Legislature:
Category:
Reset
Active:

San Ġwann – Proġett mill-Aġenzija Project Green – ħarsien tar-residenti waqt xogħol ta’ skavar

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11867, fejn il-Ministru qalet li “l-ewwel fażi se tkun qed tiffoka fuq l-iskavar u l-iżvilupp ta’ parkeġġ ta’ 3 sulari taħt l-art” fejn hemm preżentament il-car park madwar Misraħ Lewża, tista’ l-Ministru tgħid x’inhuma l-pjanijiet biex ir-residenti jkunu jistgħu jkomplu għaddejjin bil-ħajja tagħhom waqt li jsir l-iskavar? Tista’ tgħid jekk hux minnu li r-residenti ser jintalbu biex jinħarġu minn djarhom fid-dawl li fl-unika laqgħa ta’ informazzjoni ġie użat it-terminu ‘displacement’ ta’ nies matul ix-xogħlijiet? Tista’ tgħid ukoll x’qed tifhem bit-terminu ‘displacement’ tan-nies?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li Project Green la qatt tkellmet dwar ‘displacement’ ta’ nies waqt ix-xogħlijiet u lanqas għandha fi ħsiebha li tagħmel dan.

San Ġwann – Proġett mill-Aġenzija Project Green – Diskussjonijiet mal-Awtorità tad-Djar

Question

B’referenza għall-proġett ta’ Project Green f’San Ġwann, tista’ l-Ministru tgħid jekk l-Aġenzija Project Green kellhiex diskussjonijiet mal-Awtorità tad-Djar fuq dan il-proġett?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12306.

San Ġwann – Proġett mill-Aġenzija Project Green – Diskussjonijiet mas-sidien tal-knisja parrokkjali

Question

B’referenza għall-proġett minn Project Green f’San Ġwann, fejn ser isir l-iskavar ta’ mina u underground parking quddiem u madwar il-Knisja Parrokkjali, tista’ l-Ministru tgħid jekk kienx hemm konsultazzjonijiet uffiċjali, bid-dettalji tal-pjanti u studju mal-Provinċjal tal-Patrijiet Kappuċċini li huwa s-sid ta’ din il-Knisja? Jekk iva, tista’ tagħti d-data ta’ meta saru dawn il-laqgħat u x’kien l-eżitu tagħhom?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li f’April li għadda, Project Green kellha laqgħa uffiċjali mal-kappillan u l-patrijiet tal-Paroċċa ta’ San Ġwann, li għaliha kienu preżenti wkoll il-Kap Eżekuttiv tal-aġenzija u s-Sindku tal-lokalità. Matul din il-laqgħa ġew diskussi diversi aspetti tal-proġett u s-suġġerimenti li kienu mressqa, ġew ikkunsidrati fl-ippjanar tal-proġett.

San Ġwann – Proġett mill-Aġenzija Project Green – Laqgħa tal-Kunsill Lokali

Question

B’referenza għal proġett ta’ Project Green ġewwa San Ġwann, peress li skont il-Kunsill Lokali San Ġwann kien hemm qbil bejn il-membri kollha tal-istess Kunsill, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Aġenda u tal-Minuti tal-laqgħa ta’ meta kien hemm il-proposta finali li biha saret l-applikazzjoni mal-Planning Authority (PA)? Jista’ jgħid jekk kienx hemm vot finali u x’kien l-eżitu tiegħu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann illi l-applikazzjoni mal-Awtorità tal-Ippjanar ma saritx mill-Kunsill, imma minn Project Green. Infurmat li f’dan l-istadju ma kienx hemm vot. Infurmat illi l-vot ittieħed fil-laqgħa numru 50, fil-31 ta’ Jannar 2022, fejn kien hemm qbil unanimu, sabiex dan il-proġett isir f’San Ġwann. In oltre, infurmat li dan il-proġett reġa' ġie diskuss fil-laqgħa Nru 65, 23 ta’ Jannar 2023 u sussegwentament tali proġett reġa' ġie diskuss fil-laqgħa Nru 67, fis-27 ta’ Frar. F’dan ir-rigward, qiegħed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra estratti tal-Aġendi u l-Minuti tal-laqgħat imsemmija hekk kif mitlub mill-Onor. Interpellant. Finalment, infurmat li fil-laqgħat tal-Kunsill ta’ San Ġwann, dejjem ikun hemm spazju biex il-kunsilliera jitkellmu fuq kwalunkwe ilment, u infurmat li qatt ma kien hemm talba minn kunsilliera biex jitkellmu fuq dan il-proġett.

