Legislature:
Category:
Reset
Active:

Enemalta – Xiri ta’ turbini tar-riħ fil-Montenegro – Investiment u dħul

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm sewa l-investiment għat-turbini tar-riħ fil-Montenegro li nxtraw minn Enemalta? Kemm kien il-profitt mid-data tax-xiri ta’ dan l-investiment sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Tista’ tgħid ukoll fl-liema fond mar dan id-dħul?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-investiment li għamlet l-Enemalta kien ta’ €3.5 miljun u sa llum daħħlet fil-kontijiet tagħha €811,860.

Ħlas dovut fuq Causa Mortis

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex id-Dipartiment tat-Taxxi qed jitlob il-ħlas tal-ammont dovut lill-Gvern fuq causa mortis lil persuni li diġà ħallsu, meta n-nutar (li huwa aġent f’isem il-gvern) naqas milli jgħaddi dan il-ħlas, minflok qed jitlob lin-nutar biex iħallsu?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Kummissarju tat-Taxxa u d-Dwana m’huwiex awtorizzat jirreġistra dikjarazzjonijiet Causa Mortis sakemm ma jsirx il-ħlas, u dan a tenut tal-Att dwar it-Taxxa fuq Dokumenti u Trasferimenti (Kap. 364 tal-Liġijiet ta’ Malta). Tali sistema teżisti sabiex jiġi protett l-errarju pubbliku.

Żieda fil-kera – Eleġibilità għas-sussidju

Question

Fid-dawl taż-żieda fil-kera, jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk persuna tridx jgħaddi minn test tal-mezzi (means test) biex tkun eleġibbli għall-iskema li permezz tagħha l-gvern jissussidja lil persuni li qiegħdin f’kirja privata (id-differenza fil-kera mitluba), u jekk iva, x’inhuma l-kriterji għall-eliġibilità?

Response (ABELA, ROBERT)

Tweġiba tingħata f'seduta oħra.

School based Occupational Therapy

Question

B’referenza għal EMP 272, jista’ l-Ministru jagħti aġġornament dwar l-istatus attwali tas-servizzi ta’ Occupational Therapy ibbażati fl-iskejjel (school-based OT) ta’ Malta u ta’ Għawdex, inkluż jekk dawn is-servizzi humiex qed jiġu pprovduti b’mod sħiħ fl-iskejjel kollha, u jekk hemm xi nuqqasijiet, jista’ jgħid jekk hemmx pjanijiet jew skedi ta’ żmien biex dawn is-servizzi jiġu estiżi għall-kulleġġi kollha?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi d-domanda lill-Ministeru kkonċernat.

Aġenzija Sapport – Każi ta’ dixxiplina - Riżultati

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’konsegwenzi kien hemm b’riżultat ta’ proċeduri dixxiplinarji f’Aġenzija Sapport, f’dawn l-aħħar ħames snin, maqsuma sena b’sena? Tista’ wkoll tagħti rendikont tar-riżultat ta’ dawn il-proċeduri maqsuma f’kategoriji bħal tkeċċija, warning eċċ?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-rekords tal-Proċeduri Dixxiplinarji ma jinżammux għal aktar minn sena mid-data tad-deċiżjoni, kif stipulat f’Policy 2 (Data Protection) u Policy 3 (Disciplinary Policy) tal-Aġenzija Sapport. Fl-aħħar sena, il-Bord Dixxiplinarju tal-Aġenzija Sapport proċessa 14-il każ, li rriżultaw kif ġej: ·        3 terminazzjonijiet mill-impjieg ·        1 twissija finali u sospensjoni ·        4 twissijiet bil-miktub ·        4 sospensjonijiet Kien hemm ukoll 2 riżenji mill-impjieg li seħħew qabel mal-Bord Dixxiplinarju ħa d-deċiżjoni finali. Fl-istess sena, inħarġu wkoll total ta’ 52 twissija bil-miktub. Kif stipulat f’Policy 3 tal-Aġenzija Sapport, dawn l-akkużi ma kinux meqjusa bħala ‘Grave Offence’, u għalhekk ġew ipproċessati mingħajr il-ħtieġa ta’ Bord Dixxiplinarju.

Aġenzija Sapport – Support Workers – Każi ta’ dixxiplina

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien hemm support workers li għaddew minn proċeduri ta’ dixxiplina f’dawn l-aħħar ħames snin, maqsuma sena b’sena?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-rekords tal-Proċeduri Dixxiplinarji ma jinżammux għal aktar minn sena mid-data tad-deċiżjoni, kif stipulat f’Policy 2 (Data Protection) u Policy 3 (Disciplinary Policy) tal-Aġenzija Sapport. Fl-aħħar sena, il-Bord Dixxiplinarju tal-Aġenzija Sapport proċessa 13-il każ relatat ma’ Support Workers. Fl-istess sena, inħarġu wkoll 50 twissija bil-miktub lil Support Workers.

