Paceville u San Ġiljan – Persuni li nqabdu bi drogi illegali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li nqabdu bid-droga illegali ġewwa Paceville, bejn Ġunju 2023 u l-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll liema tip ta’ droga kienet?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi fil-perjodu ta’ bejn Ġunju 2023 u l-15 ta’ Ottubru 2023 kien hemm ħmistax (15)-il persuna li nqabdet bi droga illegali ġewwa Paceville u San Ġiljan. F’ħames każi minnhom il-persuni li nqabdu kienu qed jittraffikaw id-droga. F’żewġ każi il-persuni maqbuda kienu fil-pusses ta’ droga bl-intenzjoni li jissupplixxu u t-tminn każijiet l-oħra kienu ta’ pussess ta’ droga.
Awtorità tal-Ippjanar – passi fir-rigward ta’ żvilupp f’Tal Pietà
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 10095 u ċjoè: B’referenza għall-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li joqgħod ġewwa tal-Pietà, fejn il-proprjetà tiegħu spiċċat fid-dlam minħabba żvilupp ieħor li sar maġenbu u li l-Qorti f’Diċembru li għadda qalet li l-permess għal dan l-iżvilupp ġie annullat u revokat, jista’ l-Ministru jgħid x’passi ser tieħu l-Awtorità tal-Ippjanar biex dan l-iżvilupp li sar, u li huwa kontra l-liġi, jitneħħa?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tal-Ippjanar diġà ħadet azzjoni fuq dan il-każ billi nħarġu l-avviżi ta’ infurzar lis-sidien, wara li sar kuntatt magħhom.
Il-lista ta’Avviżi ta’ infurzar huma dawn li ġejjin:
EC88/23 – (Maisonette) ’A Trois De Boltz’, Triq Santa Monika, Pietà
EC89/23 - St Georges Court, Apt. 1, Triq Hookham Frere, Pietà
EC90/23 - St Georges Court, Apt. 2, Triq Hookham Frere, Pietà
EC91/23 - Apt. 3, Apt. 5 & Apt. 7 at St Georges Court, Triq Hookham Frere, Pietà
EC92/23 - Apt. 4, St Georges Court, Triq Hookham Frere, Pietà
EC93/23 - Apt. 6, St Georges Court, Triq Hookham Frere, Pietà
EC94/23 - St Georges Court (komun), Triq Hookham Frere, Pietà
Jista’ l-Ministru jgħid jekk teżistix policy biex l-iżviluppi high-rise jkunu mħarsa minn terremoti? Jekk le, hemm xi ħsieb li jkun hemm tali policy?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dwar issues relatati ma’ kwistjonijiet ta’ attività sismika, pajjiżna qatt ma kellu leġiżlazzjoni u dejjem irrefera għall-EN 1998 Eurocode 8. Il-pjan hu li titfassal policy fiż-żmien li ġej.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid fiex waslu d-diskussjonijiet li qal li kellu mal-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan dwar Community Clinic ġewwa Ta’ Ġiorni jew fil-madwar? Jista jgħid ukoll meta ser tinfetaħ din il-Community Clinic?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi nstab sit għall-klinika fil-komunità f’San Ġiljan viċin iċ-ċentru. Bħalissa qed isir il-proċess ta’ bdil fl-użu mill-PA.
