Legislature:
Category:
Reset
Active:

APH Limited — Kuntratti

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratti u l-ftehim li ġew iffirmati bejn il-Gvern u APH Limited (C 72130), u/jew mal-promoturi tal-istess soċjetà li d-dettalji tagħhom qedin jingħataw separatament mis-sena 2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar u ser tingħata f'xi seduta oħra.

Każ ta' individwu

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12640, jista’ l-Ministru jikkonferma jekk saritx verifika tad-dokument uffiċjali tal-Ministeru tiegħu, datat 24-28 ta’ Lulju 2017, li jikkonferma illi l-persuna inkwestjoni (dettalji mibgħuta separatament) ma tatx informazzjoni korretta lill-Kumitat dwar il-Ħatriet Pubbliċi meta ma semmietx dawk ir-rabtiet azjendali? Jista’ l-Ministru jgħid jekk dawk ir-rabtiet inħallux wara li l-persuna inkwestjoni ħadet il-kariga?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

Każ ta’ individwu

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12638, jista’ l-Ministru jagħti d-data tal-ħatra tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament? Sa meta twassal din il-kariga? Peress li l-Ministru qal li “ma huwiex fil-kompitu tal-Kummissarju Għoli li jwettaq investigazzjonijiet”, jista’ jgħid x’miżuri ttieħdu biex il-Pulizija ta’ Malta tingħata t-tagħrif kollu possibbli? Huwa każ li jiddaħħal l-Interpol?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

San Ġiljan — Xogħlijiet fuq il-promenade

Question

Fid-dawl li l-mistoqsija parlamentari 12294 kienet rigward ix-xogħlijiet li saru fuq il-promendade ta’ San Ġiljan, iżda ġejt referut għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11852 li kienet fuq tas-Sliema, jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 12294 u jgħid x’xogħlijiet saru fuq il-promenade ta’ San Ġiljan bejn Jannar 2023 u l-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien infurmat li bejn Jannar 2023 u llum, id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi wettaq manutenzjoni fuq lampi dekorattivi u bdil ta’ bozoz fuq talba tal-Kunsill Lokali, fil-promenade ta’ San Ġiljan. Ngħarraf ukoll li d-Dipartiment għax-Xogħlijiet Pubbliċi, m’huwiex l-uniku Dipartiment responsabbli mill-manutenzjoni tal-Promenade ta’ San Ġiljan.

TZRA — Xogħlijiet fuq il-promenades ta’ San Ġiljan/Tas-Sliema u ta’ Buġibba/San Pawl il-Baħar/Xemxija

