Paceville Town Management Committee – Minuti tal-laqgħa
Question
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-minuti tal-aħħar laqgħa tal-Paceville Town Management Committee li saret?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kopja tal-minuti tal-aħħar laqgħa tal-Paceville Town Management Committee tkun tista’ titpoġġa meta dawn jiġu approvati mill-membri tal-Kumitat.
Jista’ l-Ministru jgħid meta kienet inħatret bħala responsabbli mill-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) il-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ħatra tagħha u jgħid liema Ministru ffirma din il-ħatra?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li tlabt biex tinġabar l-informazzjoni.
Jista’ l-Ministru jgħid kif u minn meta kien impjegat l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament ġewwa Transport Malta (TM)? Jista’ jgħid ukoll jekk kienx hemm sejħa pubblika u meta nħatar bħala direttur fl-istesss TM?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna msemmija ġiet impjegata mal Awtorità Dwar it-Trasport fl-2005. Meta ġiet stabilita Transport Malta fl-2010 l-impjegati li kienu ma l-Awtorità Tat-Trasport ġew parti mill-Awtorità.
Fl-2020 ħarġet sejħa interna għal post ta’ Direttur.
Jista’ l-Ministru jagħti lista tal-membri li kienu jagħmlu parti mill-kumitat Investment Committee li f’Mejju tal-2019 taw l-art lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament? Jista’ jgħid ukoll min kien iffirma u approva l-ħatra tagħhom?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Nirreferi l-Onor. Interpellant jirreferi għar-rapport tal-inkjesta pubblika Jean Paul Sofia li diġà tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid min ħatar lill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament bħala deputy ġewwa Malta Enterprise u jekk kienx hemm sejħa pubblika? Jista’ jgħid ukoll jekk dan l-uffiċjal pubbliku kienx mogħti severance package biex iħalli dan l-uffiċċju?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna msemmija la huwa ufficjal pubbliku u qatt ma kien impjegat tal-Korporazzjoni u ghalhekk ma inghata l-ebda severance package, huwa kien ġie maħtur fuq il-bord fl-2013 skont l-att dwar l-Intrapriża ta’ Malta tal-2003.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament u li kien jaħdem fil-Malta Enterprise bħal kap tal-Micro Enterprise ngħatax xi severance package?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
L-individwu li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant li ġie ingaġġat mal-korporazzjoni fl-2004 ma ingħata l-ebda severance package.
Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol – Każ ta’ individwu
Question
Jista’ l-Ministru jgħid minn meta l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament kien inħatar bħala Kap tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) u min kien li ffirma l-ħatra tiegħu? Jista’ jgħid ukoll jekk dan l-individwu ingħatax severance package meta huwa ħalla dan l-uffiċċju?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lil Onor. Interpellant li l-individwu li d-dettalji tiegħu inagħtaw separatament kien maħtur fil-pożizzjoni fi 19 t’Ottubru 2021. Nikkonferma lill-Onor. Interpellant li meta dan l-individwu ħalla l-pożizzjoni tiegħu fi ħdan l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol dan ma ingħatax severance package.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm-il uffiċjal pubbliku kien hemm sospiż bejn l-1 ta’ Jannar 2020 sal-ġurnata li fiha qed tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm-il sospensjoni kawtelatorja b’nofs paga minħabba proċeduri kriminali maħruġa fil-konfront ta’ uffiċjali pubbliċi tneħħiet, meta l-proċeduri għadhom għaddejjin mill-1 ta’ Ottubru 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.
AFM — Operazzjoni ta’ salvataġġ nhar il-Ġimgħa 23 ta’ Frar 2024
Question
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-call logs bejn id-dgħajsa li fuqha kienu l-grupp ta' persuni salvati nhar il-Ġimgħa 23 ta' Frar 2024 u l-Forzi Armati ta' Malta? Jista' jgħid ukoll kemm-il darba talbu għall-għajnuna dawk abbord id-dgħajsa qabel il-Forzi Armati ta' Malta bdew l-operazzjoni ta' salvataġġ?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Kif diġà spjegat fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16754 dawk abbord id-dgħajsa qatt m’għamlu talba lill-AFM għall-għajnuna. Il-AFM irċeviet biss telefonata minn terzi persuni fejn infurmaw li kien hemm dgħajsa bi grupp ta’ nies fuqha li kienet qiegħda tinnaviga lejn xtutna direzzjoni Fish Farms Żonqor.
