Legislature:
Category:
Reset
Active:

Uffiċjali pubbliċi sospiżi

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm-il uffiċjal pubbliku kien hemm sospiż bejn l-1 ta’ Jannar 2020 u l-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab infurmat li fil-perjodu msemmi kien hemm 121 uffiċjal pubbliku sospiż.

Uffiċjali pubbliċi — Sospensjonijiet kawtelatorji

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm-il sospensjoni kawtelatorja b’nofs paga minħabba proċeduri kriminali maħruġa fil-konfront ta’ uffiċjali pubbliċi tneħħiet meta l-proċeduri għadhom għaddejjin, mill-1 ta’ Ottubru 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab nfurmat li hemm 36 każ li fihom tneħħiet is-sospenzjoni prekawzjonali mill-Kummissjoni Dwar is-Servizz Pubbliku waqt li l proċeduri għadhom għaddejjin.

Każ ta’ individwu

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 17339, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ħarġa tal-Gazzetta tal-Gvern fejn jissemma l-procurement fil-każ tal-individwu li d-dettalji tiegħu huma imsemmija fl-istess mistoqsija?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Qiegħed inpoġġi kopja tal-gazzetta tal-Gvern tat-22 ta’ Diċembru 2023 fuq il-Mejda tal-Kamra.

FTZD — Konsulenti

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 17337, jista’ l-Ministu jagħti lista sħiħa (bl-isem u l-kunjom) tal-konsulenti u kopja tal-kuntratt tagħhom minn meta twaqqfet il-Fondazzjoni għall-Iżvilupp taż-Żoni Turistiċi (FTZD) sakemm din waqfet tiffunzjona fl-2021?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4644.

Aġenzija għar-Riġenerazzjoni taż-Żoni Turisitiċi — Konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm għandha konsulenti magħha l-Aġenzija għar-Riġenerazzjoni taż-Żoni Turisitiċi (li qabel kienet FTZD) mis-sena 2021 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jagħti lista bl-isem u l-kunjum ta’ dawn il-konsulenti u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra, kopja tal-kuntratt tagħhom?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11277.

Priġunieri — Rapporti ta’ fastidju sesswali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm rapporti ta’ fastidju sesswali fuq priġunieri, kemm minn priġunieri stess jew inkella minn membri tal-istaff minn Jannar 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jekk iva, s’passi ttieħdu?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi sar rapport fis-sena 2023 fuq fastidju sesswali lejn membru tal-istaff tal-ħabs minn priġunier, u sar rapport lill-Pulizija. Rapport ieħor ta’ fastidju sesswali fuq priġunier minn priġunieri oħra, sar fil-bidu ta’ din is-sena fejn sar rapport lill-Pulizija, u l-Aġenzija infurmata li ttieħdu passi quddiem il-Qrati.

Paceville Town Management Committee – Kopja tal-Agenda

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 17065, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Agenda tal-aħħar laqgħa li saret minn Paceville Town Management Committee?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-aġenda tal-laqgħa kienet is-segwenti: - Rimarki tal-ftuħ miċ-Chairman tal-Kumitat u introduzzjoni tal-membri kollha tal-Kumitat - Preżentazzjoni miċ-Chairman tal-Kumitat dwar il-mission statement tal-Kumitat - Preżentazzjoni mill-Kap Eżekuttiv ta’ TZRA dwar l-akkreditazzjoni tal- Purple Flag - Sessjoni ta’ mistoqsijiet u tweġibiet.

Paceville Town Management Committee — Laqgħa li jmiss

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 17065, jista’ l-Ministru jgħid meta ser issir il-laqgħa li jmiss tal-Paceville Town Management Committee?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġejt infurmat li l-ħsieb huwa li l-Kumitat jiltaqa’ fix-xahar ta’ April.

Paceville Junction – Laqgħa pubblika

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex Infrastructure Malta (IM) ma weġbitx għad-diversi e-mails mibgħuta mill-Kunsill Lokali tas-Swieqi dwar il-laqgħa pubblika mwiegħda mill-istess IM dwar il-proġett imħabbar tal-junction fil-bidu ta’ Paceville? Jista’ jgħid ukoll meta ser tinżamm din il-laqgħa?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-laqgħa pubblika maqbula mal-kunsilli lokali rispettivi ser issir f’data u ħin li ghad iridu jiġu stabiliti.

Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni – Ħatra

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 17066 u jgħid meta kienet inħatret bħala responsabbli mill-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) il-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ħatra tagħha u jgħid liema Ministru ffirma din il-ħatra?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna li d-dettalji tagħha ingħataw separatament ġiet maħtura bħala chairperson tal-Awtorita’ għall-Bini u l-Kostruzzjoni fil-31 ta’ Mejju 2022, hekk kif ġie ippublikat b’avviż numru 663 fil-gazzetta tal-Gvern numru 20,874 datata 10 ta’ Ġunju 2022.

Paceville Town Management Committee

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 17064, jista’ l-Ministru jagħti l-ismijiet tal-membri tal-Paceville Town Management Committee, fid-dawl li fit-tweġiba tiegħu ssemma biss mil-liema entità ġejjin?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16684.