ERA — Rapporti dwar irwejjaħ ta’ tarmak jew qatran minn impjant
Question
B’referenza għal diversi rapporti minn residenti ġewwa l-Iklin, il-Għargħur, San Ġiljan u San Ġwann lill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) dwar irwejjaħ ta’ tarmak jew qatran minn impjant li jinsab fil-viċinanzi, jista’ l-Ministru jgħid x’passi ttieħdu jew ser jittiħedu biex wieħed jassigura li dan l-impjant jimxi b’mod korrett u li titħares is-saħħa pubblika?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
ERA — Rapporti dwar irwejjaħ ta’ tarmak jew qatran minn impjant
Question
B’referenza għal diversi rapporti minn residenti ġewwa l-Iklin, il-Għargħur, San Ġiljan u San Ġwann lill-Awtorità għall-Ambjent u r-Rizorsi (ERA) dwar irwejjaħ ta’ tarmak jew qatran minn impjant li jinsab fil-viċinanzi, tista’ l-Ministru tgħid x’passi ttieħdu jew ser jittieħdu biex wieħed jassigura li dan l-impjant jimxi b’mod korrett u li titħares is-saħħa pubblika?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fuq kull ilment li tirċievi u sa fejn għandha kompitu, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) tinvestiga u tagħmel spezzjonijiet fuq l-operat sabiex tara li ma jkunx hemm emissjonijiet eċċessivi fl-arja. Fil-każ tal-impjant imsemmi, ninsab infurmata li l-ERA investigat u nstab li mil-lat ta’ kwalità tal-arja ambjentali ma jidhirx li hemm emissjonijiet fl-akkwati li jaqbżu dawk regolati mil-liġi. Madankollu, dan ma jfissirx li mhux se joħorġu rwejjaħ waqt ċerti stadji tal-proċess. Meta l-ERA tirċievi rapporti relatati mas-saħħa, dawn ir-rapporti jiġu referuti lill-awtoritajiet konċernati għall-investigazzjoni tagħhom.
B’referenza għall-proġett li l-Ministru ħabbret li ser isir minn Project Green nhar is-27 ta’ Settembru, tista’ tipprovdi l-PA number tal-applikazzjoni mill-Awtorità tal-Ippjanar?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru relatat mal-applikazzjoni lill-Awtorità tal-Ippjanar tal-ewwel fażi tal-proġett li ħabbart li ser isir minn Project Green nhar is-27 ta’ Settembru huwa TRK/00277228. Nispjega li dan il-proġett qed ikun ippjanat biex isir f’fażijiet sabiex jiġi mitigat kemm jista’ jkun l-inkonvenjent għar-residenti u l-komunità kummerċjali tal-madwar u kull min jgħaddi mill-inħawi. Għaldaqstant, l-ewwel fażi se tkun qed tiffoka fuq l-iskavar u l-iżvilupp ta’ parkeġġ ta’ 3 sulari taħt l-art li se jkun qed jara żieda sostanzjali fil-parkeġġ f’Misraħ Lewża. Fuq dan il-parkeġġ imbagħad se jkun hemm ġnien pubbliku li jagħmel parti integrali mill-proġett ta’ San Ġwann.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10557, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm daħlu persuni fl-Emerġenza minħabba l-użu tan-nitrous oxide matul l-2023 u sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-uniku każ rigward nitrous oxide irrapurtat fl-2023 huwa marbut ma’ inċident tad-diving.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 10556 u ċjoè: Fid-dawl li l-kumpanija li d-detatlji dwarha qed jingħataw separatament ingħatat is-somma ta’ €270,000 f’għajnuna mill-fond Ewropew taħt l-Iskema ERDF u fid-dawl li mill-istess fond ingħatat is-somma ta’ €450,000 lil kumpanija oħra li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament ukoll, jista’ l-Ministru jagħti lista sħiħa ta’ dawk kollha li bbenefikaw minn dan il-fond mill-2017 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid x’inhuma l-kriterji li fuqhom jingħataw dawn il-fondi u min huma l-membri tal-bord li jagħmlu din l-għażla?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.
MTA — San Ġiljan - encroachments għal umbrelel u deckchairs fil-Bajja ta’ San Ġorġ
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 10554 u jgħid jekk l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) approvatx iktar encroachments għal umbrelel u deckchairs ġewwa l-Bajja ta’ San Ġorġ f’Paceville, San Ġiljan? Jista’ jgħid min huma l-operaturi li għandhom l-approvazzjoni tal-MTA għal dan, fid-dawl li din il-bajja taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-MTA?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-operaturi ġewwa l-bajja ta’ San Ġorġ huma determinati minn kuntratt datat 2005 validu għal 50 sena maħruġ mill-Kummissarju tal-Artijiet. Minn dakinhar sal-lum ma ġie approvat l-ebda encroachment ġdid.
