Legislature:
Category:
Reset
Active:

Il-Gżira – Għassa tal-Pulizija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser terġa’ tinfetaħ l-għassa tal-pulizija ġewwa l-Gżira?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li r-residenti tal-Gżira llum wkoll għandhom servizz tal-Pulizija tal-komunità filwaqt li l-lokalità hija milħuqa wkoll b’rondi minn uffiċjali b’vetturi tal-RIU kif ukoll dawk tal-għassa Prinċipali tad-Distrett. Hemm ukoll servizz ta' intercomp. Kif ingħad drabi oħra l-pubbliku jista’ llum wkoll jagħmel użu ta’ rappurtaġġ onlajn, permezz ta’ sistema introdotta ftit tax-xhur ilu, u jaċċessa s-servizzi tal-pulizija, minn daru. Il-Pulizija tibqa’ kommessa li bit-tibdil fl-istrateġija tal-Korp u inizjattivi oħra, jiġu użati aħjar ir-riżorsi fil-korp, filwaqt li tissaħħaħ u titjib is-sigurtà, kif ukoll it-tnaqqis u l-prevenzjoni fil-kriminalità. Dan anke bit-titjib fil-kunċett ta’ Pulizija tal-Komunità, li llum ikopri l-maġġoranza tal-lokalitajiet, f’dawn il-gżejjer.

Il-Għargħur – Għassa tal-Pulizija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser terġa’ tinfetaħ l-għassa tal-pulizija ġewwa l-Għargħur?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li l-lokalità tal-Għargħur ukoll ġie ntrodott is-servizz ta' Pulizija tal-Komunità, u ninsab infurmat ukoll li l-lokalità hi koperta wkoll mir-rondi kemm b’vetturi distrettwali u minn uffiċċjali b’vetturi tal-RIU. Il-lokalità tal-Għargħur hija koperta mill-għassa Prinċipali tad-Distrett fin-Naxxar li hija miftuħa erbgħa u għoxrin siegħa kuljum. Il-Pulizija tibqa' kommessa li r-riżorsi fil-korp jiġu wżati bl-aħjar mod u fl-istess ħin tissaħħaħ u titjieb is-sigurtà, inkluż it-tnaqqis u l-prevenzjoni fil-kriminalità.

Każ ta’ għalliem — Kopja tal-Warrant

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 18495, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-warrant tal-għalliem li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-għalliem li d-dettalji tiegħu ngħataw separatament, għandu l-warrant neċessarju.

Qorti – Strong room — Oġġetti nieqsa

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista sħiħa ta’ dak li ġie nieqes mill-istrong room tal-Qorti ta’ Malta mis-sena 2012 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 18838.

Tas-Sliema — Ticketing booths

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 18640 fejn ġie mitlub jgħid kemm l-Awtorità tal-Artijiet ħarġet permessi għal ticketing booths fix-Xatt Tas-Sliema u peress li l-Ministru rreferieni għat-tweġiba tal-mistoqsija 18492 fejn f’din l-istess tweġiba hemm li hemm 3 ticketing booths biss li huma bil-permess, jista’ l-Ministru jgħid x’passi se tieħu l-Awtorità tal-Artijiet fuq dawk id-diversi ticketing booths li huma bla permess?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Encroachments

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 18832 fejn ġejt riferut għat-tweġiba tal-mistoqsija 18492 li fiha ingħatajt lista ta’ min għandu encroachment, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra s-site plans tal-encroachment li jkun ma’ kull permess ta’ KULL min qiegħed fuq din il-lista kif mitlub fil-mistoqsija parlamentari 18834?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Każ ta’ encroachment

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 18833, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tas-site plan ta’ fejn għandu l-encroachment il-ħanut li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra s-site plan tal-encroachment mitluba.

Awtorità tal-Ippjanar — Proċedura dwar encroachments

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 18835, fejn intqal ‘li l-Awtorità tal-Ippjanar toħroġ biss permessi għal użu tal-art’, jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-proċedura li tintuża biex toħroġ encroachment u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ din il-proċedura?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru ikkonċernat, minħabba l-fatt li l-Awtorità tal-Ippjanar ma toħroġ l-ebda tip ta’ encroachments.

Dipartiment tas-Saħħa Pubblika — Abbuż tal-kannabis sintetika

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 18839, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kull pubblikazzjoni li għandu d-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika fuq l-abbuż tal-kannabis sintetika?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba diġà mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 18337.

