Legislature:
Category:
Reset
Active:

Dħul minn miżati mħallsa minn operaturi tal-avjazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jipprovdi ċ-ċifri li juru d-dħul minn miżati mħallsa minn operaturi tal-avjazzjoni għas-snin bejn l-2010 u l-2022, taħt is-Civil Aviation (Route Charges for Navigation Services) Regulations?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali – konsulenti

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 9481, 5153 u 10314 u jgħid kemm għandu konsulenti fil-Ministeru tiegħu, f’liema entitajiet li jaqgħu taħtu, kemm dawn jitħallsu u x’inhuma l-kwalifiki tagħhom, wara r-ruling li rrakomanda l-Ispeaker??

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif mitlub jinsab fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Sidien ta’ art

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 9994 u ċjoè: B’referenza għall-porzjon ta’ art indikata bl-aħmar fuq il-pjanta li qed tintbagħat separatament, jista’ l-Ministru jispeċifika min huma s-sidien ta' din l-art (inkluż jekk hemmx proprjetà tal-Gvern) u jgħid liema porzjon ta’ art hija proprjetà tas-sidien rispettivi?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal Kamra kopja tas-site plan ‘updated’ fejn proprjetà li s-sid tagħha huwa l-Gvern hija mmarkata bil-linji blu.

Awtorità tal-Ippjanar – deċiżjoni tal-qorti li tiddikjara applikazzjoni ħażina

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 9767 u jgħid x’inhi l-pożizzjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar meta jkun hemm sentenza tal-qorti li tgħid li l-applikazzjoni kienet waħda ħażina u kontra l-liġi iżda l-bini jkun laħaq tela’? Jista’ jikkonferma li skont it-Taqsima IX tal-Att dwar l-Ippjanar tal-Iżvilupp (Kap. 552), l-Awtorità tista’ titlob li dan jitwaqqa’?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li meta jkun sar żvilupp b’permess ta’ żvilupp, u wara tali permess jiġi revokat jew annullat għal xi raġuni, l-Awtorità tal-Ippjanar tqis l-iżvilupp bħala illegali, u għaldaqstant isir kuntatt ma’ sid l-iżvilupp u jidħlu fis-seħħ il-proċeduri li l-Awtorità tal-Ippjanar għandha rigward żvilupp illegali.

Rapporti dwar jekk high rising buildings humiex earthquake-proof

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsijiet parlamentari 9479 u 10313 jista’ l-Prim Ministru jgħid liema entità toħroġ rapporti dwar jekk high rising buildings humiex earthquake-proof? Jekk m’hemm l-ebda entità li toħroġ tali rapporti, jista’ jgħid jekk hemmx il-ħsieb li dawn jibdew isiru?

Response (ABELA, ROBERT)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Awtorità dwar il-Mediċini – liċenzja GMP

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 9635 u 10318, li oriġinarjament saru lill-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet u lill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża, u jgħid kemm kien hemm li rċevew liċenzja Good Manufacturing Practice (GMP) mill-Awtorità dwar il-Mediċini?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-2003 sal-lum il-ġurnata hemm erba’ u ħamsin (54) liċenzja maħruġa fuq bażi ta’ Good Manufacturing Practice (GMP).

Promenade minn San Ġiljan sa Tas-Sliema — railings

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsijiet parlamentari 9637 u 10316 jista’ l-Prim Ministru jgħid min huwa responsabbli għall-manutenzjoni, għat-tiswija, ir-railings, l-arbli tad-dawl, l-istruttura, il-madum u mill-ħsara strutturali tal-promenade minn San Ġiljan għal Tas-Sliema?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab infurmat li l-entitajiet li huma responsabbli għall-materji li elenka l-Onor. Interpellant huma l-Kunsilli Lokali, it-Tourism Zones Regeneration Agency, Infrastructure Malta u l-Public Works Department.

Spezzjonijiet fuq stabbilimenti f’Paceville u San Ġiljan

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 10431 u jgħid kemm saru spezzjonijiet fuq commercial outlets ġewwa Paceville u San Ġiljan minn Jannar 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, biex jaraw li dawn l-istabbilimenti qed jużaw il-kuntrattur privat għall-ġbir tal-iskart? Jista’ jgħid jekk kienx hemm min kien mingħajr dan il-kuntratt?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Filwaqt li nfakkar lill-Onor. Interpellant li l-ġbir ta’ skart kummerċjali mhix kompetenza diretta tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, ninfurmah li l-Awtorità għamlet ’il fuq minn 300 spezzjoni fil-lokalitajiet ta’ Paceville u San Ġiljan sabiex jiġi aċċertat li kull stabbiliment għandu kuntratt validu ma’ kollettur privat. Intbagħatet ittra ta’ twissija lil dawk l-istabbilimenti li ma kellhomx dan il-kuntratt sabiex dawn jirregolarizzaw ruħhom.