AFM — Operazzjoni ta’ salvataġġ nhar il-Ġimgħa 23 ta’ Frar 2024
Question
Jista’ l-Ministru jgħid liema patrol boats kienu involuti fis-salvataġġ li seħħ fit-23 ta' Frar 2024? Jista' jgħid ukoll jekk intużawx RHIBs waqt is-salvataġġ?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab nfurmat, li l-Patrol boats li kienu involuti fis-salvataġġ li seħħ fit-23 ta’ Frar 2024 qed jiġu elenkati hawn taħt:
§ Austal P22
§ Austal P22 RHIB
§ RHIB P04
§ SAR launch Melita 1
Persuni li ttellgħu mejta mill-baħar mill-AFM nhar il-Ġimgħa 23 ta’ Frar 2024 — Funerali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid meta se jsiru l-funerali tal-persuni li ttellgħu mejta mill-baħar mill-Forzi Armati ta’ Malta (AFM) nhar il-Ġimgħa 23 ta’ Frar 2024?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi dwar il-każ fejn vittmi ttellgħu mejta mill-baħar mill-Forzi Armati ta’ Malta fit-23 ta’ Frar 2024 wara operazzjoni ta’ salvataġġ, hemm inkjesta Maġisterjali u kull arranġament għall-funeral tagħhom, ikun jista’ jsir biss wara li l-katavri jkunu rilaxxati mill-istess inkjesta.
Persuni li tilfu ħajjithom traġikament nhar il-Ġimgħa 23 ta’ Frar 2024 – Età u nazzjonalità
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’kienu l-etajiet tal-persuni li tilfu ħajjithom traġikament nhar il-Ġimgħa 23 ta’ Frar 2024, kif ukoll in-nazzjonalità tagħhom?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi n-nazzjonalità tal-ħames vittmi li tilfu ħajjithom traġikament fit-23 ta’ Frar 2024 waqt operazzjonijiet ta' salvataġġ kien kif indikat fit-tabella riprodotta hawn taħt. Dwar l-etajiet tal-istess vittmi, minn investigazzjonijiet li għamlet il-pulizija, sallum ġew stabiliti l-etajiet ta’ erba’ persuni kif jidher fl-istess tabella. Dan wara li nstabu xi passaporti u ġiet provduta informazzjoni minn terzi.
Nazzjonalità
Età
Ġeneru
1
Eritrea
22
Maskil
2
Syria
33
Maskil
3
Bangladesh
31
Maskil
4
Ghana
23
Femminil
5
Ghana
Mhux magħruf
Maskil
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, huwiex parti mit-tim legali fil-każ fejn l-Unjoni Ewropea fetħet każ kontra Malta fl-2023 fejn Malta marret kontra l-Bird Directive? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt tal-ħidma tiegħu u jekk dan l-ingaġġ kienx wieħed ta’ direct order jew inkella inħarġitx sejħa pubblika? Jista’ jgħid ukoll kemm ser ikun qiegħed jitħallas dan l-avukat?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Contracting Authority tippubblika din l-informazzjoni fuq il-Gazzetta tal-Gvern għal kull procurement li jsir għal kull perjodu ta’ sitt xhur, skont ir-Regolament 111(2) tal-Public Procurement Regulations.
Jista’ l-Ministru jgħid x’wassal biex l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, kellu kuntratt ta’ 20 siegħa fil-ġimgħa u ma reġax ġie imġedded b’tali mod li ser ikollu jitlaq minn Malta u għaldaqstant Malta ser titlef awtur ta’ stima fost il-komunità artistika/kittieba?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
AFM – Dgħajsa li ddaħlet Malta nhar il-Ġimgħa 23 ta’ Frar 2024
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Forzi Armati ta’ Malta (AFM) rċevitx distress call mid-dgħajsa li fuqha waslu l-persuni li ddaħħlu Malta nhar il-Ġimgħa 23 ta’ Frar 2024, fil-ġranet ta’ qabel ma seħħet l-operazzjoni ta’ salvataġġ?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li l-Forzi Armati ta’ Malta, ma rċevitx distress call mid-dgħajsa li fuqha waslu l-persuni li ddaħħlu Malta nhar il-Ġimgħa 23 ta’ Frar 2024, fil-ġranet ta’ qabel ma seħħet l-operazzjoni ta’ salvataġġ.