Aġenzija Sapport – Support Workers – Liċenzji tas-sewqan

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm support workers li għandhom liċenzja tas-sewqan u jistgħu jsuqu l-vannijiet ta’ Aġenzija Sapport?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, skont id‑data miġbura mill-Aġenzija Sapport, aktar minn 98 support workers għandhom liċenzja tas-sewqan. Madankollu, l-Aġenzija Sapport tqassam lill-impjegati skont il-ħtiġijiet operattivi tagħha u mhux skont il-kriterji speċifiċi ta’ din il-mistoqsija.

Aġenzija Sapport – TCNs – Support Workers

Question

Fid-dawl tal-fatt li ħafna residenti ta’ Aġenzija Sapport ma jitkellmux / ma jifhmux ħlief l-ilsien Malti, tista’ l-Ministru tgħid jekk il-ħaddiema tal-kuntrattur li huma ċittadini ta’ pajjiżi terzi (TCNs), humiex fluwenti fil-lingwa Maltija?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba numru 34570. Inżid ukoll li s-support workers normalment ikunu parti minn tim divers ta’ ħaddiema. Għaldaqstant, il-komunikazzjoni lejn dawk ir-residenti li jippreferu jitkellmu bil-Malti ma tkunx preġudikata.

Aġenzija Sapport – TCNs – Support Workers

Question

Fid-dawl tal-fatt li ħafna residenti ta’ Aġenzija Sapport ma jitkellmux / ma jifhmux ħlief l-ilsien Malti, tista’ l-Ministru tgħid jekk il-ħaddiema li huma ċittadini ta’ pajjiżi terzi (TCNs) impjegati direttament ma’ Aġenzija Sapport, humiex fluwenti fil-lingwa Maltija?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, kif stipulat fir-risposti għall-mistoqsijiet parlamentari 34561 u 34567, dawk l-applikanti li huma kapaċi jikkomunikaw kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż jingħataw preferenza waqt il-proċess tal-għażla. Filwaqt li mhux dejjem ikun hemm applikanti li jilħqu dan il-kriterju addizzjonali, uħud mill-applikanti minn pajjiżi terzi ikunu ilhom jaħdmu f’Malta għal numru ta’ snin u jkunu segwew korsijiet fil-lingwa Maltija wkoll. Dawn ukoll jiġu intervistati, iżda tibqa’ tingħata preċedenza lill-applikanti li huma Maltin jew mill-UE, kif stipulat fir-regolamenti ta’ Jobsplus.

Aġenzija Sapport – TCNs – Support Workers

Question

Tista’ l-Ministru tgħid f’numri assoluti u persentaġġi, kemm hemm support workers li huma ċittadini ta’ pajjiżi terzi (TCNs) f’Aġenzija Sapport?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Aġenzija Sapport għandha 33 TCN minn total ta’ 363 support workers, jiġifieri persentaġġ ta’ 9%.

Aġenzija Sapport – Support Workers – Taħriġ

Question

Tista’ l-Ministru tagħti fid-dettall x’taħriġ qed jingħata lis-Support Workers f’Aġenzija Sapport?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s-Support Workers, Senior Support Workers, il-professjonisti li jaħdmu fis-servizzi, u ħaddiema oħra jingħataw taħriġ kontinwu bil-għan li jtejbu l-kompetenzi u l-għarfien tagħhom relatati mad-dmirijiet tagħhom. Dan it-taħriġ jinkludi: 1. NAPPI (Non-Abusive Psychological and Physical Intervention) 2. ‘Safe Use of Medication Administration’ 3. Food Handling 4. Induction Training 5. ‘How to Approach Sexualised Behaviour’ 6. Autism and SPELL 7. First Aid 8. OHSA Health and Safety Representative 9. Mental Health First Aid – Accredited and Refreshers 10. Mental Health Support 11. IDDSI 12. SAFE Program 13. OT Workshops 14. Moving and Handling

Aġenzija Sapport – Support Workers – Applikanti li ma ntgħażlux

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien hemm applikanti li riedu jaħdmu bħala support workers ma’ Aġenzija Sapport fl-2025 u ma ntgħażlux minkejja li kellhom il-kwalifiki u l-esperjenza? Tista’ tgħid ukoll x’kienu r-raġunijiet għaliex dawn ma ntgħażlux?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fis-sena 2025, 52 individwu għaddew għal intervista mal-Aġenzija Sapport wara li preżentaw il-kriterji bażiċi mitluba għall-irwol ta' Support Worker. Dawn il-kriterji huma indikati fit-tweġiba għal mistoqsija parlamentari 34561. Finalment, dawn il-52 applikant ma ġewx magħżula għall-irwol minħabba l-livell ta' komunikazzjoni tagħhom bil-Malti u bl-Ingliż u l-esperjenza li kellhom. Kif indikat fit-tweġiba għal mistoqsija parlamentari 34561, applikanti li wrew dawn il-kwalitajiet ingħataw preferenza sabiex jiġi mħares il-kwalità tas-servizz.

