Legislature:
Category:
Reset
Active:

Qrati tal-Ġustizzja Kriminali — Multi pendenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm baqa' multi pendenti/mhux imħallsa li ġew imposti f'kawi deċiżi mill-Qrati tal-Ġustizzja Kriminali, kif ukoll il-valur tagħhom mill-perjodu 2010 sal-ġuranta li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tlabt biex tinġabar l-informazzjoni.

Kunsill Lokali San Ġwann — Project Green

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11868, jista’ l-Ministru jgħid min huwa l-perit tax-xogħlijiet, kemm tħallas u minn min tħallas?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann illi skond il-Minuti tal-laqgħa 67, tas-27 ta’ Frar 2023, il-Periti huma XYZ Ltd, u l-ammont imħallas huwa ta’ €50,000. Dan l-ammont tħallas minn fondi tal-Kunsill Lokali.

PPCD — Rapporti ta’ abbużi minn Fondi Ewropej

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk waslux rapporti ta’ abbużi minn Fondi Ewropej għand il-Planning and Priorities Co-ordination Division (PPCD)? Jekk iva, jista’ l-Ministru jgħid x’passi ittieħdu mill-PPCD?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kull allegazzjoni ta’ abbuż minn Fondi Ewropej li l-Planning and Priorities Co-ordination Division (PPCD) irċeviet sa mill-bidu ta’ twaqqif tagħha fis-sena 2001, dejjem ġiet eżaminata bir-reqqa internament. Meta tali eżami juri li b’mod raġonevoli tali allegazzjoni hija ibbażata fuq fatti li jridu jiġu investigati iktar fil-fond, din l-allegazzjoni tiġi riferuta lill-Internal Audit and Investigations Department (IAID) f’konformità mal-Artikolu 14 tal-Kapitolu 461 tal-Liġijiet ta’ Malta.

Ta’ Xbiex — Triq ix-Xatt - Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jagħti data ta’ meta ser titlesta Triq ix-Xatt, ġewwa Ta’ Xbiex u l-Imsida, peress li hemm numru ta’ perikli?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett ta’ Triq ix-Xatt Msida għadu mhux konkluż peress li ltaqa ma’ diversi problemi kemm tekniċi kif ukoll legali tant illi dwar dan il-proġett inbdew proċeduri legali fil-Qrati ta’ Malta. Għaldaqstant f’dan il-proġett hemm dewmien temporanju. Sadattant, Transport Malta flimkien ma’ Infrastructure Malta ħadet ħsieb sabiex jitneħħa l-periklu u jitnaqqas l-inkonvenjent.

e-Scooters

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex ser jitneħħew l-e-scooters minn Marzu 2024? Jekk il-Ministru wasal għall-konklużjoni li mhux biss ma kienx hemm infrastruttura għalihom imma wkoll hemm diversi abbużi, jista' jgħid għalfejn se jħalli dawn l-abbużi għaddejjin għal ħames xhur oħra?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kiri ta’ e-kick scooters se jkun projbit minn Marzu 2024 minħabba skadenzi ta’ liċenzji tal-operaturi.

San Ġwann — Triq Salvu Busuttil - Sewqan eċċessiv

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex Transport Malta qed tirrifjuta li tpoġġi sleeping policeman jew miżuri oħra sabiex titnaqqas il-veloċità eċċessiva ta’ vetturi li qed jużaw Triq Salvu Busuttil, ġewwa San Ġwann, bħala shortcut minn Triq tal-Balal għal Triq R. Caruana Dingli?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta ma’ saritilha l-ebda talba biex tiġi nstallata xi ‘sleeping policeman’ fi Triq Salvu Busuttil, ġewwa San Ġwann. Madanakollu, niġbed l-attenzjoni li f’din it-triq diġà hemm ‘sleeping policeman’ li kienet installata minn Transport Malta il-fuq minn sitt snin ilu.

