Legislature:
Category:
Reset
Active:

Awtorità dwar il-Mediċini – liċenzja GMP

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb għall-mistoqsija parlamentari 9635 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet u tgħid kemm kien hemm li rċevew liċenzja Good Manufacturing Practice (GMP) mill-Awtorità dwar il-Mediċini?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat mill-Awtorità msemmija minnu stess fil-mistoqsija.

Awtorità tal-Ippjanar – passi fir-rigward ta’ żvilupp f’Tal Pietà

Question

B’referenza għall-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li joqgħod ġewwa tal-Pietà, fejn il-proprjetà tiegħu spiċċat fid-dlam minħabba żvilupp ieħor li sar maġenbu u li l-Qorti f’Diċembru li għadda qalet li l-permess għal dan l-iżvilupp ġie annullat u revokat, jista’ l-Ministru jgħid x’passi ser tieħu l-Awtorità tal-Ippjanar biex dan l-iżvilupp li sar, u li huwa kontra l-liġi, jitneħħa?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

Rapport tal-OHSA — Inkjesta maġisterjali dwar il-mewt ta’ individwu

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 9467, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport mill-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) fuq dan l-inċident?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika dwar liema inċident qed jirreferi.

Liġijiet u kawżi dwar il-kontroll tal-istorbju, ħsejjes eċċessivi u disturb tal-ġirien

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 9472 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid: a. liema huma l-liġijiet applikabbli għall-kontroll tal-istorbju, ħsejjes eċċessivi u disturb tal-ġirien; b. kemm-il kawża saret quddiem il-Qrati Maltin bejn l-2020 u Mejju 2023 dwar kontroll tal-istorbju, ħsejjes eċċessivi, u disturb tal-ġirien; ċ. kemm persuni nstabu ħatja; u d. jekk il-Gvern għandux intenzjoni jtejjeb il-liġijiet dwar storbju, ħsejjes eċċessivi, u disturb tal-ġirien, u forsi jħarrax il-pieni?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-liġijiet applikabbli għall-kontroll tal-istorbju, ħsejjes eċċessivi u disturb tal-ġirien huma l-Kodiċi Kriminali, Kap.9, il-Kodiċi tal-Liġijiet tal-Pulizija, Kap. 10, u l-Leġiżlazzjoni Sussidjarja tar-Regolamenti biex Jinżamm il-Bon Ordni f’Lokalitajiet ta’ Divertiment. Rigward kemm-il kawża saret quddiem il-Qrati Maltin bejn l-2020 u Mejju 2023 dwar kontroll tal-istorbju, ħsejjes eċċessivi, u disturb tal-ġirien u kemm persuni nstabu ħatja ninforma lill-Onor. Interpellant li peress illi r-reati dwar kontroll tal-istorbju, ħsejjes eċċessivi, u disturb tal-ġirien huma ta’ kompetenza ordinarja, l-Aġenzija ma żżomx statistika dwar il- kawżi li huma tad-distrett.

ORNIS Committee – membri

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 8375, jista’ l-Ministru jwieġeb għal mistoqsija u jgħid min huma l-membri li jiffurmaw l-ORNIS u mhux kif dawn jinħatru, u għaldaqstant, jista’ l-Ministru jagħti lista sħiħa bl-isem u l-kunjom ta’ min huma l-membri tal-bord pubbliku tal-ORNIS?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi l-lista fuq il-Mejda tal-Kamra.

Permess għad-demolizzjoni ta’ sit

Question

B’referenza għal tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 9475, jista’ l-Ministru jgħid jekk persuna għandhiex bżonn il-permessi meħtieġa mill-Awtorità tal-Ippjannar jekk irid iwaqqa’ binja?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Nitlob lill-Onorevoli interpellant jirreferi għat-tweġiba Parlamentari numru 9475.