ERA — Rapporti dwar irwejjaħ ta’ tarmak jew qatran minn impjant

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11866, tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-investigazzjoni u l-eżitu tal-“ispezzjonijiet fuq l-operat sabiex tara li ma jkunx hemm emissjonijiet eċċessivi fl-arja” li saru?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) marret aktar minn 15-il darba fuq is-sit, fejn minkejja li m’għandhiex mansjoni diretta, talbet lill-operatur jindika x’miżuri ta’ mitigazzjoni għandu l-impjant, fejn l-ERA ġiet infurmata illi l-impjant inbidel b’makkinarju ġdid. Fir-rigward ta’ emissjonijiet fl-arja, jirriżulta li l-kejl tal-emissjonijiet ta’ Komposti Organiċi Volatili (Volatile Organic Compounds) li wettqet l-ERA fiż-żona, bħala parti mill-programm nazzjonali ta’ monitoraġġ madwar Malta skont id-Direttiva tal-Kwalità tal-Arja Ambjentali, mhux jaċċedi l-limitu impost mil-liġi.

Skema ERDF

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 10556 u 11857 u ċjoè: Fid-dawl li l-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament ingħatat is-somma ta’ €270,000 f’għajnuna minn fond Ewropew taħt l-Iskema ERDF u fid-dawl li mill-istess fond ingħatat is-somma ta’ €450,000 lil kumpanija oħra li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament ukoll, jista’ l-Ministru jagħti lista sħiħa ta’ dawk kollha li bbenefikaw minn dan il-fond mill-2017 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid x’inhuma l-kriterji li fuqhom jingħataw dawn il-fondi u min huma l-membri tal-bord li jagħmlu din l-għażla?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li filwaqt li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ dawk kollha li bbenefikaw mill-iskemi ERDF mis-sena 2017 sal-ġurnata li fiha qed tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, ninforma lill-Onor. Interpellant li din l-informazzjoni hija disponibbli għal kulħadd fuq www.fondi.eu. Din il-website tiġi aġġornata minn tal-inqas darbtejn fis-sena. Din hija parti minn inizjattiva ta’ trasparenza marbuta ma’ Fondi Ewropej u l-użu tal-istess fondi biex il-pubbliku ġenerali ikollu viżibilità ta’ kull min qiegħed jibbenefika minn dawn il-fondi. Il-proposti għall-proġetti għall-kofinanzjament mill-Fondi ta’ Koeżjoni jiġu evalwati abbażi ta’ Kriterji ta’ Eliġibbiltà u Selezzjoni li jiġu approvati mill-Kumitat ta’ Monitoraġġ. Dan il-kumitat ġie ffurmat skont l-Artikoli 49 u 110 tar-Regolament (EU) 1303/2013 għall-Programm 2014-2020. L-irwol tal-Kumitat ta’ Monitoraġġ (MC) hu li jaċċerta l-effettività u l-kwalità tal-implimentazzjoni tal-Programmi Operattivi. Membri f’dan il-Kumitat jinkludu rappreżentanti ta’ diversi entitajiet tal-Gvern, fosthom Segretarji Permanenti li jirappreżentaw kull Ministeru, kif ukoll imsieħba ekonomiċi u soċjali li jirrappreżentaw is-soċjetà ċivili. Uffiċjali għolja mill-Kummissjoni Ewropea jipparteċipaw f’dan il-kumitat f’kapaċità konsultattiva, filwaqt li uffiċjali mill-Fond Ewropew tal-Investiment u mill-Bank Ewropew tal-Investiment jipparteċipaw skont in-neċessità. Il-Kumitat tal-Għażla tal-Proġetti jevalwa l-proposti ta’ proġetti skont il-Kriterji ta’ Eliġibbiltà u Selezzjoni approvati mill-Kumitat hawn fuq indikat. Il-Membri tal-Kumitat tal-Għażla tal-proġetti ikun kompost minn uffiċjali għolja tal-Gvern.