San Ġwann — Triq Salvu Busuttil - Sewqan eċċessiv

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann qed jirrifjuta li jpoġġi sleeping policeman jew miżuri oħra sabiex titnaqqas il-veloċità eċċessiva ta’ vetturi li qed jużaw Triq Salvu Busuttil, ġewwa San Ġwann, bħala shortcut minn Triq tal-Balal għal Triq R. Caruana Dingli? Fin-nuqqas ta’ dan, ir-residenti jistgħu jżommu lill-Kunsill Lokali responsabbli għal kull eventwalità ta’ diżgrazzja?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann li hemm sleeping-policeman fi Triq Salvu Busuttil, San Ġwann. Aktar minn 6 snin ilu ġew installati żewġ sleeping-policemen mill-entità kkonċernata, iżda ftit wara, fuq talba tar-residenti stess, tneħħa wieħed minnhom.

San Ġiljan — Xatt is-Sajjieda - Xogħlijiet ta’ riġenerazzjoni

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11875, jista’ l-Ministru jagħti d-data ta’ meta ser isiru x-xogħlijiet li bdew fuq il-loġġa tas-sajjieda bħala parti mill-proġett ta’ riġenerazzjoni tax-Xatt tas-Sajjieda, ġewwa San Ġiljan u jekk dawk involuti, pereżempju sajjieda u sidien ta’ negozji kienu/huma nfurmati bid-data ta’ dawn ix-xogħlijiet?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11875, ninfurmah li x-xogħol tat-twaqqigħ tas-saqaf tal-loġġa diġà beda. Il-persuni involuti, inkluż is-sajjieda, is-sidien ta’ negozji li jmissu mal-binja u anke l-Kunsill Lokali, qegħdin kontinwament jiġu infurmati bil-progress tax-xogħlijiet.

San Ġiljan — Xatt is-Sajjieda - Xogħlijiet ta’ riġenerazzjoni

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11875, fejn kien mitlub fejn waslu x-xogħlijiet fuq il-promenade/xatt, jista’ l-Ministru jagħti t-tracking number mal-Awtorità tal-Ippjanar (PA)?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11875, it-tracking number mal-Awtorità tal-Ippjanar huwa 7196/21.

Għassa ta’ San Ġwann — Ftuħ

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11878, jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija fl-intier tagħha u jgħid jekk l-għassa hijiex miftuħa u jekk ikunx hemm pulizija preżenti, u jekk le, jgħid fejn wieħed jista’ jkollu aċċess għall-pulizija f’din il-lokalità?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li minħabba xogħol ta’ manutenzjoni estensiva fl-għassa ta’ San Ġwann mhux possibli li jkun hemm ħaddiema f'dak l-ambjent. Din terġa tibda topera b'servizz tal-Pulizija la darba jkunu konklużi x-xogħlijiet. Kull persuna tista tirrikorri fl-għassa ta’ San Ġiljan għal kull assistenza, peress li hija l-eqreb għal din il-lokalità, għalkemm kull għassa hi aċċessibbli biex tingħata kull għajnuna. Sadanittant iż-żona ta’ San Ġwann milħuqa b'diversi rondi, inkluż tal-RIU.

APH Animal Hospital — Liċenzja ta’ operat

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11974, fejn intqal li dan l-isptar ingħalaq minħabba li ‘It-tabiba veterinarja lliċenzjata biex topera’ rriżenjat, imbagħad waqt is-seduta parlamentari, l-istess Ministru qal li dan l-isptar ingħalaq wara l-qtugħ tal-elettriku u anke għaliex mhuwiex aktar finanzjarjament vijabbli, jista’ l-Ministru jgħid x’kienu verament ir-raġunijiet għal dan l-għeluq, fid-dawl li l-Ministru ta 3 raġunijiet?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-tweġibiet li ngħataw għall-mistoqsijiet parlamentari 11974 u 12239 huma t-tnejn korretti.

