Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ghana — High Commission ġdida

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx deċiżjoni li tinbena High Commission ġdida ġewwa l-Ghana, wara li sena ilu, f’Jannar tal-2023, il-Ministru kien inawgura l-ftuħ tal-ewwel High Commission f’dan il-pajjiż?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, illi wara investiment sostanzjali li kien sar fil-binja li llum isservi bħala Kummissjoni Għolja fil-Ghana, kont jien stess li inawgurajt din l-istess binja f’Jannar 2023.

Paceville Town Committee — Laqgħa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta nżammet l-aħħar laqgħa ta’ Paceville Town Committee fejn kien mistieden jattendi s-sindku attwali ta’ San Ġiljan?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġejt infurmat li l-aħħar laqgħa li kienu preżenti għaliha kemm ic-Chairman tal-Kumitat kif ukoll is-Sindku attwali ta’ San Ġiljan saret fil-15 ta’ Diċembru 2023.

Aġenziji kummerċjali li għandhom liċenzja li jħaddmu/jagħtu s-servizz ta’ bouncers f’Malta

Question

Jista’ l-Ministru jipprovdi lista sħiħa ta’ aġenziji kummerċjali li għandhom liċenzja li jħaddmu/jagħtu s-servizz ta’ bouncers f’Malta?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi l-lista sħiħa ta’ aġenziji kummerċjali li għandhom liċenzja li jħaddmu/jagħtu s-servizz ta’ bouncers f’Malta huma tnejn u tletin kif jidher hawn taħt: 1. Safetrust Security 2. J.F Security and Consultancy Services Ltd 3. G4S Security Services (Malta) Ltd 4. G4S Security Services Ltd 5. Security Services Malta Ltd 6. Oscar 7 Security 7. Khiron Security Ltd 8. Kerber Security Ltd 9. Global Security Services Ltd 10. Kavallieri Security Services Ltd 11. Executive Security Services Ltd 12. Protection Services (Malta) Ltd 13. Security First services Ltd 14. OZO Security Services Company Ltd 15. Signal 8 Security Services Malta Ltd 16. S.O.S.Secutiy Ltd 17. I.Q.Security 18. Goldguard Security services Ltdd 19. Proforce 1 Security Malta Ltd 20. Total Management Solution Company Ltd 21. TacticalSecurity Pro. Ltd 22. Professional Security Services Ltd 23. JK Security Ltd 24. CAMC Security Ltd 25. Crowd Safety Management Ltd 26. Blue Border Holdings Ltd 27. Kerber ES Limited 28. La Vallette Outsource limited 29. R.Cauchi Ent Ltd Agency 30. Adler Security Services 31. Special Intervention Security 32. Malta Elite Services Limited

San Ġwann – Ġnien Karin Grech — Latrini pubbliċi

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 14632, jista’ l-Ministru jgħid f’liema stat ta’ manutenzjoni jinsabu dawn it-toilets pubbliċi? Jista’ jikkonferma li kull ‘item’ f’din il-latrina pubblika taħdem?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann illi l-latrina ta’ San Gwann tinsab f’kundizzjoni tajba minkejja li ta’ spiss tiġi vandalizzata. Dwar dan infurmat li kwalunkwe vandaliżmu li jseħħ dejjem jiġi rrimedjat immedjatament. Intant infurmat mill-istess Kunsill li prezentament mhux jiffunzjonaw l-urinalsfis-sezzjoni tal-irġiel għaliex infurmat li biex jitranġaw dawn, jehtieġ jinbidel l-plumbingkollu li huwa għaddej minn taħt il-madum tal-latrina kollha. Tali xogħlijiet infurmat li jkopri spiża konsiderevoli. Madanakollu infurmat ukoll li t-toilets fuq in-naħa tal-irġiel ukoll jiffunzjonaw tajjeb. Finalment infurmat li fil-futur qarib huwa ppjanat illi din il-latrina tinqala sabiex isir l-proġett ta’ greening fiċ-ċentru u għalhekk mhux għaqli li ssir din l-ispiża.