Bord tal-Appelli dwar l-Immigrazzjoni – membri

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 9343, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ġustizzja, u jgħid min huma l-persuni li nħatru membri tat-tliet Diviżjonijiet tal-Bord tal-Appelli dwar l-Immigrazzjoni? Jista' jagħti lista tal-irwoli u/jew ħatriet oħra li għandhom dawn il-membri mas-Servizz Pubbliku jew ma’ xi entitajiet pubbliċi?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li l-lista tal-persuni li nħatru membri tat-tliet Diviżjonijiet tal-Bord tal-Appelli dwar l-Immigrazzjoni huma kif indikat fit-tabella t’hawn taħt: Immigration Appeals Board Div I (Bord tal-Appell dwar l-Immigrazzjoni) Avv. Scerri Ferrante Juliana Chairperson Dr. Martha Mifsud Member Dr. Mario Mifsud Member Dr. Ilona Schembri Secretary Immigration Appeals Board - Div 2 Dr. Maria Cardona Chairperson Dr. Gaynor Saliba Member Dr. Alexander Scerri Herrera Member Ms. Valentina Cassar Secretary Immigration Appeals Board - Div 3 Dr. Matthew Xuereb Chairperson Dr Joey Reno Vella Member Dr Daniel Attard Member Mr. Duncan Genuis Secretary Substitute Member for Divisions (Bord tal-Appell dwar l-Immigrazzjoni) Mr. Peter Paul Caruana Member

Awtorità tal-Ippjanar – deċiżjoni tal-qorti li tiddikjara applikazzjoni ħażina

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-pożizzjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar meta jkun hemm sentenza tal-qorti li tgħid li l-applikazzjoni kienet waħda ħażina u kontra l-liġi iżda l-bini jkun laħaq tela’? Jista’ jikkonferma li skont it-Taqsima IX tal-Att dwar l-Ippjanar tal-Iżvilupp (Kap. 552) l-Awtorità tista’ titlob li dan jitwaqqa’?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif se jingħata f’seduta oħra.

Baħar iċ-Ċagħaq — ftehim milħuq rigward il-caravans

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra, kopja tal-ftehim/by-law milħuq mal-kunsilli lokali fuq il-caravans ġewwa Baħar iċ-Ċagħaq?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-konsultazzjonijiet mal-Kunsilli Lokali kkonċernati dwar din il-materja qegħdin fi stadju avvanzat. Kwalunkwe leġiżlazzjoni sussegwenti tiġi naturalment resa pubblika mal-pubblikazzjoni.

Sidien ta’ art

Question

B’referenza għall-porzjon ta’ art indikata bl-aħmar fuq il-pjanta li qed tintbagħat separatament, jista’ l-Ministru jispeċifika min huma s-sidien ta' din l-art (inkluż jekk hemmx proprjetà tal-Gvern) u jgħid liema porzjon ta’ art hija proprjetà tas-sidien rispettivi?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Awtorità tal-Artijiet – sentenza tal-Qorti tal-Appell fil-kawża kontra l-Kunsill Lokali Gżira

Question

B’referenza għas-sentenza tal-Qorti tal-Appell bejn il-Kunsill Lokali tal-Gżira u l-Awtorità tal-Artijiet preseduta mill-Imħallef Lawrence Mintoff fis-26 ta’ April 2023 fejn fix-xhieda tiegħu l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Artijiet qal illi d-deċiżjoni biex tittieħed lura parti mill-ġnien devolut lill-Kunsill Lokali Gżira kienet ittieħdet mill-Bord u l-Kap Eżekuttiv ta’ qablu, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-minuti tal-Bord tal-Gvernaturi li juru meta u min kien ħa din id-deċiżjoni?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

AFM – call logs

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqija parlamentari 9342, jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija fl-intier tagħha u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-call logs tat-23 u l-24 ta’ Mejju bejn Alarm Phone u r-Rescue Coordination Centre tal-Forzi Armati ta’ Malta (AFM)?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma l-Onor. Interpellant li minħabba raġunijiet operattivi, li jistgħu jinkludu sigurtà nazzjonali, infurzar tal-liġi, relazzjonijiet internazzjonali jew is-sigurtà tal-uffiċjali tagħha, mhux il-prassi tal-FAM li tikkonferma jew tiċħad l-eżistenza ta’ tali informazzjoni, jew li tipprovdi l-istess.

Żvilupp ta’ proġett ta’ lukanda

Question

B’referenza għas-sentenza tal-qorti li ngħatat dan l-aħħar favur l-iżvilupp tal-proġett tal-lukanda li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, jista’ l-Ministru jagħti update fuq il-proġett tal-mina li kienet proposta fid-dawl anke ta’ xi rapport fil-media li din mhijiex se ssir? Jista’ jgħid x’inhuma l-pjanijiet? F’dawn il-pjanijiet, Infrastructure Malta ma’ min qed tikkordina dan l-istudju?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta ser tkun qed tagħmel interventi ġewwa Triq Sant’ Andrija biex titjieb is-sitwazzjoni tat-traffiku fl-istess triq. Dawn l-interventi ser ikunu primarjament fil-junction biswit Luxol Grounds, fil-junction ta’ Pembroke u fil-junction ta’ Paceville biex dawn l-istess junctions ikunu jistgħu jilqgħu aħjar it-traffiku speċjalment fil-peak hours. Fir-rigward ta’ dawn l-interventi, Infrastructure Malta għaddejja b’laqgħat ta’ konsultazzjoni mal-Kunsilli Lokali ta’ Pembroke u tas-Swieqi u l-istudji huma koordinati ma’ Transport Malta u mal-Awtorità tal-Ippjanar.