San Ġiljan — Bajja ta' San Ġorġ - encroachments ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 11859, u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10555 dwar encroachments ġodda għall-Bajja ta’ San Ġorġ, ġewwa Paceville, San Ġiljan, jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar il-proċess li qed jirreferi għalih fl-istess tweġiba?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’għandix xi nżid mat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10555.

San Ġwann — Triq il-Mensija - zebra crossing

Question

Jista’ l-Ministru jgħid inħariġx permess minn Transport Malta (TM) biex issir zebra crossing fi Triq il-Mensija, San Ġwann, u jekk iva, jagħti d-data meta nħareġ il-permess? Jekk ma kien hemm l-ebda permess, jista’ jgħid jekk kienx hemm talba għal dan?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta, fuq talba tal-Kunsill Lokali ta' San Ġwann, awtorizzat zebra cross fit-triq imsemmija f’Jannar 2020 fi żmien meta Infrastructure Malta kienet għaddejja b’xogħlijiet ta’ bini tat-triq mill-ġdid. Infurmat li x-xogħlijiet kienu fi stadju avvanzat ħafna biex jinbidel id-disinn. Tajt direzzjoni biex Transport Malta tiddiskuti mal-Kunsill Lokali il-pass li jmiss.

Żviluppi high-rise — policy dwar ħarsien minn terremoti

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11863, fejn jingħad li ma hemm l-ebda policy dwar il-ħarsien mit-terremoti għal żviluppi high-rise, jista’ l-Ministru jgħid jekk dan ifissirx li l-ebda żvilupp high-rise li ġie approvat mill-Awtorità tal-Ippjanar mhuwa mħares mill-eventwalità ta’ terremot? Peress li fl-istess tweġiba l-Ministru qal li “il-pjan hu li titfassal policy fiż-żmien li ġej”, jista’ jagħti t-time frame għal dan?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11863.

