Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux qiegħed isir studju fuq Kemmuna qabel ma jinħareġ tender għal deck chairs u umbrelel, u jgħid fejn wasal dan l-istudju? Jista’ jagħti data meta ser jinħareġ dan it-tender?
B’referenza għal proġett li ser jagħmel Project Green ġewwa Ta’ Ġiorni f’San Ġiljan, tista’ l-Ministru tgħid fiex wasal u tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti proposti?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Project Green ikkonsultat mal-Kunsill Lokali biex ġiet żviluppata proposta għal spazju miftuħ f’Ta’ Ġiorni, San Ġiljan. Ġiet sottomessa applikazzjoni għal dan il-proġett mal-Awtorita tal-Ippjanar u għalhekk hu mistenni li d-disinn ikun aċċessibbli għall-pubbliku fil-ġimgħat li ġejjin.
B’referenza għat-tweġiba ta’ mistoqsija parlamentari fejn intqal li fl-aħħar ta’ April kellha tinfetaħ community clinic ġewwa San Ġiljan, jista’ l-Ministru jagħti update ta’ meta din ser tinfetaħ?
Segretarjat Parlamentari għad-Djalogu Soċjali — Individwu
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament għadux jaħdem mas-Segretarjat Parlamentali għad-Djalogu Soċjali? Jekk le, jista’ jgħid meta spiċċa?
Response (ABELA, ROBERT)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid x’passi qed jieħu l-Ministeru tiegħu biex titnaqqas il-problema tal-obeżità fit-tfal u ż-żgħażagħ? Jista' jgħid ukoll x'inhuma l-pjani u l-miri tal-Gvern f’dan ir-rigward?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Direttorati tal-Edukazzjoni ilhom għal diversi snin jaħdmu biex irawmu kultura pożittiva favur stil ta’ ħajja sana li fost l-oħrajn twassal għal prevenzjoni ta’ riskji dwar saħħa inkluż il-problema tal-obeżita fit-tfal u ż-żgħażagħ. Permezz tal-Istrateġija Nazzjonali, il-Ministeru hu kommess li jkompli jippromwovi stil ta’ ħajja sana. Dan jista jsir bl-użu ta’ wieħed mill-iżjed pilastri mportanti fl-istrateġija, il-benesseri fit-tfal u ż-żgħażagħ.
Niġbed l-attenzjoni tal-Onor. Interpellant li matul dawn l-aħħar snin ġew imnieda wkoll diversi inizjattivi li jinkludu polzi nazzjonali, strateġiji u programmi edukattivi marbuta mal-ikel, saħħa u eżerċizzju fiżiku ntegrati fil-kurrikulu eżistenti.
Fi ħdan il-Ministeru hawn iċ-Ċentru tal-Home Economics li gġandha rwol importanti fil-prevenzjoni tal-obesita. Dan iċ-ċentru joffri programmi edukattivi dwar l-ikel, is-saħħa u n-nutrizzjoni għal studenti fis-setturi kollha. Il-Proġett tal-Ħajja Responsabbli għandu l-għan li jappoġġa l-kisbiet edukattivi ta’ studenti vulnerabbli. Joffri wkoll sapport lil studenti li jkunu ser isiru ommijiet biex jaddottaw drawwiet ta’ ikel tajjeb.
Tajjeb li nsemmi wkoll il-programm pilota FunFit5 li fi Frar li għadda kien ippubblikat ir-rapport marbut ma’ din l-inizjattiva. Il-programm kellu l-għan li t-tfal fl-iskejjel ikollhom l-opportunità li jipparteċipaw fi programm ta’ attività fiżika matul il-ġurnata skolastika tagħhom u kien organizzat mill-Malta Football Association (MFA), bil-kollaborazzjoni tal-Kulleġġ Malti għall-Arti, Xjenza u Teknoloġija (MCAST).
Fun Fit 5 se jservi bħala għodda importanti fil-missjoni tal-Fondazzjoni Inħobb il-Futbol (IFF) biex inħajru iktar tfal jipprattikaw l-isport, filwaqt li jgħixu ħajja aktar sâna permezz tal-attività fiżika. Dan l-istudju jikkumplimenta proġetti oħra li qed twettaq din il-Fondazzjoni, primarjament Fun Fit Football, li qed jilħaq eluf ta’ studenti f’diversi skejjel primarji madwar Malta u Għawdex.