Rapport tal-OHSA — Inkjesta maġisterjali dwar il-mewt ta’ individwu

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10309 jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport mill-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) fuq l-inċident li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li f’dan il-każ hemm inkjesta Maġisterjali, b’hekk kull rapport imħejji mill-Awtorità jifforma parti mill-‘procès-verbal’ li jipprojbixxi legalment lill-Awtorità milli tippubblika r-rapport rikjest.

Awtorità tal-Ippjanar – passi dwar żvilupp f’Tal-Pietà

Question

B’referenza għat-twegiba tal-mistoqsija parlamentari 10095 fejn il-Ministru qal li “it-tagħrif għadu qed jinġabar”, filwaqt li niġbed l-attenzjoni tiegħu li dan huwa każ li hemm sentenza pubblika mill-Qorti li ilha aktar minn sena, jista’ l-Ministru jgħid x’qed iżomm l-Awtorità tal-Ippjanar milli tieħu l-passi u tosserva dak li qalet il-Qorti?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tal-Ippjanar diġà ħadet azzjoni fuq dan il-każ billi nħarġu l-avviżi ta’ infurzar lis-sidien, wara li sar kuntatt magħhom. Il-lista ta’Avvizi ta’ infurzar huma dawn li ġejjin: EC88/23 EC89/23 EC90/23 EC91/23 EC92/23 EC93/23 EC94/23

Ftehim dwar permess ta’ żvilupp

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim legali li sar bejn l-Awtorità tal-Ippjanar, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u l-applikant tal-permess PA3807/17, liema ftehim hu kundizzjoni tal-permess?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Iterpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

MTA — San Ġiljan - encroachments għal umbrelel u deckchairs fil-Bajja ta’ San Ġorġ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) approvatx iktar encroachments għal umbrelel u deckchairs ġewwa l-Bajja ta’ San Ġorġ f’Paceville, San Ġiljan? Jista’ jgħid min huma l-operaturi li għandhom l-approvazzjoni tal-MTA għal dan fid-dawl li din il-bajja taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-MTA?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

L-informazzjoni tingħata f’seduta oħra.

Awtorità tal-Artijiet — San Ġiljan - encroachments għall-Bajja ta' San Ġorġ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità tal-Artijiet approvatx xi encroachments ġodda għall-Bajja ta’ San Ġorġ, ġewwa Paceville f’San Ġiljan? Jista’ jagħti lista ta’ min għandu encroachments fuq din il-bajja pubblika?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għadhom qed jiġu kkunsidrati kif dawn il-propjetajiet għadhom jiġu disponuti bl-aħjar mod possibbli u fl-interess nazzjonali tal-pajjiż.

Għajnuna minn Fondi Ewropej taħt l-Iskema ERDF

Question

Fid-dawl li l-kumpanija li d-detatlji dwarha qed jingħataw separatament ingħatat is-somma ta’ €270,000 f’għajnuna mill-fond Ewropew taħt l-Iskema ERDF u fid-dawl li mill-istess fond ingħatat is-somma ta’ €450,000 lil kumpanija oħra li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament ukoll, jista’ l-Ministru jagħti lista sħiħa ta’ dawk kollha li bbenefikaw minn dan il-fond mill-2017 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid x’inhuma l-kriterji li fuqhom jingħataw dawn il-fondi u min huma l-membri tal-bord li jagħmlu din l-għażla?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tlabt biex l-informazzjoni tinġabar.

Paceville – bejgħ illegali ta’ droga

Question

Fid-dawl li qiegħed isir bejgħ illegali ta’ droga li tissejjaħ ‘laughing gas’ ġewwa Paceville, jista’ l-Ministru jgħid kemm inqabdu persuni jbiegħu din id-droga?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għal ‘nitrous oxide’, dan mhux projbit.