Żviluppi high-rise

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11863, jista’ l-Minitsru jgħid x’inhuma l-pjanijiet tal-Ministeru tiegħu u tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili fir-rigward ta’ żviluppi high-rise f’każ ta’ terremot? Jista’ jgħid ukoll jekk id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili għandux equipment u slielem li jwasslu għal għoli ta’ 40 sular fl-eventwalità ta’ ħruq f’dan l-għoli?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Fl-aħħar snin sar investiment bla preċedent fil-Protezzjoni Civili, sabiex dan id-dipartiment ikun f'pożizzjoni aħjar li jsalva u jipproteġi. Infurmat illi f’każ ta’ terremot, wieħed ma jistax jieħu konsiderazzjoni ta’ binja partikolari jew grupp ta’ bini. Dan għaliex il-pajjiż kollu jiġi affetwat. Għalhekk il-Protezzjoni Ċivili flimkien mal-forzi ta’ l-ordni għanda pjanijiet ta’ kif tirrispondi għal emerġenza f’każ ta’ terrimot, biex jintużaw ir-riżorsi kollha b’mod għaqli. Fl-aħħar snin id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili infatti nvesta ħafna mhux biss fil-makkinarju iżda anke fit-taħriġ. Fost oħrajn sar investiment ta iktar minn €20 miljun f'tagħmir, fosthom Hydraulic Platform ta' 70 metru li jintuża għall-binjiet għolja, diversi vetturi tal-heavy plant, containers mimlija bl-għodda għal inċidenti kbar u vetturi ta' salvataġġ ġodda għal dan id-Dipartiment. Qed isir xiri ta tagħmir speċjalizzat li jindirizza sfidi ġodda bħal dak li jintuża f'nirien f'bini għoli, jew nirien f'vetturi li jaħdmu bl elettriku. Sar u qed isir investiment ta' iktar minn €10 miljuni fuq infrastruttura biex jinbnew fire stations ġodda u nimmoderniżżaw l-antiki għall-isfidi ġodda tal-lum. Saret sejħa għal reklutaġġ ġdid. Id-Dipartiment żied l-fondi għat-taħriġ minn €2,000 fis-sena 2012 għal mill-inqas €200,000 fis-sena u dan qiegħed jissarraf f'taħrig importanti għall-pumpiera tagħna. Dan qiegħed isir billi it-tahrig isir f Malta kif ukoll barra minn Malta fi skejjel speċjaliżżati għal Protezzjoni Ċivili. Illum għandna l-forza mħarrġa biex tilqa’ għal kwalunkwe sfida li Malta moderna tista tippreżenta ruħha bħal, karozzi eletttriċi, bini għoli jew kumpless, u kif isir tifi tan-nar b'sistemi iktar effiċjenti b'inqas użu ta’ ilma sabiex titnaqqas il-ħsara. Għall-ewwel darba fl-aħħar ftit xhur dan id-dipartiment kien ukoll involut f'operazjonijiet ta' salvataġġ barra l-pajjiż kemm dawk marbuta ma’ terremot u diżastri naturali, u dan ġewwa bit-Turkija, fil-Libja u l-Greċja.

Aġenzija Project Green — Dettalji dwar permess għal proġett

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11867 dwar proġett imħabbar mill-Aġenzija Project Green, filwaqt li niġbed l-attenzjoni li din mhijiex l-applikazzjoni uffiċjali bil-PA number imma t-talba tinsab fil-vetting stage, tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokumentazzjoni, il-pjanti u d-disinji kollha marbuta ma’ dan il-proġett biex ikun hemm tagħrif ħolistiku u mhux biċċa biċċa?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12480.

San Ġiljan — Xogħlijiet fuq il-promenade

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11852, jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet saru fuq il-promenade ta’ San Ġiljan bejn Jannar 2023 u l-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11852.

TZRA — Xogħlijiet fuq il-promenades ta’ San Ġiljan/Tas-Sliema u ta’ Buġibba/San Pawl il-Baħar/Xemxija

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11853, jista’ l-Ministru jgħid: i. liema xogħlijiet kienu ta’ tisbiħ fil-promenade; ii. liema kienu tiswijiet żgħar ta’ bankini; iii. in-numru ta’ tiswijiet fuq lampi dekorattivi; iv. l-ammont ta’ lampi ġodda li twaħħlu; v. liema kienu tiswijiet ta’ bollards u ta’ tabelli u jgħid ukoll f’liema triq u l-ammont; u vi. kemm kienet in-nefqa totali f’Tas-Sliema, San Ġiljan u San Pawl il-Baħar, lokalità, lokalità?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

L-informazzjoni tingħata f’seduta oħra.

Permessi għal Żvilupp li ġew revokati jew annullati

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 11854 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10822, jista’ l-Ministru jipprovdi lista tal-iżviluppi li l-permessi tagħhom kienu revokati jew annullati mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u jgħid f’liema lokalità kienu u x’passi ttieħdu?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-iżviluppi li l-permessi tagħhom kienu revokati jew annullati mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija u f’liema lokalità jinsabu. L-Awtorità qed tittratta l-każijiet skont il-każ speċifiku u qed tieħu azzjoni wara li jingħata ċ-ċans lil sid l-art jirregolarizza dak l-iżvilupp li issa mhux kopert b’permess.

PA/MTA – Ftehim ma’ applikant għal permess ta’ żvilupp

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11855, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Medja tal-Kamra kopja tal-ftehim legali li sar bejn l-Awtorità tal-Ippjanar (PA), l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) u l-applikant tal-permess PA3807/17?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11855.