Barra minn hekk għaddejha kollaborazzjoni kontinwa ma’ Ministeri oħra sabiex flimkien jiġu mplimentati skemi edukattivi relatati mal-ħarsien lejn is-saħħa.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 17342 u 17745 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-encroachments kollha li hemm ġewwa Tas-Sliema u l-Gżira fuq il-front? Jista’ jqiegħed ukoll pjanta ta’ kull encroachment li hemm biex b’hekk il-pubbliku jkun mgħarraf b’dak li huwa pubbliku u b’dak li huwa encroached?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninsab infurmat li l-Awtorità tal-Artijiet mhijiex awtoriżżata tippubblika dettalji ta’ operaturi privati.
Paceville Town Management Committee – Aġenda ta’ laqgħa
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 17505, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda ta-Kamra kopja tal-Aġenda tal-lagħqa li jmiss tal-Paceville Town Management Committee?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi din hija l-aġenda tat-tieni laqgħa:
- Rimarki tal-ftuħ miċ-Chairman tal-Kumitat
- Approvazzjoni tal-minuti tal-laqgħa ta’ qabel
- Progress tax-xogħlijiet fi Triq Paceville
- Aġġornament dwar il-
Purple Flag
- Xogħlijiet f’Paceville
- Kummenti oħra.
B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 16684 u 17738, jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet fl-intier tagħhom billi jagħti l-ismijiet tal-persuni tal-Paceville Town Management Committee li jinsabu fuq dan il-bord?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 16684 u 17738.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 17743 fejn ġejt riferut għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4644, jista’ l-Ministru jagħti l-isem u l-kunjom tal-individwu li f’Novembru 2021 inħatar bħala Advisor mal-Fondazzjoni għall-Iżvilupp taż-Żoni Turistiċi (FTZD) għal salarju ta’ €26,438? Fid-dawl li dan qed jitħallas minn fondi pubbliċi, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda ta-Kamra kopja tal-kuntratt ta’ din il-ħatra?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna msemmija ġiet ingaġġata skont kif jipprovdi l-Manwal tas-Servizz Pubbliku.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 17746 dwar kemm persuni ddaħħlu l-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei minħabba abbuż tal-kannabis sintetika fejn ġejt imwieġeb li “l-istatistika mitluba mhix disponibbli fid-dipartiment tal-emerġenza”, jista’ l-Ministru jgħid kif kemm fil-Parlament u kemm barra mill-Parlament, wasal biex jistqarr li diversi persuni qegħdin jabbużaw minn kannabis sintetika?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rapport “National Report on the Drug Situation and Responses in Malta 2023” ippubblikat mill-Ministeru għall-Politika Soċjali u Drittijiet tat-Tfal hu sors importanti f’dan ir-rigward.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 17750, jista’l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija fl-intier tagħha u jagħti rendikont u lista sħiħa ta’ kulma ġie nieqes mill-istrong room tal-Qorti mis-sena 2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 17342 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-encroachments kollha li hemm ġewwa Tas-Sliema u l-Gżira fuq il-front? Jista’ jqiegħed ukoll pjanta ta’ kull encroachment li hemm biex b’hekk il-pubbliku jkun mgħarraf b’dak li huwa pubbliku u b’dak li huwa encroached?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub qed jinġabar.