Kunsill Lokali San Ġwann — Project Green

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11868, filwaqt li hemm differenza bejn diskussjoni fuq proposta b’mod ġenerali u diskussjoni/vot fuq il-pjanta finali li ddaħħlet għand l-Awtorità tal-Ippjanar TRK/00277228, jista’ l-Ministru jgħid jekk din il-pjanta finali kinitx fuq l-Aġenda tal-Kunsill Lokali u x’kien il-vot fuq din il-proposta finali? Jista’ l-Ministru jqiegħed kopja tal-aġenda, il-voti kif kienu mitfugħa, u l-minuti ta’ din is-seduta?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann illi l-pjanti finali tal-proġett ma setgħux jiġu diskussi fil-Laqgħa tal-Kunsill, għax mhumiex finalizzati, bir-raġuni tkun li l-proċess ta’ konsultazzjoni mal-firxa wiesgħa ta’ stakeholders għadu għaddej. Intant infurmat li l-applikazzjoni sottomessa lill-Awtorità tal-Ippjanar minn Project Green tirrigwarda l-parti tal-parkeġġ taħt l-art f’Misraħ Lewża. Infurmat ukoll li din il-fażi tal-proġett ma nbidlet xejn minn dawk il-pjanti diskussi fil-Laqgħa tal-Kunsill Nru. 50, fejn kien hemm qbil unanimu. Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra estratt tal-minuti tal-laqgħa li għadni kif semmejt.

Kunsill Lokali San Ġwann — Project Green

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11868, fejn l-Ministru qal li kien hemm laqgħa ta’ konsultazzjoni mal-ħwienet, jista’ l-Ministru jgħid meta saret din il-laqgħa, fejn saret u min huma dawk li kienu preżenti għaliha?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann illi l-laqgħa ta’ konsultazzjoni mal-entitajiet kummerċjali li għaliha qiegħed jirreferi l-Onor. Interpellant saret fit-22 ta’ Frar 2023. Infurmat li din il-laqgħa saret għall-entitajiet kummerċjali kollha li jinsabu fi Triq Feliċe Borg, Misraħ Lewża, Misraħ Lourdes u Triq Narċis. Infurmat ukoll li l-istedina għal din il-laqgħa ta’ konsultazzjoni tqassmet by hand. Finalment, infurmat li din il-laqgħa ta’ konsultazzjoni ġiet diskussa fil-laqgħa tal-Kunsill Nru 65, tat-23 ta’ Jannar 2023.

ERA — Rapporti dwar irwejjaħ ta’ tarmak jew qatran minn impjant

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11865 dwar rapporti minn residenti ġewwa l-Iklin, il-Għargħur, San Ġiljan u San Ġwann lill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) dwar irwejjaħ ta’ tarmak jew qatran minn impjant li jinsab fil-viċinanzi, jista’ l-Ministru jgħid jekk l-istess impjant indikat huwiex konformi mal-kundizzjonijiet tal-permessi maħruġa?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant jispeċifika għal liema impjant qed jirreferi.

Direttorat għas-Saħħa Ambjentali – ilment minn residenti

Question

B’referenza għal ilment li sar erba’ xhur ilu minn numru ta’ residenti lid-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali (Sanità) bit-tracking number 2351/2023, tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ dan l-ilment u t-tweġiba għalih?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Tas-Sliema — Ferries Terminal - Xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11869, fejn intqal 'li x-xogħlijiet fit-terminal tal-ferries f’Tas-Sliema waslu fl-aħħar fażijiet tagħhom’, jista’ l-Ministru jagħti data ta’ meta dan ser jitlesta, fid-dawl li dan huwa proġett pendenti għal aktar minn 5 snin? Jista’ jagħti wkoll l-isem tal-kumpanija/kuntrattur(i) li qegħdin jagħmlu dan ix-xogħol?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif indikat fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 11869, “il-pjan hu li dan il-proġett ikun lest sa tmiem din is-sena.” Ix-xogħlijiet fuq dan il-proġett qed isiru primarjament minn tliet kuntratturi: SB JV responsabbli mill-bini tal-moll, Bezzina Marine Services Ltd. responsabbli mill-manifatturazzjoni u installazzjoni tal-passarelli; u NEM Impresa Colombrita responsabbli mis-superstructure. Dan il-proġett huwa wieħed minn sensiela ta’ proġetti li qed isiru biex tkompli tissaħħaħ l-infrastruttura għat-trasport fuq il-baħar.

