Jista’ l-Ministru jgħid liema kumpaniji kienu jifformaw parti mill-aħħar Trade Mission għall-Ghana? Jista’ jgħid ukoll liema minnhom għandhom negozju fl-akwakultura jew huma relatati mas-sajd? Min kien jirrappreżentahom?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista tal-kumpaniji li kienu jifformaw parti mill-aħħar Trade Mission għall-Ghana. L-unika kumpanija involuta fl-akkwakultura kienet AquaBioTech.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm talba lil Transport Malta biex il-parti ta’ Triq Birkirkara li tmiss ma’ Triq Patri Marjanu Vella, ikun hemm zebra crossing?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi jekk qed jirreferi għal Triq Birkirkara u Triq Vella fil-lokalità ta’ Tas-Sliema, Transport Malta ma għandha ebda talba għal ‘pedestrian crossings’ f’dawn it-toroq.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 13331 u ċjoè: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12638, jista’ l-Ministru jagħti d-data tal-ħatra tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament? Sa meta twassal din il-kariga? Peress li l-Ministru qal li “ma huwiex fil-kompitu tal-Kummissarju Għoli li jwettaq investigazzjonijiet”, jista’ jgħid x’miżuri ttieħdu biex il-Pulizija ta’ Malta tingħata t-tagħrif kollu possibbli? Huwa każ li jiddaħħal l-Interpol?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 13330 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12640, jista’ l-Ministru jikkonferma jekk saritx verifika tad-dokument uffiċjali tal-Ministeru tiegħu, datat 24-28 ta’ Lulju 2017, li jikkonferma illi l-persuna inkwestjoni (dettalji mibgħuta separatament) ma tatx informazzjoni korretta lill-Kumitat dwar il-Ħatriet Pubbliċi meta ma semmietx dawk ir-rabtiet azjendali? Jista’ l-Ministru jgħid jekk dawk ir-rabtiet inħallux wara li l-persuna inkwestjoni ħadet il-kariga?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 13329 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratti u l-ftehim li ġew iffirmati bejn il-Gvern u APH Limited (C 72130), u/jew mal-promoturi tal-istess soċjetà li d-dettalji tagħhom qegħdin jingħataw separatament mis-sena 2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar u ser tingħata f'xi seduta oħra.
Direttorat għas-Saħħa Ambjentali – ilment minn residenti
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 13090 fl-intier tagħha u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ dan l-ilment kif ukoll tat-tweġiba għall-istess ilment?
Response (FEARNE, CHRIS)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13090 .
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 13076 u jgħid kemm baqa' multi pendenti/mhux imħallsa li ġew imposti f'kawżi deċiżi mill-Qrati tal-Ġustizzja Kriminali, kif ukoll il-valur tagħhom mill-perjodu 2010 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellanet li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Karta tad-Drittijiet Fundamentali fl-UE — Uffiċjal nominat bħala focal point
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13079, jista’ l-Ministru jgħid min hu l-uffiċjal mid-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem nominat?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi l-uffiċjal mid-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem nominat huwa Assistent Direttur mid-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem.
Baġit 2023 — Item 7475 REACH - Independent Living and Employment
Question
Tista' l-Ministru tgħid x’inhi r-raġuni li f’Item 7475 REACH - Independent Living and Employment fl-estimi finanzjarji tal-Baġit għall-2023 kien hemm tnaqqis minn €4,000,000 (approved estimate 2022) għal €300,000 (estimate 2023)?
Baġit 2024 – Item 7464 Day/Night Shelter for Persons with Disability
Question
Tista’ l-Ministru tgħid x’inhi r-raġuni li fil-Baġit 2024 kien hemm tnaqqis bin-nofs f’Item 7464 Day/Night Shelter for Persons with Disability, minn €400,000 is-sena l-oħra għal €200,000 din is-sena?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-allokazzjoni tal-baġit tas-sena 2023 l-ammont allokat kien €200,000 u mhux dak iddikjarat f'din il-mistoqsija. L-allokazzjoni tal-baġit għas-sena 2024 huwa l-istess għal dak allokat għas-sena 2023.
B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 10691, 11855 u 13082, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim legali li sar bejn l-Awtorità tal-Ippjanar, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) u l-applikant tal-permess PA3807/17, liema ftehim hu kundizzjoni tal-permess?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-ftehim mitlub mill-Onor. Interpellant.
Żviluppi high-rise — policy dwar ħarsien minn terremoti
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13081, jista’ l-Ministru jgħid meta ser titfassal il-policy fiż-żmien li ġej dwar żviluppi high-rise u l-ħtieġa li jkunu mħarsa minn eventwalità ta’ terremot?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Filwaqt li nerġa’ nagħmel referenza għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija preċedenti, ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-policy msemmija ser tkun imfassla bħala parti mit-tfassil tal-qafas regolatorju tal-Building Codes li bħalissa għaddej ix-xogħol fuqhom quddiem l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni.
Żviluppi high-rise — policy dwar ħarsien minn terremoti
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13081, fejn il-Ministru qal li r-responsabilità tad-disinn tal-istruttura ta’ kull binja hija tal-perit tal-proġett, jista’ jgħid jekk anke f’każ ta’eventwalità ta’ terremot, dan ifissirx li l-perit huwa responsabbli minn dawk li jkunu sofrew xi danni minn xi terremot?
