Tas-Sliema, Gżira u San Ġiljan — Permessi għall-imwejjed u siġġijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet fuq stabbilimenti li għandhom il-permess għall-imwejjed u siġġijiet ġewwa Tas-Sliema, Gżira u San Ġiljan, minn Mejju 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma lokalità b’lokalità?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninsab infurmat li fil-perjodu msemmi l-Awtorità tal-Artijiet wettqet 107 spezzjoni f’Tas-Sliema, 57 fil-Gżira u 9 f’San Ġiljan.
Paceville, San Ġiljan u tas-Sliema — Persuni li nstabu jagħmlu użu mill-ħaxixa/marijuana fil-pubbliku
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ persuni li nstabu jagħmlu użu mill-ħaxixa/marijuana fil-pubbliku minn Mejju 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari ġewwa Paceville, San Ġiljan u tas-Sliema, maqsuma lokalità b’lokalità?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li bejn Mejju 2024 u Settembru 2024 kien hemm każ ġewwa San Ġiljan.
Jista’ l-Ministru jgħid meta ser jitkomplew ix-xogħlijiet tat-triq ġewwa Bella Vista, f’San Ġwann?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ix-xogħlijiet fi triq Bellavista, San Gwann, se jitkomplew wara li javvanzaw xogħlijiet oħra fuq proġetti ta’ skala sinifikanti fil-qrib. Wieħed jista’ jaraf l-importanza ta’ din ir-rotta, li tinsab viċin ta’ l-isptar, l-universita’, żona industrjali u anka residenzjali, u għaldaqstant ix-xogħlijiet qed jiġu implimentati b’tali maniera sabiex ikun imminimizzat l-impatt fuq it-traġitti u ir-rottot tal-madwar.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn persuni li għandhom liċenzja biex ikunu jistgħu jikkaċċjaw fuq il-baħar u x’inhuma l-kundizzjonijiet ta’ din il-liċenzja?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li sad-data tat-tweġiba ta’ din il-mistoqsijja (16/10/2024) hawn 292 persuna bil-liċenzja ġenerali għall-kaċċa tal-għasafar min fuq il-baħar. Il-kundizzjonijiet ta’ din il-liċenzja joħorġu mir-Regolamenti dwar il-Konservazzjoni tal-Għasafar Selvaġġi.
B’referenza għas-sentenza tal-Qorti Ewropea fejn sabet li d-deroga tal-insib hija waħda illegali, jista’ l-Ministru jgħid x’passi ser jieħu biex josserva din is-sentenza?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lil Onor. Interpellant sabiex jirreferi għal Avviż legali 270 tal-2024 Att Dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent (Kap. 549) Regolamenti tal-2024 dwar il-Konservazzjoni tal-Għasafar Selvaġġi (Dikjarazzjoni Dwar Deroga li Tippermetti Riċerka Xjentifika fuq Seba’ Speċi tal-Għasafar tal-Għana fil-Ħarifa tal-2024) li diġà tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra fil-21 ta’ Ottubru 2024 f’Seduta 265.
Dħul ta’ iktar minn €40,000 – Persuni li rreġistraw
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li rreġistraw dħul tagħhom bħala ’l fuq minn €40,000 matul is-sena 2020? Jista’ jgħid ukoll kemm minnhom kienu self-employed?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kien hemm 34,519 persuna li ddikjaraw dħul għal finijiet tat-taxxa li jeċċedi l-€40,000 għas-sena 2020.
Minn dawn kien hemm 4,698 li ddikjaraw dħul bħala self-employed.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità tal-Artijiet biegħetx jew għaddietx lil terzi l-proprjetà li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament? Jekk iva, jista’ jgħid x’kienu l-ħlasijiet u l-kundizzjonijiet?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Nitlob lill-Onor. Membru jippreċiża l-mistoqsija tiegħu u jispeċifika għal liema kantuniera qed jirreferi.
B’referenza għall-għeluq għal aktar minn tliet xhur tal-Bajja tal-Balluta u x-xogħlijiet li saru biex din terġa’ tinfetaħ, tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra, kopja tar-rapport li juri x’kienet il-kawża u x’passi ttieħdu?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif diġà ntqal pubblikament, dak li qed jirreferi għalih fil-mistoqsija tiegħu ma kienx relatat ma’ nuqqasjiet fl-infrastruttura tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma. L-investigazzjonijiet li saru kkonfermaw li l-Korporazzjoni ma kinitx responsabbli għal dak li wassal għall-għeluq tal-bajja, tant li kien ġie determinat li l-kawża kienu ħsarat estensivi li kien hemm fil-mina li minnha jgħaddi l-ilma tax-xita. Minkejja li din l-istruttura ma taqax fir-responsabbiltà tagħha, il-Korporazzjoni assistiet lill-entità konċernata fit-tiswijiet li kien meħtieġ li jsiru b’urġenza biex il-bajja setgħet terġa’ tinfetaħ għall-użu mill-pubbliku.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn persuni li għandhom il-kundizzjoni tad-dijabete fil-pajjiż? Jista’ jgħid ukoll kemm hemm persuni taħt l-età li għandhom din il-kundizzjoni?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li b’kollox hawn total ta’ 46,395 persuna li għandhom il-kundizzjoni tad-dijabete fil-pajjiż. Minnhom 189 huma persuni taħt l-14-il sena.