Awtorità tal-Artijiet — San Ġiljan - encroachments għall-Bajja ta' San Ġorġ
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10555 dwar encroachments ġodda għall-Bajja ta’ San Ġorġ, ġewwa Paceville f’San Ġiljan, jista’ l-Ministru jaġġorna l-Kamra dwar il-proċess li qed jirreferi għaliha fl-istess tweġiba?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Kemmuna — concessions u encroachments għal tqegħid ta’ deckchairs/umbrellel
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 10453 u jgħid jekk ingħatawx xi concessions u encroachments għal areas ġodda ġewwa l-Bajja ta’ Kemmuna? Jista’ jipprovdi lista ta’ min huma dawk kollha li matul dan is-sajf se jkollhom concession/encroachment f’din il-bajja fid-dawl li din hija art pubblika u għaldaqstant il-pubbliku għandu dritt li jkun jaf? Fid-dawl tal-kummenti li għamel fil-Parlament, fejn il-Ministru qal li ser ikun hemm 65% inqas ta’ deckchairs/umbrellel, jista’ jispega dan, aktar u aktar meta tpoġġew deckchairs/umbrellel f’żoni oħra fl-istess bajja, fosthom fuq żona protetta bħala ‘garigue land’ li hija parti miż-żona Natura 2000?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma ngħata l-ebda encroachment ġdid ġewwa l-Bajja ta’ Blue Lagoon, iżda parti minn encroachment eżistenti ġie spustat għal parti oħra. Ninfurmah ukoll li tneħħiet encroachment oħra sabiex ġiet vakata ż-żona tal-moll, il-bajja, kif ukoll ir-rampa li tagħti għal bajja.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10463, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet biex jitpoġġew caravans ġewwa l-Coast Road minn meta daħal fis-seħħ l-Avviż Legali sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tan-Naxxar illi l-istess Kunsill irċieva mitejn u erbgħa u tletin (243) applikazzjoni biex jitpoġġew Caravansfi Triq il-Kosta.
Infurmat ukoll li dan l-ammont ikopri l-perjodu minn meta kien pubblikat l-Avviż Legali sal-aħħar ta’ Settembru (il-perjodu operattiv sakemm kien għadu japplika l-avviż legali).
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid, issa li ġie ffirmat il-ftehim settorali tal-infermiera u qwiebel, jekk il-Malta Union of Midwives and Nurses (MUMN) irtiratx id-direttivi kollha lill-membri tagħha? Jekk le, kemm hemm direttivi li għadhom fis-seħħ f'Mater Dei, fil-Primary HealthCare, fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex, fl-Isptar Monte Karmeli u fl-Isptar Karin Grech? Jista jagħti elenku ta' dawn id-direttivi entità entità?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-azzjonijiet industrijali direttament relatati man-negozjati tal-ftehim Settorali tal-infermiera u qwiebel kienu sospiżi fit-13 ta’ April ta’ din is-sena.
Sadanittant l-MUMN għandha numru ta’ direttivi fl-entitajiet differenti li għadhom fis-seħħ.
Il-Ministeru, wara l-iffirmar tal-ftehim settorali, talab formalment lill-MUMN sabiex issa tirtira dawn id-direttivi.
Ħlas għal sigħat ‘overtime’ u ‘on call allowances’
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm tħallas għal sigħat ‘overtime’, kif ukoll ‘on call allowances’, l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, mis-sena 2012 sal-2022, sena b’sena.
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi qed inpoġġi lista fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba minnu bl-ammonti ta’ overtime u On call approvati mill- management ta’ MCH.