Bord ta’ Monitoraġġ għall-Persuni Detenuti – Rapport Annwali

Question

Jista' l-Ministeru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra, ir-rapport annwali tal-Bord ta’ Monitoraġġ għall-Persuni Detenuti għas-sena 2023?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qiegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin — Bord ta’ Monitoraġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-membri maħtura fuq il-Bord ta’ Monitoraġġ tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra, ir-rapport annwali tal-Bord għas-sena 2023?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li l-informazzjoni mitluba qiegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Bord għall-Governanza tal-Ħabsijiet — Rapport Annwali

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport annwali tal-Bord għall-Governanza tal-Ħabsijiet tas-sena 2022 u tas-sena 2023?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qiegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Il-Gżira — Triq San Albert - Xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 17739 u 18635 fuq reinstatement tat-Triq San Albert quddiem il-Kulleġġ Stella Maris, il-Gżira fejn dawn ix-xogħlijiet ilhom pendenti xhur u li qiegħed joħloq inkonvenjent kbir kemm lill-istudenti/ġenituri u kemm lir-residenti, tista’ l-Ministru tagħti data meta dawn ix-xogħlijiet se jitlestew?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li wara li tlestew ix-xogħlijiet taħt it-triq indikata biex tkompli tissaħħaħ is-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku f’din iż-żona, f’dawn il-jiem se jkun qed jingħata l-asfalt skont ir-rekwiżiti tal-permess maħruġ minn Transport Malta.

Paceville, Tas-Sliema u l-Gżira — Spezzjonijiet mill-MTA dwar ġbir ta’ skart

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 18636, dwar spezzjonijiet li saru mill-Enforcement Unit tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) fuq entitajiet kummerċjali li għandhom liċenzja ta’ bars/restoranti, u li huma obbligati li jkollhom kuntrattur privat tal-iskart f’Paceville, Tas-Sliema u l-Gżira, jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm bars/restoranti li mhumiex konformi mal-liċenzja tagħhom?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-eżerċizzju msemmi f’dawn il-lokalitajiet għadu għaddej. Sad-data li saret il-mistoqsija, instabu 117-il stabbiliment f’Paceville/San Ġiljan, 30 stabbiliment f’Tas-Sliema u 9 stabbilimenti fil-Gżira li ma kienux konformi u għalhekk ġew imwissija b’dan in-nuqqas. Jekk jirriżulta li stabbilimenti ma rrimedjawx kif mitlub, l-Awtorità tieħu passi ulterjuri b’multi amministrattivi jew azzjoni legali jekk ikun il-każ.

Amplified music — Permessi maħruġa mill-MTA

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 18637 fejn intalab jgħid kemm hemm entitajiet kummerċjali f’Tas-Sliema, San Ġiljan, Paceville u l-Gżira li għandhom liċenzja għal amplified music, jista’ jagħti lista sħiħa tat-38 stabbiliment li għandhom dan il-permess? Jista’ jgħid ukoll jekk dan il-permess huwiex għal amplified music fuq barra jew inkella fuq ġewwa?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Infakkar lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu mhijiex l-entità kompetenti li toħroġ permessi ta’ amplified music fuq barra ta’ entitajiet kummerċjali.

Awtorità tal-Ippjanar — Policy dwar encroachments

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 18493, jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-proċedura tal-Awtorità tal-Ippjanar meta jkollha talba għal encroachment? Jista’ jgħid ukoll jekk hemmx xi policy jew guidelines ta’ kif titmexxa din it-talba?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Qorti – Strong room — Oġġetti nieqsa

Question

B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 18338 u 18626 fejn il-Ministru rreferieni għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 17750, peress illi f’din it-tweġiba ma hemmx l-informazzjoni mitluba, jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ kulma ġie nieqes mill-istrong room tal-Qorti ta’ Malta mis-sena 2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena u jagħti lista sħiħa ta’ dawn l-oġġetti li ġew nieqsa?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi dwar din il-mistoqsija li qiegħed jagħmel ripetutament jien diġà tajt l-informazzjoni rilevanti illi fiċ-ċirkostanzi setgħet raġjonevolment tingħata. Għalhekk, filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant ukoll għall-Ordni Permanenti 27(9) tal-Ordnijiet Permanenti tal-Kamra dwar ripetizzjoni ta' domandi, nerġa' nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 17750.