Paceville u San Ġiljan — Persuni taħt l-età li nstabu jixorbu l-alkohol
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ persuni taħt l-età li nstabu jixorbu l-alkoħol ġewwa Paceville u San Ġiljan minn Mejju 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b’xahar?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li fis-sena 2024 kien hemm 3 persuni li nħarġu l-akkużi għaliex kienu jinstabu ġewwa stabbilimenti f'Paceville jew San Ġiljan, meta taħt l-età. Din l-informazzjoni ma tinkludix jekk xorbux jew le.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni/entitajiet kummerċjali kienu nstabu li għandhom daqq ta’ mużika/storbju barra l-ħinijiet legali?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li matul is-sena 2023 il-pulizija segwiet disa’ u disgħin (99) każ dwar persuni/entitajiet kummerċjali fuq daqq ta’ mu¿ika/storbju barra l-ħinijiet legali fil-post ta’ negozju tagħhom, wara li kienu skoperti waqt ir-ronda jew wara rapporti li saru mill-pubbliku. Fis-sena 2024 sal-15 ta’ Ottubru, segwiet fuq mija u tlieta u għoxrin (123) każ simili.
Jista’ l-Ministru jgħid meta ser terġa’ tinfetaħ l-għassa tal-pulizija ġewwa l-Imsida?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li x-xogħol fl-għassa tal-Imsida huwa estensiv. Wara waqfa temporanja minħabba proċeduri legali ċivili li nbdew minn terzi fil-Qorti, ix-xogħol reġa’ beda u mistenni jitlesta sal-ewwel kwart tal-2026, bl-għassa terġa’ tiftaħ madwar l-istess perjodu. Infurmat ukoll li qed jiġi offrut servizz bi sħab mal-Kunsill Lokali tal-Msida mill-istess bini tal-Kunsill sabiex jassisti lill-pubbliku.
Sptar Mater Dei – Knee Replacement – Lista ta' stennija
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni fuq il-lsita ta' stennija ta’ Mater Dei biex jagħmlu knee replacement? Jista’ jgħid ukoll kemm ilhom fuq din il-lista?
Tista’ l-Ministru tara r-raġuni għalfejn qed jidħol id-drenaġġ fil-proprjetà li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament? Tista’ tgħid x’passi ser jittieħdu?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ma kienet ireċeviet l-ebda rapport dwar dan il-każ qabel ma saret din il-mistoqsija parlamentari, u malli ġiet notifikata dwaru wettqet l-investigazzjonijiet meħtieġa u ħadet azzjoni minnufih biex il-problema ssolviet.
Persuni li jkollhom diffikultajiet dwar xi infrastruttura tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma jistgħu jċemplu fuq 8007 6400 jew jagħmlu rapport online permezz tas-sit elettroniku
www.wsc.com.mt
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu t-total ta’ income tax li għadu ma nġabarx mis-CIR sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Minn dawn, jista’ jgħid kemm ġejjin minn ċittadini u kemm minn kumpaniji?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ammont ta’ arretrati gross ta’ income tax fil-31 ta’ Diċembru 2023 kien ta’ €1,079,346,907.
Minn dan l-ammont hemm €885,605,819 li huwa meqjus bħala ammont li ma jistax jinġabar, għax jikkonsisti prinċipalment fi stimi ta’ taxxa li ġew iġġenerati wara nuqqas li tintbagħat il-formola tal-income tax.
Huwa stmat li 60% ta’ dan il-bilanċ ġej minn kumpaniji.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu t-total ta’ VAT li għadu ma nġabarx?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ammont ta’ arretrati gross fil-31 ta’ Diċembru 2023 kien ta’ €4,837,387,908.
Minn dan l-ammont hemm €4,469,947,885 li huwa meqjus bħala ammont li ma jistax jinġabar għax jikkonsisti prinċipalment fi stimi ta’ taxxa li ġew iġġenerati wara nuqqas li tintbagħat il-formola tal-VAT.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid x’inhuma l-iskali tas-segretarji permanenti fi ħdan kull Ministeru u x’allowances/perkaċċi għandhom? Jista’ jgħid ukoll xi tkun il-pensjoni tagħhom u jekk humiex intitolati għall-pensjoni hekk imsejħa tat-Teżor?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninsab infurmat li s-Segretarji Permanenti huma appuntati bil-Kostituzzjpni u l-iskali tas-salarju tagħhom huma kif elenkat fl’Estimi Finanzjarji Pubblikati kull Sena. Il-pakkett finanzarju jinkludi allowances marbuta ma performance, ma’ proġetti, taħriġ, class u expense, komminikazzjoni u responsabbilta, kif jimmeritaw l-għola pozizzjonijiet fis-Servizz Pubbliku.
Il-pożizzjoni tibbenfika minn pensjoni tas-servizz skond Ordinanza dwar il-Pensjonijiet (Cap 93).
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il ‘Immigration Letter’ jew kif diversi jsejħulha ‘Green Paper’ ħarġet il-Pulizija? Jista’ jgħid ukoll għal liema nazzjonalità nħarġu?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li l-Pulizija mit-Taqsima tal-Immigrazzjoni ma joħorġux ‘Immigration Letters’ jew kif indikat ukoll fil-mistoqsija ‘Green Papers’.