Paceville – sorveljanza mill-Pulizija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ikun hemm pulizija fil-weekend ġewwa Paceville u minn liema taqsima?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi fi tmiem il-ġimgħa l-Korp tal-Pulizija jaddotta approċċ integrat biex ikopri r-riżorsi meħtieġa b’mod xieraq f’Paceville, u għaldaqstant ikun hemm koordinament ħolistiku bejn diversi taqsimiet u distretti tal-Korp, għal dan il-għan. Fil-fatt fi tmiem il-ġimgħa f’din il-lokalità jkun hemm diversi uffiċjali skont il-bżonn minn diversi distretti u mit-taqsimiet tal-RIU, SIU, Kwartieri Ġenerali, Kavallerija, is-sezzjoni tal-Klieb u l-Pulizija tal-Komunità. Dan barra r-ronda normali tal-RIU fl-istess żona. L-Onor. Membru japprezza li dan mhux l-uniku impenn li jkun jrid ikopri il-korp, u li arranġamenti simili jsiru f’diversi lokalitajiet oħra, speċjalment fi tmien il-ġimgħa f’dawn ix-xhur, minħabba avvenimenti relatati ma' festi flimkien ma' attivitajiet kulturali u sportivi oħra, madwar dawn il-gżejjer.

Tal-Qroqq, l-Imsida – żbroff ta’ drenaġġ

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’qed iwassal biex fil-grounds/tunnel tal-Iskate Park ġewwa Tal-Qroqq, fl-Imsida, qiegħed ikun hemm żbroff ta’ drenaġġ? Tista’ tgħid meta hemm ħsieb li tiġi solvuta din il-problema minħabba li diversi żgħażagħ jiffrekwentaw din il-lokalità?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li minn spezzjonijiet li saru rriżulta li l-problema mhix ġejja mis-sistema tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma imma hija kkaġunata minn ħsarat ta’ terzi. Għaldaqstant, bħalma jsir f’ċirkostanzi simili l-Korporazzjoni infurmat b’dawn il-ħsarat lill-Environmental Health Directorate (Sanità).

Deroga għar-Riċerka fuq l-għasafar tal-għana – liċenzja u kundizzjonijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9630, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja intera tal-liċenzja u l-kundizzjonijiet permessibbli għad-deroga tar-riċerka tal-għasafar tal-għana tal-2022 peress li ma jirriżultax li dan id-dokument huwa wieħed privileġġat ġaladarba rċevewh ftit inqas minn 3,000 nassab qabel ma fetaħ l-istaġun fl-20 ta’ Ottubru 2022 u kieku tali dokument kien ta’ materjal privileġġat, kieku ma kienx se jintbagħat lil tant nies bil-mezzi tal-posta u għaldaqstant għandu jkun għad-dispożizzjoni wkoll tal-Kamra?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Kemmuna — concessions u encroachments għal tqegħid ta’ deckchairs/umbrellel

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ingħatawx xi concessions u encroachments għal areas ġodda ġewwa l-Bajja ta’ Kemmuna? Jista’ jipprovdi lista ta’ min huma dawk kollha li matul dan is-sajf se jkollhom concession/encroachment f’din il-bajja fid-dawl li din hija art pubblika u għaldaqstant il-pubbliku għandu dritt li jkun jaf? Fid-dawl tal-kummenti li għamel fil-Parlament, fejn il-Ministru qal li ser ikun hemm 65% inqas ta’ deckchairs/umbrellel, jista’ jispega dan, aktar u aktar meta tpoġġew deckchairs/umbrellel f’żoni oħra fl-istess bajja, fosthom fuq żona protetta bħala ‘grarigue land’ li hija parti miż-żona Natura 2000?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

L-informazzjoni tingħata f’seduta oħra.

ERA — tqegħid ta’ deckchairs/umbrellel f’Kemmuna

Question

B’referenza għal numru ta’ deckchairs oħra li tpoġġew fil-bajja ta’ Kemmuna fuq ‘garigue land’ ġewwa żona protetta bħal Natura 2000, tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) fuq din id-deċiżjoni? Fil-każ li ma hemm l-ebda rapport mill-ERA fuq dan, tista’ l-Ministru tgħid għaliex, ladarba hija r-responsabbiltà tal-ERA li tħares din iż-żona?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-attivitajiet kummerċjali fuq Kemmuna huma regolati minn liċenzji maħruġin mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA). Ninsab infurmata li għaddejjin diskussjonijiet mal-MTA biex jinstab lok alternattiv bl-inqas impatti ambjentali.