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 12295 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11853, jista’ l-Ministru jgħid: i. liema xogħlijiet kienu ta’ tisbiħ fil-promenade; ii. liema kienu tiswijiet żgħar ta’ bankini; iii. in-numru ta’ tiswijiet fuq lampi dekorattivi; iv. l-ammont ta’ lampi ġodda li twaħħlu; v. liema kienu tiswijiet ta’ bollards u ta’ tabelli u jgħid ukoll f’liema triq u l-ammont; u vi. kemm kienet in-nefqa totali f’Tas-Sliema, San Ġiljan u San Pawl il-Baħar, lokalità, lokalità?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet imsemmija fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11853, kienu is-segwenti: San Ġiljan · Tiswija ta’ bankijiet tal-ħadid li jitwaħħlu matul il-kosta ta’ San Ġiljan fil-perjodu tas-sajf. · Tiswija ta’ kurduni u pavimentar ta’ bankini ġewwa Triq Wilga, Triq Ball, Triq San Ġorg u Xatt ta’ San Ġorg. · Intervent fuq madum ta’ Triq Żona pedonali ta’ Triq Wilġa. · Inżebgħu bollards ġewwa Paceville, Triq il-Knisja, Triq Ball u trejqet Dragonara. · Tiswija u żebgħa ta’ bankijiet fi Triq il-Knisja. · Ġie ppreparat rapport dwar tabelli ta’ toroq li kienu mkissrin u li kellhom bżonn jinbildu jew jiġu rranġati. Dan ir-rapport intbagħat lil Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan li attwa ħafna mir-rakkomandazzjonijiet tar-rapport. · Sar intervent fuq arblu tad-dawl li nstab imkisser fix-Xatt ta’ San Ġorg. · Intramat il-blue flag beach għal bajja ta’ San Ġorg. · Twaħħlu bins ġodda u addizzjonali fil-Bajja tal-Balluta. · Ġew manifatturati picnic benches u mwejjed li ġew installati fiż-żona magħrufa bħala tas-Simenta San Ġiljan. · Sar intervent fuq telephone box ġewwa l-Pjazza tal-Balluta li ġiet ivvandalizzata u sar ħġieġ ġdid u zebgħa. · Flimkien mal-Kunsill Lokali u aġenzija privata, ġew mizrugħa numru ta’ pjanti matul il-promenade ta’ San Ġiljan. · Qegħdin naħdmu fuq ‘preventive railing’ fil-pjazza ta’ San Ġiljan · Ġew ordnati l-fanali ta’ Xatt is-Sajjieda. Sliema · Qui Si Sana manutenzjoni tal-planters. · Naddafna u żbajna l-funtana ġewwa l-Gnien Indipendenza, irranġajna l-istess pompa tal-funtana u tħaddmet. · Tiswija u żebgħa tal-bollards, railings, u s-sotto bank fiż-żona magħrufa ta’ Taormina; żona ta’ ex-Speedy petrol station. · Tiswija u żebgha fuq bankijiet, gazebos, tree pits u planters ta’ żona magħrufa ta’ Taormina; żona ta’ ex-Speedy petrol station. · Tiswija ta’ floor inspection box li kienet infaqgħat b’inċident tat-traffiku ħdejn Peppi’s · Intervent fuq il-latrina ta’ Ferro Bay, tindif minn kwantita’ kbira ta’ ġebel li ttella’ mal-maltemp u ħsarat kbar wara l-maltempata ta’ Frar. · Manutenzjoni, fosthom id-dwal tal-bankijiet ta’ Triq Bizazza . · Irrangar ta’pavimentar taż-żona magħrufa ta’ Taormina, Ġhar id-Dud u Qui si Sana. · Bdil ta’ railing ta’ taraġ ta’ ma’ ġemb it-Torri ta’ tas-Sliema (St Julian’s watch tower). · Preventive railings taħt it-taraġ ta’ ħdejn it Torri San Giljan · Inbiddlu xi bankijiet fi Ġnien L-Indipendenza. · Tiswija u żebgha tal-bankijiet ta’ taħt il promenade ta’ żona magħrufa Ta’ Taormina. · Żebgha ta’ railings, s-sotto bank u l-bollards tal-ġebel fejn hemm l-open air gym. · Intrama il-Blue Flag beach ta’ Fond Ghadir. · Tiswija ta’ pavimentar u railings tal-injam, uħud manifatturati, li qegħdin fiż-żona magħrufa ta’ l-Exiles. · Irrangajna il-walk way ta’ max-xatt taħt Ġnien Indipendenza · Ġiet manifatturata u nstallata changing room ġdida f’Font Ghadir. · Ġew installati 22 fanal ġdid, madwar 130 metri railings ġodda u madwar 20 metru tiswija ġewwa Ghad id-Dud. Dan apparti tiswijiet fuq dwal li jagħmlu entitajiet pubbliċi ohra fosthom Enemalta u Public Works. · Qegħdin f’kuntatt mal-Kunsill Lokali biex jidentifika żoni fejn jistgħu jitpoggew planters kbar f’ Tas-Sliema. San Pawl il-Baħar · Tirqim ta’ siġar, Raddet Ir-Roti - Xemxija · Manutenzjoni ta’ pjanti u tibdil ta’ (ħadid) railings, Promenade - Xemxija · Manutenzjoni ta’ bankini, Triq It-turisti · Manutenzjoni ta’ bankini, Mosta Road · Manutenzjoni ta’ bankini, Triq il-Hatab · Manutenzjoni ta’ bankini, Triq il-Frejgatina · Manutenzjoni ta’ railings, Triq San Ġeraldu · Manutenzjoni ta’ railing, Fekruna · Bdil ta’ bins, Sirens area · Manutenzjoni ta’ bankini, Dawret il-Ġzejjer · Tabella antika ġiet mibdula, Dawret Il Ġzejjer · Manutenzjoni tal-outdoor gym, Promenade · Żebgħa fuq ħajt, Triq 10 ta’ Frar · Tibdil ta’ railings, Triq San Frangisk · Tibdil ta’ mirja, Triq Għajn Tuffieħa · Tibdil ta’ railings, Triq San Frangisk · Tibdil ta’ railing imkisser, Promenade – Xemxija · Tibdil ta’ railing imkisser, Triq Raddet ir-Roti- Xemxija · Xogħol ta’ manutenzjoni, Promenade – Xemxija · Xogħol ta’ manutenzjoni, Promenade – Qawra · Manutenzjoni ta’ bankijiet, Thalassalejn · Xogħol ta’ manutenzjoni ta’ bollards, Triq ix-Xemxija · Installazjoni ta’ bins, St Paul street · Żebgħa ta’ railings, Bognor area · Xogħol ta’ tikħil, Triq ix-Xtut · Picnic area manutenzjoni, Trunciera · Xogħol ta’ manutenzjoni, Gnien Anton Buttiġieġ · Manutenzjoni ta’ bollards, Xemxija Bay · Żebgħa fuq open gym, Qawra.

