RCC — Operazzjoni ta’ salvataġġ li saret nhar il-Ġimgħa 23 ta’ Frar 2024
Question
Jista’ l-Ministru jgħid liema Malta Search and Rescue Coordination Centre (RCC) kien inkarigat mill-operazzjoni ta’ salvataġġ li saret nhar il-Ġimgħa 23 ta’ Frar 2024?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li r-Rescue Coordination Centre ta’ Malta kien inkarigat mill-operazzjoni ta’ salvataġġ viċin iż-Żonqor il-Ġimgħa 23 ta’ Frar 2024.
Persuni li ddaħħlu l-Isptar Mater Dei — Età u nazzjonalità
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-eta u n-nazzjonalità tat-tmien persuni li ddaħħlu fl-Isptar Mater Dei wara li ġew salvati mill-Forzi Armati ta’ Malta (AFM)?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li f’sitwazzjonijiet inizjali bħal dawk li qed jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant, id-Dipartiment tal-Emerġenza ma jkollux l-informazzjoni mitluba għax ma jkollhomx passaport jew xi mezz ta’ identifikazzjoni fuqhom.
Il-pazjenti kienu kollha adulti.
Persuni li ddaħħlu l-Isptar Mater Dei wara li ġew salvati mill-AFM – Ċertifikati ta’ ġrieħi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’kienu ċ-ċertifikati tal-ġrieħi li ġarrbu t-tmien persuni li ddaħħlu fl-Isptar Mater Dei wara li ġew salvati mill-Forzi Armati ta’ Malta (AFM)?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.
Persuni li ttellgħu mejta mill-baħar mill-AFM nhar il-Ġimgħa 23 ta’ Frar 2024 — Funerali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid meta se jsiru l-funerali tal-persuni li ttellgħu mejta mill-baħar mill-Forzi Armati ta’ Malta (AFM) nhar il-Ġimgħa 23 ta’ Frar 2024?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex isaqsi din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Persuni li tilfu ħajjithom traġikament nhar il-Ġimgħa 23 ta’ Frar 2024 – Età u nazzjonalità
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’kienu l-etajiet tal-persuni li tilfu ħajjithom traġikament nhar il-Ġimgħa 23 ta’ Frar 2024, kif ukoll in-nazzjonalità tagħhom?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex isaqsi din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Paceville u San Ġiljan – Bouncers li jaħdmu illegalment
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna nstabet taħdem illegalment bħala bouncer ġewwa Paceville u San Ġiljan matul l-2023?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi minn Jannar 2023 sallum kien hemm erbgħa u għoxrin persuna li nstabet taħdem illegalment bħala bouncer ġewwa Paceville, u ttieħdet l-azzjoni neċessarja dwarhom.
Permess PA 1079/17 u Enforcement notice 1746/23 – Passi meħtieġa
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15784, ngħarraf li n-numru tal-permess huwa PA 1079/17 u l-enforcement notice huwa 1746/23. Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ser jittieħdu?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lil Onor. Interpellant li l-Awtorità tal-Ippjanar ħadet azzjoni kontra dan l-iżvilupp billi inħareġ avviż ta’ infurzar, ECF194/23, bil-multi għal kull ġurnata. L-Awtorità tal-Ippjanar tieħu azzjoni diretta fuq l-avviżi ta’ nfurzar madwar Malta u Għawdex skont il-prijoritajiet u l-urġenza tal-każ.
Barra minn hekk, il-liġi tal-ippjanar tippermetti li applikant jista’ jissottometti applikazzjoni biex jinkiseb permess għal żvilupp li diġà sar. F’dan il-każ ġiet sottomessa applikazzjoni PA5248/23, qabel inħareġ l-avviż ta’ nfurzar, u li sa llum għadha pendenti.
