Jista’ l-Ministru jgħid x’passi qed jittieħdu biex jitnaqqas l-abbuż tas-sigaretti fost il-popolazzjoni, anke minuri, peress li s-sigaretti huma wieħed mill-fatturi prinċipali li jwasslu għal diversi mard u anke mwiet?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li qed tiġi żviluppata l-ewwel strateġija speċifika dwar il-Kontroll tat-Tabakk li se tkun tinkludi firxa wiesgħa ta’ inizjattivi mmirati biex titnaqqas tal-prevalenza tat-tipjip u l-protezzjoni tas-saħħa pubblika.
Din l-istrateġija ser tinkludi miżuri biex:
• titnaqqas l-affordabbiltà tal-prodotti tat-tabakk,
• titnaqqas id-disponibbiltà tal-prodotti tat-tabakk,
• jitnaqqas ir-reklamar tal-prodotti tat-tabakk,
• tiskoraġġixxi l-kummerċ illeċitu ta’ prodotti tat-tabakk,
• jissaħħaħ l-għarfien dwar l-impatt fuq is-saħħa u l-kontroll tat-tabakk permezz kampanji diversi fuq media, li twassal għal kultura aktar b’saħħitha fil-pajjiż kontra tabakk,
• jiżdiedu s-servizzi biex jassistu lil kull min ipejjep biex jieqaf,
• jissaħħu l-isforzi ta’ sorveljanza u riċerka.
Id-Direttorat għal-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard Ambjentali fis-Sovritendenza tas-Saħħa Pubblika joffri sessjonijiet one-to-one b'xejn għal individwi li jixtiequ jieqfu jpejpu jew inaqqsu l-vizzju tagħhom. Isir pjan individwali speċjalizzat biex jgħin lin-nies jieqfu jpejpu. L-individwi jistgħu jirreferu lilhom infushom billi jċemplu fuq il-Quitline 80073333.
Jiġu organizzati ukoll ‘group sessions’ għall-ħaddiema fuq il post tax-xogħol biex jieqfu mit-tipjip. Issir ħidma wkoll ma’ skejjel primarji, medji, sekondarji u post-sekondarji dwar l-effetti tat-tipjip u l-vaping. Għajnuna oħra tiġi provduta permezz tal-website u l-pjattaformi tal-midja soċjali.
Barra minn hekk, jiġu mtellgħin kampanji nazzjonali kontra it-tipjip u dwar is-servizzi offruti flimkien ma' informazzjoni edukattiva. Il-kampanja tal-2024 ser tiffoka fuq il-vaping.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuwa l-pjan tal-Gvern fejn tidħol il-problema tal-obeżità fost it-tfal u ż-żgħażagħ?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li qed jiġi żviluppat Policy Framework for the Prevention of Non-Communicable Diseases and the Promotion of Wellbeing, qafas komuni ta’ politika li jindirizza l-aspetti li jiffaċiltaw jew ixekklu l-implimentazzjoni effettiva ta’ strateġiji u policies. Fl-istess waqt, permezz ta’ dan il-qafas komuni ta’ politika qed isir tfassil ta’ tliet strateġiji separati li jindirizzaw it-tnaqqis tal-piż żejjed u l-obeżità, jiġifieri l-Healthy Eating and Nutrition Strategy, il-Health-Enhancing Physical Activity Strategy u l-Management of Overweight and Obesity Strategy.
Implimentazzjoni b'suċċess ta’ dawn l-inizjattivi tinħtieġ is-sehem tad-diversi oqsma tas-saħħa u ta’ numru ta’ dipartimenti u l-aġenziji pubbliċi, magħruf bħala Health-in-All Policies. Ma nistgħux nimmodifikaw il-ġenetika tagħna iżda nistgħu nibdlu d-drawwiet tagħna ta’ ikel, xorb u eżerċizzju biex nevitaw l-obeżità u l-effetti ħżiena fuq is-saħħa.
Jista’ l-Ministru jgħid x’passi qed jieħu l-Ministeru tiegħu biex titnaqqas il-problema tal-obeżità fit-tfal u ż-żgħażagħ? Jista' jgħid ukoll x'inhuma l-pjani u l-miri tal-Gvern f’dan ir-rigward?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15352, fejn ġie spjegat il-proċess biex wieħed ikollu liċenzja ta’ armi, jista’ l-Ministru jgħid jekk din l-istess proċedura tintużax meta jkun hemm tiġdid tal-liċenzja? Jista’ jgħid ukoll għal kemm snin hija valida l-liċenzja mingħajr ma jkollha bżonn tkun imġedda? B’referenza għall-proċess intern li l-Ministru qal li beda, jista’ jgħid x’inhuma t-timeframes għal dan il-proċess?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 15352.