Kemmuna — konċessjonijiet u encroachments għal umbrelel/deckchairs

Question

B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 12299 u 11860, jista’ l-Ministru jagħti lista sħiħa tal-persuni bl-isem u l-kunjom li matul is-sajf kellhom/għandhom concession/encroachment fil-Bajja ta’ Kemmuna jew offrew servizzi hemm?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hija ta’ natura kummerċjali sensittiva u għaldaqstant ma tistax tingħata. Madanakollu, l-Onor. Interpellant se jingħata l-opportunità li jara hu personalment id-dokumenti mitluba.

Paceville Town Centre Committee

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11979, jista’ l-Ministru jgħid min qed imexxi Paceville Town Centre Committee? Fid-dawl li l-Ministru ltaqa’ ma’ diversi entitajiet u stakeholders, jista’ jagħti lista sħiħa ta’ dawn billi bħala entità pubblika, il-pubbliku għandu jkun jaf?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11979, ninforma lill-Onor. Interpellant liċ-Chairperson tal-Kumitat huwa is-Sur Philip Fenech. Seħħew numru ta’ laqgħat ma’ diversi entitajiet, assoċjazzjonijiet u l-komunità tan-negozju biex jiddiskutu kwistjonijiet li jikkonċernaw is-sigurtà, l-indafa, it-trasport fiż-żona u l-loġistika. Dawn jinkludu: · District Police Superintendent and St Julians Police · Paceville & Swieqi Community Inspector and Police · Traffic Board · Infrastructure Malta · Enemalta · Water Services Corporation · Millennium Chapel & WOW · Residents’ consultation at Millennium Chapel and Community Police · Ministry for Equality · Ministry of Health · BICC · FATTA · MHRA · Chamber of SME's · MIA · MTA · DIER · CFR · Allied Malta Rainbow Community · St Julians Local Council · Cleansing & Maintenance Department · PBS · Transport Malta · Sedqa · ARUC · FELTOM · Malta Developers Association · St Patricks Day Organising Committee · Gay Pride Malta Organising Committee · SIGMA I Gaming · St George's Park Ltd · Villa Rosa AC Group of Companies · Polidano Group · Approved Ltd/Dragonara Business Centre · Corinthia Group · Westin Dragonara Hotel · Hyatt Hotel · The George Hotel · ESC Language School · Punch Bowl Co. Ltd · Hugo's Group of Companies · Farsons · Alfie Mizzi & Sons Ltd · Hotel Valentino Ltd & Avenue Restaurant · Paceville Entertainments Ltd · HR Ltd · Mercury House · Bay Street Complex · AC Hotel by Marriott · E Cabs Co. Ltd · Out West Co. Ltd · Toy Room Club · Okurama Restaurants · Peppermit Park · Eden Leisure Group · Ariaco Ltd Dean Hamlet Hotel · St Julians Tourist medical doctor · Gemmville Holdings Ltd Jules Suits · Tridev Ltd Opus · Michelangelo Gay Bar · Beggars Inn · Truth Club · Pleasure Cocktail Bar · PX Tower Pawlu Xuereb PX Lettings/Ta Carmelina Ltd · Kerber Security Company · Signal 8 Security Company · Auto Rentals Co. Ltd · Robert Arrigo & Sons Ltd.

San Ġwann – Proġett mill-Aġenzija Project Green – Studju ġeoloġiku

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12306, tista’ l-Ministru tgħid jekk sarx jew ma sarx geological studies ta’ fejn qed ikun propost li jkun hemm underground parking?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tali studju se jkun qed isir kif tistipula l-liġi LN136 tal-2019, kif spjegat fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12306.

