapport annwali

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Medja tal-Kamra r-rapport annwali tal-Aġenzija għas-Servizzi ta’ Detenzjoni għas-snin 2023 u 2024?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r- rapporti annwali mill-Aġenzija għas-Servizzi ta’ Detenzjoni għas-snin 2023 u 2024 qed jitpoġġew fuq il-mejda tal-kamra.

Proprjetajiet - Spezzjonijiet għal under declaration

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 32888 u jgħid kemm saru spezzjonijiet fuq proprjetajiet li nxtraw biex jaraw li ma kienx hemm under declaration mill-2020 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Kemm kien hemm persuni li nstabu li kellhom under declaration u li ma jirriflettix il-piż attwali matul l-istess perjodu?  Jista’ jgħid ukoll kemm inġabru taxxi b’dan il-mod matul l-istess perjodu?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Pembroke – Inċident fatali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid lill-Kamra fiex waslet l-investigazzjoni dwar inċident li seħħ fis-26 ta’ Lulju 2025 ġewwa Pembroke fejn individwu li kien qiegħed isuq mutur tilef ħajtu wara li ntlaqat minn karozza?  Jista’ jgħid jekk ix-xhieda kollha kinux intervistati mill-pulizija, u jekk le, għaliex dan ma sarx? Jista’ jgħid ukoll jekk is-sewwieq tal-karozza involuta fil-ħabta għadux f’pajjiżna u x’miżuri qed jittieħdu biex jibqa’ fil-pajjiż?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija u/jew ta' Inkjesti Maġisterjali huma għal kollox indipendenti mill-politiku.

Kuntratt ta’ xiri ta’ proprjetà immobbli - Stamp duty - Ħlas

Question

Meta jsir kuntratt ta’ xiri ta’ proprjetà immobbli, jista’ l-Ministru jgħid jekk id-Dipartiment tat-Taxxa jesiġix li l-ħlas tal-istamp duty tkunx ikkalkulata fuq il-valur tal-proprjetà dakinhar li jsir l-akkwist finali?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor interpellant li l-Amministrazzjoni tat-Taxxa u Dwana timxi skont il-provedimenti tal Artikolu 32(1) tat-Taxxa Fuq Dokumenti u Trasferimenti (Kap. 364) tal-Liġijiet ta’ Malta, u tar-Regola 3(1) tal-Liġi Sussidjarja 364.06 li jaqraw kif ġej rispettivament: 32.(1) Għandha  titħallas  fuq  kull  dokument  u  fuq  kull sentenza, digriet jew ordni ta’ kull qorti jew awtorità oħra leġittima, li bihom ħaġa immobbli jew xi dritt reali fuq xi immobbli jiġi trasferit lil xi persuna u fuq kull dikjarazzjoni magħmula skont l-artikolu 33, għar-rigward ta’ persuni li minnhom joriġina t-trasferiment causa mortis li mietu fi jew wara t-23 ta’ Novembru,1999, taxxa ta’ ħames euro (5) għal kull mitt euro (100) jew parti minnha tal-ammont jew tal-valur ta’ dak li jingħata bil-ħlas tal-ħaġa trasferita jew tal-valur ta’ dik il-ħaġa, liema jkun l-akbar. 3.(1)  (a)    Il-valur  ta’  kull  proprjetà  soġġetta  għat-taxxa skont l-Att dwar it-Taxxa fuq Dokumenti u Trasferimenti, mgħoddija bi trasferiment inter vivos jew causa mortis, għandu jkun il-valur ta’ dik il-proprjetà fid-data ta’ dak it-trasferiment inter vivos, jew fid-data tal-mewt tal-persuna li minnha jkun oriġina t-trasferiment causa mortis, skont il-każ, (hawnhekk iżjed’il quddiem imsejħa "id-data rilevanti") u dak il-valur għandu jiġi stabbilit skont dawn id-dispożizzjonijiet li ġejjin: Iżda fejn ikun ingħata avviż dwar wegħda ta’bejgħ skont l-artikolu 3(6) tal-Att dwar it-Taxxa fuq Dokumenti u Trasferimenti, u l-wegħda ta’ bejgħ tkun saret għal żmien ta’ mhux aktar  minn sena (1), jew tlett (3) snin f’każ fejn il-proprjetà tikkonsisti f’unità fi proġett akkwistat fuq pjan, id-data rilevanti għandha tkun id-data tal-wegħda ta’ bejgħ: Iżda wkoll f’każ fejn isiru miljoramenti bejn id-data tal-wegħda ta’ bejgħ u d-data ta’ trasferiment, id-data rilevanti għandha tkun id-data tat-trasferiment; (b) Id-dispożizzjonijiet ta’ din is-subregola għandhom japplikaw mill-15 ta’ Ottubru 2019.