Abbuż tal-kannabis sintetika — Persuni li ddaħħlu l-emerġenza
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 17340 u jgħid kemm persuni ddaħħlu l-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei minħabba abbuż tal-kannabis sintetika minn Ġunju 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat illi din l-istatistika mitluba mhix disponibbli fid-dipartiment tal-emerġenza.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 17345 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi u ċjoè: B’referenza għall-proġett li kien imħabbar mill-Ministru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika fuq ir-riġenerazzjoni ta’ Ġnien Spinola u l-inħawi u li issa għadda għand Infrastructure Malta, jista’ l-Ministru jagħti update fejn wasal dan il-proġett?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett ta’ riġenerazzjoni ta’ Ġnien Spinola huwa parti minn proġett akbar fiż-żona li jinkludi wkoll ir-riġenerazzjoni ta’ Triq Paceville. Diġà bdew xi xogħlijiet fi Triq Paceville fosthom l-installazzjoni ta’ servizzi ġodda. Bħalissa, flimkien mal-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan, għaddej programm ta’ manutenzjoni u tisbiħ fiż-żona.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 17351, li minnha jirriżulta li sa Frar 2024 kien hemm 424 persuna fuq l-assistenza minħabba vista batuta, u peress illi dan huwa l-akbar numru mis-sena 2013, meta kien hemm in-nofs (211), jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-proċedura biex tinħareġ din l-assistenza? Jista’ jgħid ukoll min huma l-membri tal-bord li jieħu d-deċiżjonijiet dwar min jingħata din l-assistenza?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi sas-sena 2014, persuna li tapplika għall-Assistenza għal Vista Batuta, minbarra li tissodisfa t-tħaddim tat-test tal-mezzi, kien ikollha tnaqqis jew saħnansitra ma tikkwalifika għall-ebda ħlas jekk tkun qiegħda taħdem u taqla aktar mill-Paga Minima Nazzjonali. Mill-2015 tali persuna bdiet tikkwalifika, kien x’kien id-dħul mill-impjieg dment li kienet tissodisfa t-test tal-mezzi.
Barra minn hekk, mis-sena 2022 it-test tal-mezzi tneħħa kompletament mir-rekwiżit sabiex wieħed jikkwalifika għal din l-assistenza.
Il-proċedura hija illi l-persuna tapplika permezz tal-oftalmologu tal-għażla tagħha, u l-każ jgħaddi għand l-oftalmologi appuntati taħt l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali sabiex tittieħed id-deċiżjoni.
Tajjeb jingħad illi sas-sena 2014, qatt ma kienu appuntanti oftalmologi taħt l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali. Tali proċedura ddaħlet għall-ewwel darba fl-2015.
L-oftalmologi li qed iservu fuq il-Bord Mediku huma Dr Melvin J. Gouder u Dr Mario Vella.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern ħax deċiżjoni li jkun proprjetarju ta’ High Commission ġdida ġewwa l-Ghana wara li kienet ġiet inawgurata dik mikrija f’Jannar 2023?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Gvern m’għandux intenzjoni li jixtri proprjetà ġewwa l-Ghana.
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ kulma ġie nieqes mill-istrong room tal-Qorti ta’ Malta mis-sena 2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena u jagħti lista sħiħa ta’ dawn l-oġġetti li ġew nieqsa?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’dawn iċ-ċirkostanzi l-Pulizija tiġi nfurmata u tinfetaħ inkjesta maġisterjali.
Ċertament l-aktar każ notevoli jibqa’ dak tal-1993 meta nsterqu numru ta’ esebiti mill-istrongroom tal-Qorti, inkluż sub-machine gun li kellu jintuża bħala evidenza f’ġuri fuq qtil.
Dawn is-sitwazzjoni għandhom jittieħdu bis-serjeta’ u kien għalhekk li ħtart bord amministrattiv biex jwettaq reviżjoni dwar il-kustodja ta' oġġetti li jkunu ġew esebiti fi proċeduri legali u jagħmel l-eżaminazzjoni kollha meħtieġa, kif tħabbar fl-istqarrija tal-Gvern numru 240369.
Indipdentament minn dan il-proċess, fl-aħħar xhur l-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati kienet f’diskussjonijiet biex isaħħaħ is-sistemi interni, nkluż b’investiment f’sistema ta' RFID.
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 17336 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi u ċjoè: B’referenza għax-xogħlijiet li qegħdin isiru fl-Upper Part ta’ Triq San Albert ġewwa l-Gżira fejn hemm l-iskola ta’ Stella Maris, tista’ l-Ministru tgħid meta ser titlesta din it-triq fid-dawl ta’ inkonvenjenza kbira għal residenti/tfal tal-iskola ta’ Stella Maris?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-parti tat-triq indikata qed isir xogħol preparatorju mill-Enemalta biex tkun tista’ tiġi kummissjonata substation ġdida f’din iż-żona biex tkompli ssaħħaħ is-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku. Filwaqt li qegħdin jittieħdu u jiġu mħarsa l-miżuri kollha ta’ saħħa u sigurtà, ninsab infurmata li dan ix-xogħol mistenni jitlesta fil-ġimgħat li ġejjin.