Public Works Department – Xogħlijiet fuq il-promenade bejn San Ġiljan u Tas-Sliema
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10825, fejn il-Prim Ministru wieġeb li l-manutenzjoni, it-tiswija, ir-railings, l-arbli tad-dawl, l-istruttura, il-madum u l-ħsarat strutturali tal-promenade li minn San Ġiljan twassal għal Tas-Sliema huma responsabbiltà tal-Public Works Department, jista’ l-Ministru jgħid x’interventi saru minn Jannar 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, mill-Public Works Department fuq il-promenade bejn San Ġiljan u Tas-Sliema, anke fid-dawl li fis-7 ta’ Settembru 2023 l-istess Ministru, żar il-promenade ta’ Birżebbuġa biex jara x-xogħlijiet ta’ manutenzjoni għaddejjin fuq il-promenade ta’ din il-lokalità?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi wettaq dawn ix-xogħlijiet bejn Jannar 2023 u llum:
- Manutenzjoni fuq lampi dekorattivi u bdil ta’ bozoz fuq talba tal-Kunsilli Lokali;
- Bdil ta’ arbli li nxtraw mill-Aġenzija għar-Riġenerazzjoni taż-Żoni Turistiċi u l-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema fiż-żona ta’ Qui-Si-Sana
- Tikħil tal-bollards kollha mill-Fortizza sa' Qui-Si-Sana u u tibdil ta’ żewġ bollards.
TZRA — Xogħlijiet fuq il-promenade bejn San Ġiljan u Tas-Sliema u fuq il-promenade bejn Buġibba/San Pawl il-Baħar u x-Xemxija
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10825, fejn il-Prim Ministru wieġeb li l-manutenzjoni, it-tiswija, ir-railings, l-arbli tad-dawl, l-istruttura, il-madum u l-ħsarat strutturali tal-promenade li minn San Ġiljan twassal għal Tas-Sliema huma responsabbiltà tat-Tourism Zones Regeneration Agency (TZRA), jista’ l-Ministru jgħid x’interventi saru minn Jannar 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari mill-istess aġenzija fuq il-promenade bejn San Ġiljan u Tas-Sliema? Jista’ wkoll jipprovdi lista tal-interventi saru fl-istess żmien mill-istess aġenzija fuq il-promenade ta’ Buġibba/San Pawl il-Baħar u x-Xemxija?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Filwaqt li ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-Tourism Zones Regeneration Agency (TZRA) mhijiex l-uniku aġenzija li tieħu ħsieb il-manutenzjoni tal-promenades imsemmija, ninfurmah li minn Jannar 2023 s’issa saru l-aġenzija għamlet dawn l-interventi:
Tas-Sliema:
· Manutenzjoni u xogħol ta’ żebgħa ta’ tree planters
· Tiswijiet żgħar tal-bankina
· Manutenzjoni u xogħol ta’ żebgħa ta’ poġġamani tal-metall u tal-injam
· Installazzjoni ta' railings ġodda tal-promenade
· Bdil ta' railings tat-taraġ
· Installazzjoni ta' fanali ġodda
· Tindif u manutenzjoni ta' funtana tal-ilma
· Żebgħa ta' ħitan tal-konfini fi spazji miftuħa
· Manutenzjoni u xogħol ta’ żebgħa ta' bankijiet tal-promenade
· Manutenzjoni ta' dwal taħt il-bankijiet tal-promenade
· Xogħlijiet ta’ manutenzjoni fuq il-passaġġ tal-baħar
· Tħejjija tal-konvenjenza pubblika għall-perjodu tas-sajf
· Tħejjija u installazzjoni ta’ assi tal-bajja għall-perjodu tas-sajf (passaġġi, slielem, torrijiet tal-salvataġġ, bins, pontijiet, showers, sinjali ta’ interpretazzjoni taċ-changing rooms eċċ)
· Ġbir u tiswija, installazzjoni mill-ġdid ta’ ċerti assi tal-bajja li saritilhom ħsara wara l-maltemp ta’ Settembru
· Koordinazzjoni ma’ entitajiet pubbliċi oħra, b’kollaborazzjoni mal-Kunsilli Lokali, għal kwistjonijiet speċifiċi relatati mal-manutenzjoni ġenerali.