Il-Mosta – Applikazzjoni/DNO ta’ xogħol ta’ pavimentar
Question
Jista’ l-Ministru jgħid in-numru tal-applikazzjoni jew Development Notification Order (DNO) li bih l-Awtorità tal-Ippjanar approvat ix-xogħlijiet tal-pavimentar u t-toroq fil-Mosta?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 13520, infakkar lill-Onor. Interpellant li “L-għemil jew tfassil ta’ toroq u bankini kif indikati fi pjan regolatur, u l-ħolqien jew tibdil ta’ bankini fil-konfini ta’ l-iżvilupp,” fost oħrajn, huwa permissibbli u għalhekk mhux meħtieġ permess jew notifika lill-Awtorità tal-Ippjanar suġġett għal kundizzjonijiet u limitazzjonijiet elenkati fil-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 552.08, partikolarment il-Klassi 3 tal-Ewwel Skeda.
Madankollu, mhux eskluż li ssir notifika lill-Awtorità għal xogħlijiet li għalihom qed isir hawn fuq anke jekk dan mhux meħtieġ.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ referenzi ta’ permessi u notifika ta’ żvilupp approvati mill-Awtorità tal-Ippjanar għal xogħlijiet ta’ pavimentar u xogħlijiet oħra f’toroq fil-Mosta mis-sena 2018.
Il-lista nġabret mis-sistema tal-informatika tal-Awtorità tal-Ippjanar fejn il-proposta tal-iżvilupp pprovduta mill-Perit tal-każ tinkludi l-kliem: 'pavement', 'paving', 'paviment', 'road', 'street', 'triq' jew 'toroq' u l-Kunsill Lokali mniżżel bħala dak tal-Mosta.
Jista’ l-Ministru jippreżenta l-ispiża tax-xogħlijiet ta’ pavimentar fil-Mosta, inkluż kwalunkwe tender jew direct order relatati, kif ukoll lista sħiħa tal-kuntratturi u sub-contracts involuti f’dan il-proġett?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jispeċifika għal liema xogħol qed jirreferi fil-mistoqsija tiegħu.
Il-Mosta — Protesta dwar it-tneħħija tas-siġar mill-pjazza
Question
B’referenza għall-protesta paċifika li kien hemm dwar it-tneħħija tas-siġar mill-pjazza ħdejn il-knisja tal-Mosta, jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni ġew arrestati waqt din il-protesta, liema kienet l-akkuża u min ħareġ l-ordni biex persuna/i jiġu arrestati? Jista’ jgħid ukoll jekk jaqbilx li persuni li jkunu qegħdin jipprotestaw b’mod paċifiku jiġu arrestati u saħansitra jkunu mkaxkra mal-art? Jekk ma jaqbilx, x’passi dixxiplinarji ser jieħu biex dak/dawk li ħarġu din l-ordni ma jerġgħux?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Qed inqiegħed kumment magħmul minni fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid x’passi kienu ttieħdu mill-Ministeru tiegħu dwar l-individwu, li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika kif jidher f’paragrafu 81 tar-rapport Case No.: K023 datat 20 ta' Jannar 2020?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12592, jista’ l-Ministru jgħid għaliex ma kienx hemm kunsultazzjoni mal-ħwienet li hemm fi Triq in-Naxxar, mil-Lombard Bank sal-Knisja u lanqas ma kien hemm konsultazzjoni mal-ħwienet fi Vjal ir-Riħan, quddiem l-iskola tal-Gvern?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann illi l-laqgħat pubbliċi ikunu miftuħa għar-residenti, il-ħwienet, is-settur kummerċjali, għaqdiet, kif ukoll l-istakeholders kollha.
Direttorat għas-Saħħa Ambjentali – ilment minn residenti
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 12313 li oriġinarjament saret lill-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża u ċjoè: B’referenza għal ilment li sar erba’ xhur ilu minn numru ta’ residenti lid-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali (Sanità) bit-tracking number 2351/2023, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ dan l-ilment u t-tweġiba għalih?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi d-Dipartiment tas-Saħħa Ambjentali jieħu l-passi skont il-liġi meta jiġi mgħarraf mill-Agenzija kompetenti li l-livell ta’ ċertu sustanzi fl-arja ikunu qabżu l-livelli aċċettabli.
ERA — Rapporti dwar irwejjaħ ta’ tarmak jew qatran minn impjant
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12312, dwar rapporti minn residenti ġewwa l-Iklin, il-Għargħur, San Ġiljan u San Ġwann lill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) dwar irwejjaħ ta’ tarmak jew qatran minn impjant li jinsab fil-viċinanzi u li d-dettalji tiegħu qegħdin jintbagħtu separatament, jista’ l-Ministru jgħid jekk l-istess impjant indikat huwiex konformi mal-kundizzjonijiet tal-permessi maħruġa?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li,l-impjant tal-Asphalt tal-Bitmac ilu jopera sa mis-snin sittin, b’referenza għall-permess PB1898/64. L-impjant huwa ukoll viżibbli fuq il-pjanti tal-1968 (survey sheets) li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. L-attività u l-produzzjoni tal-asphalt f’dan is-sit għall-finijiet ta' liġi tal-Ippjanar hija waħda koperta b'permess.