Sptar Sir Anthony Mamo – pazjenti djanjostikati b’kanċer tal-pulmun

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm-il pazjent fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo ġie djanjostikat b’kanċer fil-pulmun mill-2017 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? X’età kellhom dawn il-pazjenti u f’liema reġjun jgħixu?

Response (FEARNE, CHRIS)

: Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba minnu tinsab fit-tabelli hawn taħt mehmu¿a. Sena Nisa Rġiel 2017 67 159 2018 55 163 2019 83 138 2020 34 115 Faxxa t’Eta` Nisa Rġiel <45 6 8 45-49 8 2 50-54 9 18 55-59 16 33 60-64 39 57 65-69 42 105 70-74 50 133 75-79 28 105 80-84 21 68 85+ 20 46

Awtorità li tinforza l-Att dwar il-Condominia

Question

B’referenza għall-Att dwar il-Condominia, fejn l-inkwilini huma obbligati bil-liġi li jkunu membri f’kondominju, jista’ l-Prim Ministru jgħid liema hija l-awtorità li tara li din il-liġi qed tiġi osservata?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninforma lill-Onor.Interpellant li l-awtorita responsabli mill-Att dwar il-Condominia hija l-Aġenzija għar-Reġistrazzjoni tal-Artijiet fi ħdan il- Ministeru għall-Ekonomija, Fondi Ewropej u Artijiet.

Tas Sliema, San Ġiljan, Mellieħa, San Pawl il-Baħar, il-Belt u l-Gżira – turisti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu dawk it-turisti li matul il-btala tagħhom fl-2022 qagħdu f’lukandi/hostels/airbnb li jinsabu f’Tas Sliema, f’San Ġiljan, fil-Mellieħa, f’San Pawl il-Baħar, fil-Belt u fil-Gżira b’mod seperat?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika ma jippublikax statistika ta’ kemm joqogħdu turisti f’lokalitajiet differenti. L-unika distinzjoni li ssir hija fil-każ ta’ akkommodazzjoni kollettiva li hija mqassma fi statistiika separata għall-gżira ta’ Malta u l-gżejjer ta’ Għawdex u Kemmuna.

Appell b’rabta ma’ enforcement notice

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9346 dwar enforcement notice, fejn intqal li m’hemmx infurzar għaliex hemm l-appell PAB35/16, jista’ l-Ministru jgħid x’qiegħed iżomm lill-Awtorità tal-Ippjanar milli tmexxi dan l-appell meta dan kien sottomess fl-2016? Jista’ jgħid meta hija s-seduta li jmiss?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li, t-Tribunal ta' Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar (EPRT) huwa tribunal indipendenti, imwaqqaf bil-liġi u għalhekk huwa meqjus distint mill-ħidma tal-Awtorita’ tal-Ippjanar.

Awtorità tal-Ippjanar – Enforcement Unit/Department

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9347, jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx enforcement unit/department fi ħdan l-Awtorità tal-Ippjanar li jinforza fejn hemm ħruġ ta’ enforcements notices? Min huma l-membri ta’ dan il-unit/department u minn min jitmexxa?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li, nikkonferma li l-Awtorita’ tal-Ippjanar għandha taqsima tal-infurzar. Id-Direttur ta’ din it-qasima huwa il-Perit Raphael Axiak li jmexxi 55 ħaddiem.

Wild Birds Regulation Unit – rapporti fuq id-deroga

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapporti fuq id-deroga li jiġu mħejjija mill-Wild Birds Regulation Unit għad-derogi tal-għasafar tal-għana tal-2021 u tal-2022, u li jkunu ġew preparati biex jiġġustifikaw id-deroga?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dawn ir-rapporti jiffurmaw parti mid-difiża ta’ Malta fil-Każ C-23/23 (Kummissjoni v. Malta) u għaldaqsatant huma dokumenti privileġġati.