Emendi għal-liġi dwar il-bouncers u l-uffiċjali għarfu tas-sigurtà
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15350, jista’ l-Ministru jwieġeb l-istess mistoqsija u ċjoè jgħid jekk għandux il-ħsieb li jemenda l-liġi dwar il-bouncers u jekk hux se jagħmel talba lill-Ministru tal-Ġustizzja biex isiru tali emendi? Jekk għandu l-ħsieb li jagħmel dan, jista’ jgħid meta, u jekk le, jista’ jgħid għaliex?
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15351, fejn il-Ministru stqarr li ‘jsiru verifiki kontinwament mill-pulizija’, jista’ l-Ministru jispjega x’tip ta’ verifiki jsiru u b’liema mod? Jista’ jgħid ukoll jekk isirux spot checks u/jew ittestjar għal xi sustanzi illegali waqt il-qadi ta’ dmirijiethom?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi kull darba li tkun ser tiġġedded liċenzja ta’ bouncer, il-pulizija tivverifika u tara illi l-persuna fil-pussess ta’ din il-liċenzja tkun għada tissodisfa il-kriterji illi taħthom il-liċenzja tkun ħarget oriġinarjament, abbażi tal-Artikolu 10 tal-Kap 389 tal-liġijiet ta’ Malta. Infurmat li minn żmien għal żmien il-Korp tal-Pulizija jagħmel spot checks u jittieħdu passi fil-konfront ta' min ma jsegwix il-liġi.
San Ġiljan, il-Gżira u Tas-Sliema – Avviżi ta’ infurzar
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15343 fejn ġie indikat li hemm 14-il avviż ta’ infurzar maħruġa f’San Ġiljan, il-Gżira u Tas-Sliema minn Ottubru 2023, jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-passi li ser jieħdu l-awtoritajiet biex dawn l-illegalitajiet jitneħħew?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li numru minn dawn l-Avviżi ta’ Waqfien u Twettiq iġorru magħhom multa għal kull ġurnata, li tibqa’ tiddekorri sakemm jitneħħa l-iżvilupp illegali, skont Regolament 3 tal-Legiżlazzjoni Sussidjarja 552.24. Fuq numru ta’ avviżi hemm appell pendenti quddiem it-Tribunal dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, u għalhekk l-Awtorità tal-Ippjanar trid tistenna l-eżitu tal-appell qabel tieħu xi azzjoni. Rigward avviżi oħra hemm applikazzjoni pendenti biex jiġi ssanzjonat l-iżvilupp mertu tal-avviż. Fil-każijiet l-oħra, meta jiskadi t-terminu ta’ żmien li jingħata biex jitneħħa l-iżvilupp illegali, l-Awtorità tal-Ippjanar tieħu azzjoni skont il-prijorità tal-każ fil-kuntest tal-każijiet kollha li hemm pendenti għal tali azzjoni.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15338, jista’ l-Ministru jgħid kif ser tkun imħarsa s-sigurtà ta’ dawk li jkunu mexjin fuq il-promenade, b’mod partikolari anzjani, minn sewqan ta’ e-scooters privati? Jista’ jgħid ukoll kif ser jiġi assigurat li tkun inforzata l-liġi li dawn l-e-scooters ma jinstaqux b’veloċità ta’ aktar minn 10 km peress li anke b’dik il-veloċità persuna anzjana li tintlaqat, tispiċċa tweġġa’?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sezzjoni tal-Infurzar ta' Transport Malta tagħmel spezzjonijiet frekwenti fuq il-promenades u l-postijiet fejn jistgħu jinsaqu E-scooters. Inoltre, il-frekwenza ta’ spezzjonijiet tiżdied fix-xhur tas-sajf speċjalment f' zoni turistiċi.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15341, fejn il-Ministru qal li mhux l-intenzjoni tal-Korp li ma jibqax iservi fl-għassa ta’ San Ġiljan, jista’ l-Ministru jgħid meta ser isir investiment għar-refurbishment tagħha peress li għandha bżonn ħafna manutenzjoni biex mhux biss tkun tista’ taqdi l-funzjoni tagħha għall-bżonnijiet tal-lokalità, imma wkoll biex tipprovdi ambjent dinjituż lill-istess pulizija li jservu f’din l-għassa?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi dwar manutenzjoni tal-għassa ta’ San Ġiljan, diġà sar ħafna xogħol ta’ manutenzjoni u tiġdid fis-sular t’isfel ta’ l-istess bini. Dan ġie renovat b’mod ħolistiku, u x-xogħol jinkludi titjib fis-sistema tal-elettriku, tiġdid, titjieb tal-faċilitajiet għal-pulizija li jkunu jaqdu l-pubbliku, tiġdid ta’ parquet u bibien, madum ġdid f’xi żoni tal-binja u xogħol relatat ieħor. Bħalissa qed jitkompla x-xogħol ta’ renovar estensiv, fis-sular ta’ fuq tal-istess għassa.
Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ser jittieħdu rigward il-permess PA 0179/17 u tal-enforcement notice cm 1746/23 li nħareġ għalih?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jivverifika u jiċċara n-numru tal-permess (PA), in-numru tal-avviż tal-Infurzar (EC), kif ukoll in-numru tal-ilment (CM). Il-lokazzjoni tar-riferenzi mogħtija fil-mistoqsija huma differenti minn xulxin.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 14625, jista’ l-Ministru jagħti raġuni għaliex il-Kummissarju Għoli ta’ Malta għall-Ghana reġa’ ġie konfermat fil-kariga fl-2022, bla skrutinju tal-Parlament jiġifieri ma kienx hemm ħtieġa?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Artiklu 38 tal-Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika, Kap 595 tal-Liġijiet ta’ Malta, ma jpoġġix il-ħtieġa ta’ skrutinju mill-Kumitat Parlamentari għall-Ħatriet Pubbliċi, f’każi fejn Ambaxxatur jew Kummissarju Għoli tkun qed issirlu estensjoni ta’ ħatra li ġja’ jokkupa.
Liċenzji li jħaddmu/jagħtu s-servizz ta’ bouncers f’Malta
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 14650, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-liċenzja mogħtija għas-servizz ta’ bouncers f’Malta hijiex għal numru ta’ snin u hemmx bżonn li tkun imġedda? Jekk iva, jista’ jgħid x’inhuma l-kriterji użati biex dawn il-liċenzji jkunu approvati mill-ġdid?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi l-liċenzja ta’ gwardjan privat f’post ta’ divertiment tiġi mġedda kull sena. Gwardjan privat ma jikkwalifikax biex il-liċenzja tiegħu tiġġedded jekk kemm il-darba ma jissodisfax lill-Kummissarju tal-Pulizija li huwa persuna ta’ kondotta tajba, u li matul is-sena ta’ qabel, jkun attenda kors jew korsijiet ta’ taħrig kontinwu. Jekk jirrizulta illi d-detentur ta’ liċenzja ma jkunx mexa skont xi waħda mill-patti jew kundizzjonijiet li taħthom tkun inħarġet il-liċenzja jew jinqalgħu ċirkostanzi li jiġġustifikaw li applikazzjoni għal dik il-liċenzja kienet tkun miċħuda, skond l-Artikolu 10 tal-Kap 389 tal-Liġijiet ta’ Malta dwar Rifjut għall-ħruġ ta’ liċenzja, il-Kummissarju jista’ jew jirtira jew jissospendi tali liċenzja.
Jista’ l-Ministru jgħid xi kwalifiki wieħed irid ikollu biex jagħmel xogħol ta’ bouncer u jgħid ukoll jekk il-kondotta ta’ dawn il-persuni hijiex mitluba? Jista’ jagħti lista sħiħa ta’ persuni minn nazzjonalitajiet diversi, li għandhom din il-liċenzja u kemm huma minn kull pajjiż rispettiv?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi sabiex persuna tikkwalifika għall-liċenzja ta’ gwardjan privat f’postijiet ta’ divertiment ikollha bżonn li turi li kienet fil-pussess ta’ liċenzja ta’ Gwardjan Privat għall-ħames snin, sakemm din ma tkunx persuna li tkun għamlet perjodu ta’ servizz mal-pulizija, jew mal-forzi armati, jew mas-servizz tal-ħabs, f’Malta jew barra minn Malta. L-istess persuna tkun meħtieġa li tippreżenta ċertifikat li attendiet kors għal dan il-għan. Barra minn dan jsiru verifiki fuq kull persuna li tapplika għal tali mpjieġ. In-numru ta’ persuni ta’ nazzjonalitajiet diversi, li għandhom din il-liċenzja huma kif indikat fit-tabella hawn taħt:
Pajjiz
Ammont
Kroatia
1
Germanja
1
Indja
1
Italja
3
Macedonja
5
Malta
75
Nepal
4
Pakistan
1
Filippini
1
Romanija
1
Serbja
8
Tunesija
1
Renju Unit
3
Total
105
Jista’ l-Ministru jgħid jekk qattx kienx hemm spot checks fuq bouncers biex ikun assigurat li ma jkunux taħt effett ta’ xi sustanzi?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onor. Iterpellant li jsiru diversi spot checks hekk kif spjegat f'Mistoqsijiet Parlamentari preċedenti. Dwar il-poteri tal-Pulizija f'dan ir-rigward nirreferi lill-Onorevoli Nterpellant għal dak li tiprovdi l-liġi b'mod speċjali Kap 65 u leġislazzjoni sussidjarja 65.16.