Aġenzija Sapport – Support Workers tal-kuntrattur – Kuntratt

Question

Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt li ġie ffirmat mal-kuntrattur li qed jipprovdi s-support workers lil Aġenzija Sapport?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-kuntratti mitluba huma meqjusa bħala kummerċjalment sensittivi.

Aġenzija Sapport – Support Workers

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk is-support workers tal-kuntrattur għandhomx kundizzjonijiet inferjuri mis-sapport workers li jaħdmu direttament ma’ Aġenzija Sapport?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ħaddiema tal-kuntrattur u dawk li jaħdmu direttament ma’ Aġenzija Sapport igawdu l-istess kundizzjonijiet.

Aġenzija Sapport – Support Workers

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx xi forma ta’ strateġija biex in-numru ta’ ħaddiema impjegati direttament ma’ Aġenzija Sapport jonqos u n-numru ta’ ħaddiema tal-kuntrattur jiżdied, u jekk iva, x’inhi r-raġuni?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li meta jkun hemm post vakanti, dan jerġa’ jimtela’ mill-ġdid.

Aġenzija Sapport – Support Workers tal-kuntrattur – Kwalifiki u prerekwiżiti

Question

Tista’ l-Ministru tgħid xi kwalifiki u prerekwiżiti qed jiġu mitluba mill-Aġenzija Sapport lis-support workers li huma ħaddiema tal-kuntrattur?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.

Aġenzija Sapport – Support Workers – Kwalifiki u prerekwiżiti

Question

Tista’ l-Ministru tgħid xi kwalifiki u prerekwiżiti qed jiġu mitluba li jkollhom is-support workers fl-Aġenzija Sapport?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-kwalifiki u l-prerekwiżiti mitluba mis-support workers tal-Aġenzija Sapport huma kif ġej: Għal support workers li jaħdmu ‘Day Services’: Requisites: Eligible candidates must meet one of the criteria mentioned below: A recognised qualification or award at MQF Level 3 or higher (minimum of 60 ECTS/ECVET) in the health, social or disability sector; OR Two (2) years’ relevant work experience as a Support/Care Worker in the fields of disability, mental health or a relevant social sector; one (1) year (equivalent to full-time) of which may be in the voluntary sector. This needs to be supported by a formal letter from the entity, and needs to be related to the disability and/or mental health sector; OR Applicants who have relevant experience and skills in the expressive arts (theatre, ceramics, painting, drama) and/or sports and who have the aptitude to work with persons with disability and who are willing to undergo in house compulsory training during the first six months of employment. Preference will be given to applicants who are able to communicate in both the Maltese and the English languages to the benefit of the service users. Moreover, applicants with a valid driving licence shall be given preference, since driving duties are an important part of the Support Worker’s role. Applicants in possession of a foreign qualification/s are to produce with their application, a recognition statement on comparability of qualifications issued by the Malta Further and Higher Education Authority (MFHEA). Għal support workers li jaħdmu SIL (residenzi): Requisites: Eligible candidates must meet one of the criteria mentioned below: A recognised ‘Qualification’ at MQF Level 3 or higher (minimum of 60 ECTS/ECVET) in the health and social sector (eg. MCAST Diploma in Care); OR A recognised ‘Award’ at MQF Level 3 or higher (less than 60 credits) in the health and social care sector or a related and relevant field, together with six (6) months’ work experience (this needs to be supported by formal documentation, and needs to be related to the disability and/or mental health sector); OR Having an A’ Level standard of education, with a passion for the disability field; such candidates must be currently reading for a ‘Qualification’ at MQF Level 5 or higher (minimum 120 ECTS) in healthcare, social science or nursing/allied health, or a related field; OR Three (3) years’ relevant work experience as a Support/Care Worker in the fields of disability, mental health or a relevant social sector; one (1) year (equivalent to full-time) of which may be in the voluntary sector (this needs to be supported by a formal letter from the entity, and needs to be related to the disability and/or mental health sector). Support Workers li jaħdmu fis-servizz MyProgramme (ibbażat fil-komunità) huma wkoll meħtieġa jkollhom liċenzja valida tas-sewqan, peress li s-sewqan jifforma parti integrali mir-rwol tagħhom fil-komunità.

Aġenzija Sapport – Support Workers

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm support workers f’Aġenzija Sapport bħalissa u kemm minnhom huma seniors?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa hemm 326 Support Worker impjegati ma’ Aġenzija Sapport, li minnhom 25 jokkupaw il-kariga ta’ Senior Support Worker.