San Ġwann – Proġett mill-Aġenzija Project Green – Diskussjonijiet mal-Awtorità tad-Djar

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12308, tista’ l-Ministru tgħid jekk hijiex konxja ta’ rapport tekniku li sar mill-Awtorità tad-Djar fuq il-pedamenti ta’ din il-binja? Jekk le, kif tista’ tagħti serħan lir-residenti li mhux ser ikun hemm diffikultajiet?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nerġa’ nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajtu tal-mistoqsija parlamentari 12308, li tagħmel referenza għall-mistoqsija parlamentari 12306 u li fiha diġà ngħad b’mod ċar li l-proprjetà tal-Housing Estate mhix ser tintmess bl-ebda mod.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – A/C fiċ-ċelel

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il ċella fi ħdan il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin hi mgħamra bl-arja kundizzjonata? Kemm-il persuna li tinsab detenuta jew li qed isservi sentenza għandha A/C fiċ-ċella?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li fl-aħħar snin sar investiment sabiex f’kull ċella jkun hemm l-użu ta’ fan billi kull min ma kellux wieħed, l-Aġenzija pprovditlu. Infurmat li hemm 4 dormitorji li għandhom sistema ta’ arja kundizzjonata, fosthom dormitorju minnhom fejn jinżammu dawk il-priġunieri nisa li qed irabbu tarbija.

Mediċini Servikar u Cardioaspirin ta' 100mg

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid għaliex il-pilloli Servikar, u Cardioaspirin ta' 100mg (liema pilloli jinsabu fi swieq oħrajn tal-Unjoni Ewropea) mhumiex disponibbli f'Malta? Peress li l-Maltin m'għandhomx aċċess għall-formula kimika ta' Servikar (li hi differenti minn dik ta' Diovan pereżempju), jista’ jgħid għalfejn għad-dożaġġ ta' 100mg ta' Cardioasprin, f'Malta ssib 75mg?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi Cardioaspirin hija asperina li hija disponibbli, waqt li minflok Servikar jintuzaw Amlodipine u Valsartan.

Karta tad-Drittijiet Fundamentali fl-UE

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 11973 u jgħid jekk ġiex innominat xi ħadd bħala Punt Fokali tal-Karta (Charter Focal Point) skont l-Istrateġija biex tissaħħaħ l-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali fl-Unjoni Ewropea? Jekk iva, min hi din il-persuna?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat illi hemm uffiċjal mid-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem nominata.

Awtorità tal-Ippjanar — passi fir-rigward ta’ żvilupp f’Tal Pietà

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11862 dwar żvilupp li sar, u li huwa kontra l-liġi, fejn il-Ministru qal li nħargu avviżi ta’ infurzar lis-sidien, jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-pass li jmiss fid-dawl li l-avviżi huma biss avviżi?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara li nħarġu l-avviżi ta’ nfurzar mill-Awtorità tal-Ippjanar, kienu sottomessi appelli fuq uħud minn dawn l-avviżi, kif ukoll kienu sottomessi applikazzjonijiet biex jissanzjonaw l-istess żvilupp imsemmi fi wħud minn avviżi oħra. Għalhekk l-Awtorità tal-Ippjanar ma tistax tieħu passi ulterjuri sakemm jiġu deċiżi l-appelli u l-applikazzjonijiet.

Żviluppi high-rise — policy dwar ħarsien minn terremoti

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12303 fejn il-Ministru rreferieni għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11863 fejn intqal pajjiżna dejjem għamel referenza għall-EN1998 Eurocode 8, jista’ l-Ministru jagħti garanzija li t-torrijiet (high-risers) huma mħarsa mill-eventwalità ta’ terremot, jew le? Jista’ jagħti wkoll time frame għall “pjan li titfassal policy fiż-żmien li ġej” li ssemma fl-istess tweġiba?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-responsabilità tad-disinn tal-istruttura ta’ kull binja hija tal-Perit tal-proġett.

Ftehim dwar permess ta’ żvilupp

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11855, jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 10691 u jqiegħed kopja tal-ftehim legali li sar bejn l-Awtorita’ tal-Ipjannar, l-Awtorita’ tal-Turizmu u l-applikant fuq il-Mejda tal-Kamra hekk kif kien mitlub?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11855.

Każ ta’ individwu

Question

Fid-dawl tal-fatt illi fir-rapport tal-Kummissjoni għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, datat 5 ta’ Mejju 2021, il-Kummissarju rrimarka illi ma setax jinvestiga akkużi li kienu ‘time-barred’, li ma jfissirx li ma kinux veri fis-sustanza, jista’ l-Ministru jgħid x’investigazzjonijiet saru mill-Kummissarju Għoli ġewwa l-Ghana biex jinstab l-individwu li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Iterpellant li ma huwiex fil-kompitu tal-Kummissarju Għoli li jwettaq investigazzjonijiet.