Tas-Sliema, Gżira u San Ġiljan — Entitajiet kummerċjali li għandhom permess għall-amplified music fuq barra
Question
B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 14642 u 14643 li oriġinarjament saru lill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza u lill-Ministru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika rispettivament, jista’ l-Prim Ministru jindika min joħroġ il-permessi meħtieġa lill-entitajiet kummerċjali għal amplified music fuq barra?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninsab infurmat li l-Onor. Interpellant għandu jirreferi għar-regolamenti rilevanti fosthom l-L.S. 441.08, u l-L.S. 409.15 li wkoll jagħmel referenza għal-L.S.441.07 u l-L.S.10.40. Dawn jirregolaw il-materja mertu tat-tweġiba skont iċ-ċirkostanzi applikabbli hawn indikati.
San Ġiljan, Paceville, Gżira u tas-Sliema — Persuni/entitajiet kummerċjali mħarrka mill-Pulizija għal amplified music fuq barra
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 14644, jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni/entitatjiet kummerċjali ġew imħarrka mill-Pulizija għal amplified music fuq barra ġewwa San Ġiljan, Paceville, Gżira u tas-Sliema, minn Ġunju 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma lokalità, b’lokalità?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat illi fis-sena 2023 kien hemm ħames każijiet f' San Ġiljan fix-xhur ta’ Lulju, Awwissu, Settembru, Ottubru u Diċembru, sitt każijiet f' Paceville fix-xhur ta’ Mejju u Lulju, u ħames każijiet f'Tas-Sliema fix-xhur ta’ Lulju u Ottubru.
Emendi għal-liġi dwar il-bouncers u l-uffiċjali privati tas-sigurtà
Question
B’referenza għal dak li qal il-Ministru għall-Ġustizzja fil-Parlament, fejn meta ġie mistoqsi jekk għandux il-ħsieb li jemenda l-liġi dwar il-bouncers u uffiċjali privati tas-sigurtà huwa wieġeb li jekk ikollu talba għal dan, huwa lest li jikkollabora, jista’ l-Ministru jgħid jekk għandux il-ħsieb li jagħmel l-emendi neċessarji u jekk hux ser jagħmel talba lill-Ministru tal-Ġustizzja biex jagħmel dan?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Il-Korp tal-Pulizija fl-aħħar snin alloka iżjed riżorsi u kif ukoll qed jopera b’modus operandi differenti msejjaħ ‘intelligence-led policing’ fiż-żoni l-aktar iffrekwentati bħalma hu Paceville. Filfatt skond l-aħħar rapport ippublikat, kien hemm tnaqqis sinifikanti ta’ kriminalità marbuta ma’ ġrieħi f’San Ġiljan. Filfatt ir-rata kienet l-anqas f’25 sena (teskludi s-snin tal-pandemija – 2020 u 2021).
Minkejja dan il-Gvern jibqa’ miftuħ għal kull tip ta’ riforma jew investiment.
Sadanittant, investiment importanti li ser ikun qed isaħħaħ is-sigurtà f’dawn iż-żoni u kif ukoll jgħin lil-Korp tal-Pulizija fil-qadi ta’ dmirijiethom hu dak imħabbar fil-budget għal din is-sena, hekk kif il-LESA se tkun qed tinvesti fi proġetti teknoloġiċi, inkluż kameras tas-sigurtà mqabbdin mal-kamra tal-kontroll tal-LESA u l-Pulizija, sabiex iservu bħala detterent u kif ukoll permezz tagħhom tkun tista’ tittieħed azzjoni kontra kull tip ta’ kriminalità u/jew abbuż. Dan huwa meqjus mod effettiv kif jinżammu għajnejn kontinwi fuq dawn il-persuni u persuni oħrajn li jkunu f'din iż-żona. B’rabta ma’ dan diġa’ għaddej xogħol preparatorju u qed isiru d-diskussjonijiet ma’ stakeholders importanti.