Huwa minnu wkoll li entitajiet regolatorji oħra jistgħu jieħdu azzjoni diretta skont il-liġi rispettiva tal-entità u skont xi jkun il-każ.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16074, jista’ l-Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet fuq il-promenades u l-postijiet fejn jistgħu jinsaqu l-E-scooters minn Mejju 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b’xahar?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kuljum l-Awtorità, permezz tal-uffiċjali tal-infurzar tagħha, tagħmel spezzjonijiet f’diversi toroq madwar Malta u Għawdex inkluż spezzjonijiet f’toroq u żoni pedonali fejn jinstaqu l-e-kickscooters. Inżid li fil-perjodu bejn Mejju 2023 sal-31 ta’ Jannar 2024 waqt dawn l-ispezzjonijiet l-Awtorità kkonfiskat 150 e-Kickscooters.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16086, jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija fl-inter tagħha u ċjoè jagħti l-ismijiet tal-membri tal-bord li ġejjin minn diversi entitajiet kif elenkati minnu stess? Jista’ jgħid min huwa ċ-chairperson fuq dan il-kumitat? Fid-dawl li skont it-tweġiba tiegħu l-Ministru qal li ħadd mill-membri tal-bord ma jitħallsu ħlief is-segretarja, jista’ jgħid jekk dan japplikax ukoll għaċ-chairman tal-istess bord? U jekk le, jista’ jgħid kemm qed jitħallas f’paga/allowance u perkaċċi oħra tax-xogħol li jagħmel bħala chairperson?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16086, ninfurmah li l-kompożizzjoni tal-Kumitat hi marbuta ma’ entitajiet u assoċjazzjonijiet fis-settur illi jistgħu jagħtu kontribut siewi f’dan il-Kumitat, ergo mhux marbuta ma’ individwi partikolari imma rapprezentanza.
Fid-dawl li l-Ministru tkellem fuq il-ħtieġa li jkun hemm sptar ieħor fil-pajjiż, jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-pjanijiet tiegħu għal dan u jgħid hemmx ippjanat li jinbena sptar ġdid ieħor, jitkabbar Mater Dei jew inkella jintuża Sptar San Luqa jew Sptar Boffa?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm katina ta’ inizjattiva u dawn ser jitħabbru fiż-żmien li ġej.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma s-servizzi li preżentement jingħataw mill-Isptar Boffa? Jista’ jgħid ukoll x’inhuma l-pjani tal-Ministru fuq dan l-isptar?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li sa minn diversi xhur ilu, ebda servizz mhu jingħata mill-Isptar Boffa. Ninsab infurmat ukoll li hemm proċess biex jiġi rilaxxat mill-Ministeru għas-Saħħa.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid min huwa preżentement responsabbli għall-binja/binjiet li hemm fejn qabel kien jopera l-Isptar Boffa? Jista’ jgħid ukoll jekk hemmx pjanijiet li dan l-isptar hux ser jinbiegħ biex jinbidel f’lukanda?
Response (ABELA, ROBERT)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 16383 u 16384.
Il-Gvern, bl-entitajiet relevanti, ser jistudja xi jkun l-aqwa mod li bih il-potenzjal ta’ dan is-sit ikun utilizzat.
Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ser jittieħdu fil-konfront tal-bejgħ ta’ prodotti HHC?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li ġie mwaqqaf ‘working group’ li jinkludi esperti tas-saħħa, pulizija, membri mill-Awtorita` dwar l-Użu Responsabbli tal-Kannabis (ARUC), id-dwana, u esperti oħra, biex jinvestigaw is-sitwazzjonji attwali u joħorġu proposti bil-għan ewlieni li jipproteġu is-saħħa tal-poplu.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm talbiet għal exchanges mis-sena 2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari maqsuma sena b’sena u minn liema lokalità kienu qed isiru dawn it-talbiet għal exchanges u għal fejn? Jista’ jgħid ukoll kemm talbiet għal exchanges kienu milqugħa sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-1 ta’ Jannar 2013 sat-12 ta’ Frar 2024, l-Awtorità tad-Djar laqgħet 759 applikazzjoni għal tpartit. L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
B’referenza għax-xogħol li qed isir fil-foss madwar iċ-Ċittadella fir-Rabat, Għawdex, u peress li l-aħħar parti ta’ dan il-foss tinsab magħluqa, jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet qed isiru u meta huwa maħsub li jispiċċaw?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fuq rakkommandazzjoni tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali, il-materjal li tneħħa meta waqa’ parti mill-ħajt li hemm fid-daħla għall-foss, wara maltempata straordinarja li laqtet lil pajjiżna kmieni fl-2023, u materjal ieħor li tneħħa wara l-bini ta’ pedamenti ġodda, ġie depożitat fl-aħħar parti interna tal-foss sabiex ikun jista’ jiġi investigat mill-arkeologi li qed jimmoniterjaw ix-xogħlijiet f’dan is-sit storiku. Din il-parti tal-foss tinsab imdawra u riservata minħabba s-sigurtà sakemm jiġu konklużi l-istudji. Hu mistenni li l-investigazzjonijiet arkeoloġiċi tal-materjal jiġu fi tmiemhom din is-sena kurrenti.