San Ġiljan:
· Xogħlijiet ta’ tisbiħ tul il-promenade
· Tiswijiet żgħar tal-bankina
· Tiswija fuq lampi dekorattivi vandalizzati
· Installazzjoni ta’ fanali ġodda tal-promenade
· Manutenzjoni tal-ħajt tal-konfini
· Installazzjoni ta' imwejjed tal-pikniks li għadhom kif ġew manifatturati
· Tiswija u twaħħil ta' bollards u tabelli bil-ħsara
· Tħejjija u installazzjoni ta’ assi tal-bajja għall-perjodu tas-sajf (passaġġi, slielem, torrijiet tal-salvataġġ, bins, pontijiet, showers, sinjali ta’ interpretazzjoni taċ-changing rooms eċċ)
· Ġbir u tiswija, installazzjoni mill-ġdid ta’ ċerti assi tal-bajja li saritilhom ħsara wara l-maltemp ta’ Settembru
· Appoġġ għall-avvenimenti ta’ St Patricks’s Day
· Appoġġ għad-dekorazzjonijiet tal-Europride f’Paceville
· Koordinazzjoni ma’ entitajiet pubbliċi oħra, b’kollaborazzjoni mal-Kunsilli Lokali, għal kwistjonijiet speċifiċi relatati mal-manutenzjoni ġenerali.
San Pawl il-Baħar:
· Tirqim tas-siġar u l-arbuxxelli
· Manutenzjoni tal-pjanti
· Tiswijiet żgħar tal-bankina
· Manutenzjoni ta' railings
· Tħawwil ta' siġar
· Tindif ta' graffiti
· Tpinġija ta' ħitan tal-konfini fi spazji miftuħa
· Manutenzjoni u xogħol ta' żebgħa fuq bankijiet tal-promenade
· Tpinġija u manutenzjoni fil-grawnds tal-futbol tas-Sirens għall-kampjonat tal-Euro ta’ taħt id-19-il sena
· Installazzjoni ta' bins ta' l-iskart
· Tisbiħ taż-żona tal-pikniks
· Tiswija u twaħħil ta' bollards u tabelli bil-ħsara
· Tħejjija u installazzjoni ta’ assi tal-bajja għall-perjodu tas-sajf (passaġġi, slielem, torrijiet tal-salvataġġ, bins, pontijiet, showers, sinjali ta’ interpretazzjoni taċ-changing roomseċċ)
· Ġbir u tiswija, installazzjoni mill-ġdid ta’ ċerti assi tal-bajja li saritilhom ħsara wara l-maltemp ta’ Settembru
· Koordinazzjoni ma’ entitajiet pubbliċi oħra, b’kollaborazzjoni mal-Kunsilli Lokali, għal kwistjonijiet speċifiċi relatati mal-manutenzjoni ġenerali.
Żviluppi li l-permessi tagħhom ġew revokati jew annullati
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10822, jista’ l-Ministru jipprovdi lista tal-iżviluppi li l-permessi tagħhom kienu revokati jew annullati mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u jgħid f’liema lokalità kienu u x’passi ttieħdu?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 10691 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim legali li sar bejn l-Awtorità tal-Ippjanar, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u l-applikant tal-permess PA3807/17, liema ftehim hu kundizzjoni tal-permess?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ftehim legali li sar bejn l-Awtorità tal-Ippjanar, l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu u l-applikant tal-permess PA3807/17 ġie iffirmat fis-7 ta’ Settembru 2023, minn Nutar Dr. Arapa.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10430, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm ġew rapportati mas-Sovrintendenza tas-Saħħa każijiet ta’ scabies mill-1 ta’ Jannar 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi kienu irrapurtati 201 każijiet ta Scabies mas- Sovrintendenza tas-Saħħa fil-perjodu li talab hu.