Transport Malta – Sewqan taħt l-effett tal-alkoħol u breathlyzer tests

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni nqabdu minn Transport Malta jsuqu taħt l-effett tal-alkoħol minn Ottubru 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll kemm saru breathalyzer tests matul l-istess perjodu?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-Taqsima tal-Infurzar fi ħdan Transport Malta ma tagħmilx breathalyser tests. Madankollu, meta membri tat-taqsima waqt il-qadi ta’ dmirijiethom jiltaqgħu ma’ sewwieqa suspettati li huma taħt l-effett, jissejħu l-pulizija fuq il-post

Pulizija/Wardens – Persuni nqabdu taħt l-effett tal-alkoħol u breathalyzer tests

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni taħt l-effett tal-alkoħol inqabdu mill-Pulizija jew wardens minn Ottubru 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll kemm saru breathalyzer tests matul l-istess perjodu?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi fil-perjodu minn Ottubru 2023 sad-9 ta’ Jannar 2024 kien hemm mija u tlieta u għoxrin persuna li nqabbdu taħt l-effett tal-alkoħol mill-Pulizija. Min dawn, disgħa u ħamsin kienu persuni li nqabdu taħt l-effett tal-alkoħol waqt li kienu jsuqu. Matul l-istess perjodu mija u żewġ persuni li sarilhom breathalyzer test.

Tas-Sliema, Gżira u San Ġiljan — Entitajiet kummerċjali li għandhom permess għall-amplified music fuq barra

Question

Jista’ l-Ministru jipprovdi lista sħiħa ta’ entitajiet kummerċjali ġewwa tas-Sliema, Gżira u San Ġiljan li ngħataw permess li jkollhom amplified music fuq barra?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nitlob lill-Onor. Iterpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Tas-Sliema, Gżira u San Ġiljan — Entitajiet kummerċjali li għandhom permess għall-amplified music fuq barra

Question

Jista’ l-Ministru jipprovdi lista sħiħa ta’ entitajiet kummerċjali ġewwa tas-Sliema, Gżira u San Ġiljan li ngħataw permess li jkollhom amplified music fuq barra?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li la Ministeru u lanqas l-entitajiet li jaqgħu taħtu ma joħorġu permessi ta’ mużika amplifikata fuq barra lill-entitajiet kummerċjali.

San Ġiljan – Rapport fuq storbju eċċessiv

Question

Fid-dawl ta’ rapporti li saru minn residenti ġewwa San Ġiljan fl-Għassa tal-Pulizija tal-istess lokalità fuq storbju eċċessiv, jista’ l-Ministru jgħid kif wara l-Pulizija marret fuq il-post, qalu lir-resident li l-mużika (li damet sejra sas-1.00 am) ma kinetx waħda eċċessiva? Jista’ jgħid ukoll kif il-Pulizija waslu għal din il-konklużjoni suġġettiva u jekk għandhomx xi taħriġ biex jistabbilixxu x’inhu eċċessiv u x’mhuwiex?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi fiż-żona ta’ San Ġiljan hemm lokalitajiet fejn id-daqq ta’ mużika amplifika wara is-siegħa ta’ filgħodu hija permissibli, sakemm din ma tinstemax minn barra. Infurmat illi waqt ir-ronda l-pulizija tagħmel minn kollox biex jiġu evitati istanzi ta’ daqq amplifikat ta’ mużika, li jkun jinstemha min barra. Madankollu jekk id-daqq ta’ mużika jinstema biss minn ġewwa ir-residenza ta’ ndividwi partikolari, dawn ikunu jridu jagħmlu rapport uffiċjali mal-pulizija biex jittieħdu l-proċeduri neċessarji fil-Qorti. Kif jaf tajjeb l-Onor. Interpellant investigazzjonijiet f’allegati illegalitajiet isiru mill-istituzzjonijiet relevanti li jaħdmu lil hinn mill-politiku u għaldaqstant il-Ministru ma jkollux din l-informazzjoni

Tneħħija ta’ escooters

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-e-scooters hux ser jitneħħew sal-aħħar ta’ Marzu 2024? Jekk le, jista’ jgħid x’inhi l-pożizzjoni tiegħu f’dan ir-rigward?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kiri tal-ekickscooters mhux ser jibqa’ permissbli wara l-aħħar ta’ Marzu 2024. ( Korrezzjoni: Ara Dokument PL2904 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f’Seduta 196 tal-17 ta’ Jannar 2024)

Inċidenti ta’ traffiku – Użu ta’ kannabis

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni daħlu l-emerġenza minħabba inċidenti tat-traffiku kkawżati minn alcohol u mill-użu tal-kannabis minn Ottubru 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, b’mod separat?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li din it-tip ta’ informazzjoni ma tinżammx.