San Ġiljan / Il-Gżira — manutenzjoni tal-promenade
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi pjan ta’ manutenzjoni tal-promenade minn San Ġiljan sal-Gżira sabiex isiru xogħlijiet ta’ tibdil ta’ railings, bollards u lamp posts, fost bżonnijiet oħra, qabel ma jibda l-istaġun tas-sajf?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi ser ikun qed jassisti lill-Aġenzija għar-Riġenerazzjoni taż-Żoni Turistiċi biex jinbidlu tnejn u sebgħin lampa matul il-promenade ta’ San Ġiljan ma’ lampi LED iżjed effiċjenti.
B’referenza għat-twaqqif mill-ġdid tal-Paceville Town Management Commitee, jista’ l-Ministru jagħti l-ismijiet tal-persuni fuq dan il-bord? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tat-terms of references tal-istess bord? Jista’ jgħid kemm hu l-baġit biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ dan il-bord? Jista’ jgħid ukoll kemm ser ikunu qed jitħallsu f’salarji, allowances u/jew perkaċċi oħra ċ-chairman u l-membri l-oħra ta’ dan il-bord?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kumitat huwa magħmul minn rappreżentanti:
· TZRA,
· Ministeru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika,
· Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan,
· Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu,
· Diviżjoni tat-Tindif u Manutenzjoni,
· Transport Malta,
· MHRA,
· Kamra tal-SMEs,
· Malta Police Force, u
· Assoċjazzjoni tal-Catering Establishments.
Fir-rigward ta’ baġit, nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-Estimi tal-Baġit li tpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra. Ninfurmah ukoll li l-membri tal-Kumitat kollha huma ex-ufficio ħlief għas-Segretarja tal-Kumitat li għandha €2,425 fis-sena. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra t-termini ta’ referenza tal-istess kumitat.
B’referenza għat-twaqqif tal-Paceville Town Management Committee, jista’ l-Ministru jikkonferma li l-awtorità legali f’Paceville taqa’ taħt l-awtorità tal-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan? Jista’ jikkonferma wkoll li kull deċiżjoni meħuda minn dan il-kumitat trid tkun endorsed mill-Kunsill bħala l-awtorità legali tal-lokalità fid-dawl li għadu fis-seħħ l-MOU li kien sar meta twaqqaf għall-ewwel darba dan il-PTM madwar tmien snin ilu bejn il-Kunsill u l-PTM/Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan illi l-awtorità legali f’Paceville taqa’ taħt l-awtorità tal-istess Kunsill.
Infurmat mill-istess Kunsill Lokali li kull deċiżjoni meħuda minn dan il-kumitat trid tkun endorsed minnu bħala l-awtorità legali tal-lokalità fid-dawl li għadu fis-seħħ l-MOU li kien sar meta twaqqaf għall-ewwel darba dan il-PTM.
Intant infurmat ukoll li l-Kunsill Lokali rispettiv għandu wkoll rappreżentant fil-Kumitat imsemmi.
Peress li fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15340 fir-rigward tal-proġett tar-refurbishment ta’ Pjazza Spinola/Paceville Avenue, ġejt mitlub nistaqsi lill-Ministru kkonċernat, u peress li skont risposta mogħtija għal mistoqsija li kienet saret lill-Ministru għat-Turiżmu kien intqal li x-xogħlijiet infrastrutturali kienu se jinbdew, jista’ issa l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq dan il-proġett?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta b’kollaborazzjoni ma TZRA, bdiet twettaq proġett ta’ riġinerazzjoni fi Triq Paceville, San Giljan. Ix-xogħol beda ftit jiem ilu.
San Ġiljan/Tas-Sliema/Il-Gżira – Periklu għall-anzjani li jmorru jimxu fuq il-promendade minħabba l-użu tal-e-scooters
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kif ser jagħti serħan il-moħħ lill-anzjani li jmorru jimxu fuq il-promenade f’San Ġiljan/Tas-Sliema/Il-Gżira li l-e-scooters privati li ser jibqgħu jkunu jistgħu jintużaw fuq il-promenade mhux se jkunu ta’ periklu għalihom?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.