San Ġiljan – Bajja ta’ San Ġorġ — encroachments għal umbrelel/deckchairs

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11858 jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija fl-intier tagħha u jgħid min huma l-operaturi li għandhom l-approvazzjoni tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) għal iktar encroachments għal umbrelel u deckchairs ġewwa l-Bajja ta’ San Ġorġ f’Paceville, San Ġiljan?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-opertur huwa Paranga Restaurant bħala parti mill-Intercontinental Hotel li huwa wkoll l-operatur tal-kiosk li jinsab f’nofs il-bajja.

Kemmuna — konċessjonijiet u encroachments għal umbrelel/deckchairs

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11860, jista’ l-Ministru jwieġeb din il-mistoqsija fl-intier tagħha billi jipprovdi lista ta’ min huma dawk kollha li matul is-sajf kellhom/għandhom concession/encroachment fil-Bajja ta’ Kemmuna?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11860.

Animal Welfare – Direct Order

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif il-Gvern għażel il-klinika privata, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, b'direct order biex minnha jingħataw servizzi lill-Animal Welfare kif ukoll kienet il-klinika li ntgħażlet għall-kampanja tat-tiswija tal-qtates? Għalfejn ma nħariġx tender f'dan il-każ?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-klinika privata li d-dettalji tagħha ngħataw separatament intgħażlet b’direct order biex tagħti servizzi ta’ emerġenza fuq bażi ta’ urġenza. Ma nħariġx tender għall-istess raġuni.

Animal Welfare – Direct Order

Question

Jista' l-Ministru jispjega fiex jikkonsisti d-direct order bin-numru AHWD/AW/ 35/23 'Acquisition of Animal Holding Areas, pre-op, operating rooms (AWD)' li ngħata fit-22 ta' Mejju 2023 b'valur ta' €52,000 lill-klinika privata li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament u kif intgħażlet?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-direct order li qed issir referenza għaliha hija marbuta mal-kampanja tat-tiswija tal-qtates li tħabbret fil-21 ta’ Ġunju 2023. Din saret wara li nħareġ tender li għalih ma ntefgħet l-ebda offerta u għaldaqstant din hi waħda mis-sitwazzjonijiet fejn l'awtorità kontraenti tirrikorri għal direct order. Il-klinika ntgħażlet permezz ta’ espressjoni ta’ interess maħruġa għall-kliniċi veterinarji liċenzjati kollha fejn intwera interess minn klinika veterinarja waħda biss; l-istess waħda li d-dettalji tagħha ingħataw separatament. Din id-direct order tkopri il-kirja ta’ klinika veterinarja jumejn fil-ġimgħa inkluż l-użu ta’ tagħmir u l-faċilitajiet kollha, l-ispejjeż tal-mediċini veterinarji u konsumabbli użati waqt l-interventi kirurġiċi għat-tiswija tal-qtates.

Ta’ Qali – Qtugħ ta’ dawl

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk fil-perjodu bejn l-1 ta' Awwissu 2023 u l-31 ta' Awwissu 2023 intlaqtux xi cables tad-dawl minn kuntratturi f'Ta' Qali? Jekk iva, tista’ tagħti d-data ta' meta seħħ u meta ġiet solvuta l-problema?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li matul il-perjodu indikat f’Ta’ Qali kien hemm xi ħsarat iżolati fuq linji tad-dawl, b’wieħed minn dawn il-każijiet seħħ fit-18 t’Awwissu u ġie rappurtat lill-Enemalta bħala “broken aerial line” fis-seba’ ta’ filgħodu. Tim tekniku tal-Enemalta intbagħat fuq il-post b’mod immedjat u l-ħsara ssewwiet f’temp ta’ 3 sigħat. Madanakollu ma kien instab ħadd fuq il-post u baqa’ mhux magħruf min ikkaġuna din il-ħsara.