San Ġwann — Triq Bellavista - Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslu x-xogħlijiet fuq Triq Bellavista, f’San Ġwann, fid-dawl li parti mit-triq ilha lesta, iżda xorta waħda għadha magħluqa għal pubbliku?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta fi ħdan il-Ministeru, qed twettaq xogħol infrastrutturali ta’ din it-triq fuq medda ta’ 1.7 kilometru. Wara konsultazzjonijiet li saru mal-partijiet konċernati u l-Kunsill Lokali, intlaħaq ftehim biex ix-xogħlijiet f’din it-triq jitwettqu bi ħsieb u f’numru ta’ fażijiet, u dan biex jiġi evitat milli t-triq tingħalaq kompletament b’inkonvenjent għar-residenti, in-negozji u s-sewwieqa. Il-kuntrattur ta’ Infrastructure Malta għaddej b’ħidma fit-tieni fażi tal-proġett, b’partijiet oħra tat-triq ikunu ġeneralment aċċessibbli għas-sewwieqa. Minkejja dan, f’ċerti ċirkostanzi, partijiet mit-triq li diġà tlestew ix-xogħlijiet fuqha, jew għad irid isir intervent fuqha, jingħalqu kif meħtieġ minħabba xogħlijiet attwali. Dan isir b’konsiderazzjoni għas-saħħa u s-sigurtà u l-isfidi li jġib miegħu manuvrar ta’ makkinarju u tagħmir tqil biex jitwettqu x-xogħlijiet meħtieġa. Infrastructure Malta qed tagħmel l-almu tagħha biex tillimita l-inkonvenjent għas-sewwieqa, filwaqt li jitwettqu x-xogħlijiet infrastrutturali.

Infrastructure Malta

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11874 rigward il-proġett ta’ Spinola u Triq Paceville, jista’ l-Ministru jagħti data ta’ meta ser jibdew dawn ix-xogħlijiet, fid-dawl li dan il-proġett ilu ’l fuq minn 3 snin imħabbar mill-Ministru għat-Turiżmu?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li filwaqt li nirreferu għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11874, ninfurmah li l-proġett ta’ Spinola se jiġi implimentat bħala parti minn fażijiet sussegwenti minn entitajiet li jirrispondu lill-Ministeri oħra.

Paceville, San Ġiljan, Tas-Sliema u l-Gżira — Rapporti ta’ storbju eċċessiv

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11879, jista’ l-Ministru jwieġeb b’mod sħiħ billi jgħid kemm kien hemm rapporti, maqsuma lokalità b’lokalità, minflok ġabarhom flimkien?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat illi kien hemm 17-il rapport f'Tas-Sliema u 4 fil-Gżira.

San Ġwann – Proġett mill-Aġenzija Project Green – Studju ġeoloġiku

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11867, fejn intqal li ser ikun hemm “żvilupp ta’ parkeġġ ta’ 3 sulari taħt l-art”, tista’ l-Ministru tgħid jekk sarx studju ġeoloġiku fuq il-pedamenti tal-housing estate u tal-madwar? Jekk iva, tista’ tqiegħed kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li kull skavar, twaqqigħ jew kostruzzjoni ser isiru skont il-permessi u dak stipulat mil-liġi LN136 tal-2019. Barra minn hekk, il-proprjetà tal-Housing Estate mhix ser tintmiss bl-ebda mod.