Paceville u San Ġiljan – Persuni taħt l-età legali li nqabdu jixorbu

Question

Jista’ l-Ministru jagħti n-numru ta’ persuni taħt l-età legali li nqabdu jixorbu ġewwa Paceville u San Ġiljan minn Ottubru 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi kien hemm tnax-il każ fejn żgħażagħ taħt l-età legali nqabdu jixorbu alkoħol jew spirti ġewwa Paceville/San Ġiljan, mill-bidu ta’ Ottubru 2023.

Persuni li nqabdu jixorbu l-alkoħol fil-pubbliku minn kontenituri tal-ħġieġ

Question

Fid-dawl tal-bye-law li ma tħallix persuni jixorbu minn kontenituri tal-ħġieġ, jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni nqabdu jixorbu l-alkoħol fil-pubbliku minn kontenituri tal-ħġieġ minn Ottubru 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi fis-sena 2023 kien hemm 612-il persuna, filwaqt li bejn Ottubru 2023 u l-11 ta’ Jannar 2024 kien hemm mija u sebgħa u għoxrin (127) persuna li nqabdu jixorbu l-alkoħol fil-pubbliku f’postijiet fejn ma kienx permissibbli jew kellhom fil-pussess tagħhom alkoħol f’kontenituri li ma kinux issiġġillati, inkluż f’kontenituri tal-ħġieġ.

Il-Belt Valletta u Paceville – Tipjip tal-kannabis fil-pubbliku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni nqabdu jpejpu l-kannabis fil-pubbliku ġewwa l-Belt Valletta u ġewwa Paceville minn Ottubru 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi minn Ottubru 2023 sad-9 ta’Jannar 2024 inqabdu tliet (3) persuni jpejpu l-kannabis fil-pubbliku ġewwa l-Belt Valletta.

Paceville — Skwadra speċjali tal-Pulizija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta l-Pulizija ser tagħmel l-iskwadra speċjali għal Paceville kif kien imwiegħed diversi drabi?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kontra għal dak li kien jiġri qabel l-2013, dan il-Gvern huwa kommess li jimplimenta l-wegħdiet tal-manifest elettorali tiegħu. Il-Korp tal-Pulizija fl-aħħar snin alloka iżjed riżorsi u kif ukoll qed jopera b’modus operandi differenti msejjaħ ‘intelligence-led policing’ fiż-żoni l-aktar iffrekwentati bħalma hu Paceville. Fil-fatt skont l-aħħar rapport ippubblikat, kien hemm tnaqqis sinifikanti ta’ kriminalità marbuta ma’ ġrieħi f’San Ġiljan. Fil-fatt ir-rata kienet l-anqas f’25 sena (teskludi s-snin tal-pandemija – 2020 u 2021). Investiment importanti li ser ikun qed isaħħaħ is-sigurtà f’dawn iż-żoni u kif ukoll jgħin lill-Korp tal-Pulizija fil-qadi ta’ dmirijiethom hu dak imħabbar fil-baġit għal din is-sena, hekk kif il-LESA se tkun qed tinvesti fi proġetti teknoloġiċi, inkluż kameras tas-sigurtà mqabbdin mal-kamra tal-kontroll tal-LESA u l-Pulizija, sabiex iservu bħala detterent u kif ukoll permezz tagħhom tkun tista’ tittieħed azzjoni kontra kull tip ta’ kriminalità. Dan ser ikun l-ewwel pass lejn skwadra speċjaliżżata ta' Paceville, li topera b'informazzjoni u intelliġenza kontinwa.

Stone Marker – Każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslu l-passi tal-Pulizija fil-konfront tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament? Jista’ jgħid ukoll fejn instab li kellu fil-pussess tiegħu stone marker?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nitlob l-Onor. Iterpellant biex jirreferi għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 12639.

Stone Marker – Każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi qed jittieħdu sabiex l-istone marker li tinsab għand l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, tittieħed lura biex titgawda mill-pubbliku ġenerali?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi ghat-twegiba li nghatat ghall-mistoqsija parlamentari bin-numru 1305.