Palestine - Public contracts - Careful scrutiny

Question

To ask the Prime Minister if Malta Government has undertaken a careful scrutiny of public contracts with companies that are in violation of international law in Palestine? What mechanisms are in place to ensure that Malta is not complicit, or aiding and assisting in violations of international law, particularly in conflict zones and where there may be a risk of genocide and/or allegations of atrocity crimes including apartheid?

Response (ABELA, ROBERT)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Genocide Convention - International law obligations - Policies and measures

Question

To ask the Deputy Minister and Minister for Foreign Affairs and Tourism what are the policies and measures that the Malta Government has put in place to ensure that Malta is upholding its international law obligations under the Genocide Convention and other obligations, especially those that were clarified by the ICJ advisory opinion of July 2024? What particular mechanisms has the Malta government put in place to undertake due diligence and risk assessments to prevent collaboration in arms and energy supplies to conflict zones?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern Malti jieħu l-obbligi tiegħu skont il-liġi internazzjonali bis-serjetà ħafna. Dan li ġej huwa l-approċċ ta’ Malta biex tiżgura konformità mal-obbligi internazzjonali: •    Qafas Leġiżlattiv: Malta għandha qafas legali nazzjonali robust f'konformità mal-obbligi internazzjonali tagħha. Liġijiet rilevanti jirregolaw ukoll l-esportazzjoni ta' armi, enerġija, u oġġetti b'użu doppju. •    Mekkaniżmi ta' Diliġenza Dovuta: Malta tirrikjedi li l-esportazzjonijiet jgħaddu minn valutazzjonijiet stretti ta' diliġenza dovuta qabel l-approvazzjoni. Dan jinkludi l-evalwazzjoni tar-riskju ta' devjazzjoni lejn żoni ta' kunflitt u l-allinjament mas-sanzjonijiet tan-NU u tal-UE. Huwa importanti li wieħed jinnota li d-deċiżjonijiet kummerċjali minn operaturi privati, inkluż il-merkanzija u d-destinazzjoni, jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tagħhom, u r-rwol ta' Malta huwa li tiżgura li l-esportazzjonijiet kollha jikkonformaw mar-rekwiżiti legali u regolatorji applikabbli. •    Koordinazzjoni Interaġenzjali: Malta tkompli tiżgura koordinazzjoni interministerjali biex tivvaluta r-riskji u tiżgura konformità mal-obbligi internazzjonali. •    Monitoraġġ u Infurzar: Malta tissorvelja b'mod attiv il-konformità mal-kundizzjonijiet tal-liċenzjar u tista' tissospendi jew tirrevoka liċenzji jekk ikun hemm riskju li l-esportazzjonijiet jistgħu jikkontribwixxu għal ksur tad-dritt internazzjonali. Hemm ukoll mekkaniżmi fis-seħħ biex jinvestigaw u jissanzjonaw kwalunkwe ksur. •    Impenn Internazzjonali: Malta timpenja ruħha b'mod attiv mal-UE, in-NU, u korpi multilaterali oħra biex tiżgura azzjoni kkoordinata u aderenza għall-istandards internazzjonali. Permezz ta’ dawn il-miżuri, Malta tfittex li tirrispetta bis-sħiħ l-obbligi internazzjonali tagħha, filwaqt li tirrikonoxxi li d-deċiżjonijiet operattivi u kummerċjali tal-operaturi privati, għalkemm jaqgħu barra mill-kontroll dirett tal-Gvern Malti, xorta waħda jridu jibqgħu strettament konformi mal-liġi Maltija, tal-UE u dik internazzjonali.

Malta’s airspace - Military planes

Question

To ask the Minister how many military planes have transited through Malta’s airspace and/or used our airports or have been serviced at Malta’s airports since October 2023? Were any of these military planes, and also were there any civilian planes carrying weapons/military material and destined to Israel?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jressaq din il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Malta flagged ships - Ports in Israel

Question

To ask the Minister how many Malta flagged ships have used ports in Israel since October 2023? How many were used to deliver military material and/or energy and how many transported other goods?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi tali informazzjoni ma tinġabarx mill-Awtorita’ Maltija għat-Trasport.

Skema ‘Nikru biex Nassistu’ - Membri tal-bord

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-membri tal-bord li jiddeċiedu li jaċċettaw l-offerti ta’ sidien li wrew l-interess tagħhom li l-proprjetajiet tagħhom jidħlu fl-iskema ‘Nikru biex Nassistu’? Jista’ jgħid ukoll x’inhuma l-kriterji tal-għażla?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-iskema Nikru Biex Nassistu hija miftuħa għal kull individwu li jixtieq jikri l-proprjetà vakanti tiegħu lill-Awtorità tad-Djar sabiex tintuża għall-akkomodazzjoni soċjali għal perjodu ta’ għaxar snin. Il-kundizzjonijiet sabiex proprjetà tiġi aċċettata huma viżibbli għal kulħadd fuq il-websajt tal-Awtorità tad-Djar.