Il-Marda ta’ Hansen (lebbra) — Assistenza

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni jirċievu assistenza minħabba l-Marda ta’ Hansen (lebbra) mis-sena 2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif qed tkun preżentata fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Karta r-Roża

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni jinsabu fuq il-Karta r-Roża mis-sena 2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ammont ta’ persuni fuq il-Karta r-Roża mis-sena 2014 sa Frar 2024 hija kif qed tkun preżentata fi tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Tajjeb jingħad illi l-istatistika qiegħda tiġi provduta mis-sena 2014, għaliex kienet propju f’din is-sena li bdiet tinżamm tali statistika fuq is-sistema teknoloġika.

San Ġiljan — Palazz Spinola - Ċentru ċiviku u one stop shop

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fejn waslet it-talba tal-Kunsill Lokali San Ġiljan biex il-Palazz Spinola jkun devolut lill-kunsill biex dan jagħmlu ċentru ċiviku u one stop shop għal diversi entitajiet?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-Ministeru responsabbli.

Tas-Sliema — Kwereli

Question

Fid-dawl li l-Kummissarju tal-Pulizija naqas li jagħti risposta fuq il-kwereli, li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament, jista’ l-Ministru jagħti update/risposta fuq dawn il-kwereli, li saru minn diversi residenti li joqogħdu f’Tas-Sliema?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nitlob lil Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12639.

Paceville – Tipjip tal-kannabis fil-pubbliku

Question

B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 15336 u 14638, jista’ l-Ministru jgħid jekk l-użu tal-kannabis fil-pubbliku huwiex wieħed legali jew illegali? Jekk dan il-konsum fil-pubbliku huwa u għadu wieħed illegali, jista’ jgħid kemm inqabdu persuni jabbużaw mill-użu tal-kannabis fil-pubbliku ġewwa Paceville bejn Jannar 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b’xahar?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li fil-perjodu ta’ bejn Jannar 2023 u l-20 ta’ Marzu 2024, kien hemm ħmistax-il każ fejn persuni nqabdu mill-Pulizija jagħmlu użu tal-kannabis fil-pubbliku. Dawn kienu fil-lokalitajiet tar-Rabat, Malta, in-Naxxar, Marsaskala, il-Marsa, Valletta, Paola u ż-Żurrieq.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – Abbużi minn sustanzi illegali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni li preżentement jinsabu ġewwa l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin inqabdu jabbużaw minn sustanzi illegali bejn Jannar 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b’xahar?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għall-kuntrarju ta’ amministrazzjoni preċedenti, id-droga mhux tollerata jew imħeġġa ġewwa l-ħabs, tant li jsiru testijiet frekwenti u kull każ ta’ persuna pożittiva jittieħed b’serjetà. Dan għin sabiex għal dawn l-aħħar snin kellna ħabs ħieles mid-droga. Fil-perjodu msemmi, bejn Jannar 2023 u Marzu 2024, saru 7,051 test spontanju lill-persuni li qed jiskontaw sentenza. Is-7,051 test jinqasmu kif ġej: 5,500 saru tul l-2023 u minnhom ħarġu biss 8 persuni pożittivi jew 0.15% mit-tests kollha filwaqt li mill-bidu ta’ din is-sena sad-data li qed titwieġeb din il-mistoqsija parlamentari saru 1,551 test li minnhom żewġ persuni biss ħarġu pożittivi jew 0.13%. Wara li persuna tinstab pożittiva għal xi sustanza, isiru l-investigazzjonijiet neċessarji mill-awtoritajiet sabiex jiġu stabbiliti l-fatti u jittieħdu d-deċiżjonijiet li hemm bżonn. Dan l-impenn qed iżomm ħabs nieqes mid-droga, li mbagħad ikun jista’ jiffoka fuq mir-rijabilitazzjoni tal-persuni permezz ta' diversi professjonisti.

Kummissarju għat-Tfal – Investigazzjonjijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il investigazzjoni bdiet il-Kummissarju għat-Tfal minn jeddha għall-perjodu 2013 u 2023 maqsuma sena b'sena?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif qed tkun preżentata fi tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Belt Valletta — Triq Merkanti - Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ - Manutenzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-programm ta’ manutenzjoni ta’ dak li kien l-uffiċċju tal-Ministeru tiegħu fil-Belt Valletta, fi Triq Merkanti, biswit Kastilja?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-programm jinsab wieqaf għax wara li kien ġie aġġudikat it-tender għal xogħlijiet ta’ tisbiħ u finituri f’Palazzo Parisio, Triq Merkanti, il-Belt Valletta, kien ġie mressaq appell li bħalissa għadu qed jinstema’ fil-Qorti.

Ġrieħi kkawżati minn self harm – Persuni li ddaħħlu l-isptar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni, b’mod partikolari żgħażagħ, iddaħħlu l-isptar fuq ġrieħi kkawżati minn self harm? Jista’ jagħti lista tal-etajiet tagħhom?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat mir-records tal-Isptar Mater Dei jirriżulta li każ wieħed iddaħħal mill-2022 ’l hawn b’kawża ta’ self-harm.