Każ ta’ individwu

Question

Fid-dawl tal-fatt illi fir-rapport tal-Kummissjoni għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, datat 5 ta’ Mejju 2021, il-Kummissarju rrimarka illi ma setax jinvestiga akkużi li kienu ‘time-barred’, li ma jfissirx li ma kinux veri fis-sustanza, jista’ l-Ministru jgħid x’passi ħa biex jinstab l-individwu li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Kif jaf tajjeb l-Onor. Interpellant investigazzjonijiet f’allegati illegalitajiet isiru mill-istituzzjonijiet relevanti li jaħdmu lil hinn mill-politiku.

Każ ta' individwu

Question

Fid-dawl tar-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika Case No.: K023 datat 20 ta’ Jannar 2020, u b’mod partikolari għall-para. 56 tiegħu dwar informazzjoni mogħtija mill-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament lill-Kumitat dwar il-Ħatriet Pubbliċi, jista’ l-Ministru jgħid x’passi ħa peress illi dan juri li hemm nuqqasijiet serji li għadhom ma ġewx indirizzati? Fid-dawl tal-fatt li l-informazzjoni hi skorretta u li tiżgwida l-Parlament, jidhirlu l-Ministru li għandu jiġbed l-attenzjoni tal-Prim Ministru u tal-Ispeaker dwar dan?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru kiseb konferma bil-miktub li l-persuna in kwestjoni nħallet minn kull rabta diretta jew indiretta li qabel kellha mas-soċjetajiet azjendali msemmija f’paragrafu 56 tal-imsemmi rapport. Fid-dawl li l-Ministeru kiseb il-kjarifiki mitluba, ma tinħassx il-ħtieġa li wieħed isegwi din il-kwestjoni ma’ uffiċċji jew entitajiet pubbliċi oħra.

ARUC — Liċenzji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħataw liċenzji s’issa mill-Awtorità għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis (ARUC) u lil min? Jista’ jikkonferma jekk waħda mill-kundizzjonijiet hija li ma jkunx hemm marketing u riklami fuq mezzi soċjali u/jew gazzetti? Jista’ jgħid ukoll jekk l-ARUC hux ser tuża ‘zero tolerance’ biex ma jkunx hemm abbużi u jgħid x’inhuma l-konsegwenzi jekk ikun hemm abbużi? Jista’ jgħid ukoll jekk kienx hemm abbużi s’issa u jekk iva, x’passi ttieħdu?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat illi s’issa ingħataw żewġ liċenzji lil assoċjazzjonijiet bl-ismijiet “KDD Society C.H.R.A.” u “Ta’ Zelli C.H.R.A.”. Il-liġi li permezz tagħha twettqet ir-riforma tipprojibixxi kull forma ta’ reklamar u promozzjoni. Għalhekk, amministraturi ta’ assoċjazzjonijiet liċenzjati li b’mod intenzjonali jirriklamaw il-funzjoni tal-assoċjazzjoni bi kwalunkwe mod jiġu mressqa quddiem il-Kummissarju tal-Ġustizzja. Il-pieni applikabbli huma ndikati fit-tieni skeda tal-Leġislazzjoni Sussidjarja 628.01, ċjoè multa ta’ bejn €2,000 u €10,000. Barra minn hekk, l-assoċjazzjoni tista wkoll titlef il-liċenzja hekk kif indikat fl-istess Leġislazzjoni Sussidjarja.

Awtorità tal-Artijiet – sentenza tal-Qorti tal-Appell fil-kawża kontra l-Kunsill Lokali Gżira

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 9995 u ċjoe`: B’referenza għas-sentenza tal-Qorti tal-Appell bejn il-Kunsill Lokali tal-Gżira u l-Awtorità tal-Artijiet preseduta mill-Imħallef Lawrence Mintoff fis-26 ta’ April 2023 fejn fix-xhieda tiegħu l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Artijiet qal illi d-deċiżjoni biex tittieħed lura parti mill-ġnien devolut lill-Kunsill Lokali Gżira kienet ittieħdet mill-Bord u l-Kap Eżekuttiv ta’ qablu, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-minuti tal-Bord tal-Gvernaturi li juru meta u min kien ħa din id-deċiżjoni?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xhieda msemmija ngħatat fl-Administrative Review Tribunal u hija msemmija biss fis-sentenza tal-Qorti tal-Appell. Din id-deċiżjoni ttieħdet mid-“Disposals Committee’’ tal-Awtorità tal-Artijiet li kien delegat mill Bord tal-Gvernaturi.