Legislature:
Category:
Reset
Active:

San Ġwann — Pjazza Awrikarja - Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 21900 u jgħid x’inhu t-timeline biex isiru xogħlijiet li kienu mħabbra li ser isiru fil-Pjazza Awrikarja ġewwa San Ġwann?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet fi Pjazza Awrikarja f’San Ġwann mistennija jibdew fil ġranet li ġejjin u jieħdu madwar tliet xhur.

Kaċċa fuq il-baħar — Persuni mingħajr liċenzji

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 21901 dwar kaċċa fuq il-baħar, jista’ l-Ministru jgħid matul l-2023, kemm kien hemm persuni li nqabdu jikkaċċjaw fuq il-baħar meta ma kellhomx liċenzja?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li matul is-sena 2023 ma’ kien hemm l-ebda każ ta’ persuni li nqabdu jikkaċċjaw fuq il-baħar mingħajr liċenzja.

San Ġwann — Għassa tal-Pulizija

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 21882, jista’ l-Ministru jgħid jekk ix-xogħlijiet fuq l-Għassa tal-Pulizija f’San Ġwann huwiex lest? Jekk iva, jista’ jgħid meta din l-għassa ser tinfetaħ u jekk ser tinfetaħ, hux ser ikun hemm pulizija preżenti jew sempliċiment uffiċċju?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Hija ħasra li l-Onor. Interpellant jirreferi għal xogħol tal-Pulizija b'termini bħal 'sempliċiment uffiċċju'. Dan speċjalment meta l-Korp tal-Pulizija u ħafna ħaddiema fl-aħħar snin ħadmu biex tonqos ir-rata ta' kriminalità f'pajjiżna, anke grazzi għad-deċiżjonijiet li ttieħdu. Infurmat li x-xogħol f'San Ġwann huwa lest, u ser ikunu installati l-apparat teknoloġiku u computers fil-jiem li ġejjin.

Il-Gżira — Għassa tal-Pulizija

Question

Jista’ l-Ministru jagħti update tal-istat li tinsab fih l-Għassa tal-Pulizija ġewwa l-Gżira fid-dawl li l-faċċata tagħha tqiegħdet barrier tal-ħadid bħala protezzjoni?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li bħalissa fl-Għassa tal-Pulizija fil-Gżira għaddejjin xogħlijiet ta’ manutenzjoni u tiswija estensiva biex minnha jkun provdut servizz lill-pubbliku. Għal finijiet ta’ sigurtà, fil-lok tpoġġew barrieri tal-ħadid, biex temporanjament l-użu taż-żona quddiem l-għassa jiġi ristrett bħala protezzjoni u ħarsien tal-persuni.

Ta’ Xbiex — Gardens Yacht Marina

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 22504 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-RfP li kien inħareġ minn Transport Malta biex tiġi privatizzata dik li llum tissejjaħ Gardens Yacht Marina f’Ta’ Xbiex? Jista’ jqiegħed ukoll kopja tal-ftehim mal-operaturi privati li ngħataw din il-konċessjoni?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta għal din il-mistoqsija parlamentari ser tingħata f’seduta oħra.

Ta’ Xbiex — Capitanerie ta’ Gardens Yacht Marina - PA00680/22

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 22505 u jgħid min applika għall-permess PA00680/22 fuq il-bini tal-Capitanerie ta’ Gardens Yacht Marina f’Ta’ Xbiex? Min ħallas għall-permess u għas-servizzi konnessi mal-ħruġ tiegħu, inkluż dawk tal-arkitett u tal-istudju neċessarji? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-invoices kollha konnessi u l-kopji tal-pagamenti kollha li saru?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-applikazzjoni għall-permess PA00680/22 ġiet sottomessa mill-Awtorità għat-Trasport f’Malta, iżda l-ispejjeż kollha kkonċernati ma’ din l-applikazzjoni, inkluż dawk tal-arkitett u l-istudji kollha neċessarji kif ukoll il-bini tal-istess capitanaire, ġew u se jiġu mħallsa mill-operatur.

Baħar ic-Ċagħaq — Triq il-Kosta - Ċitazzjonijiet għal sewqan eċċessiv

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inħarġu ċitazzjonijiet mill-pulizija għal sewqan eċċessiv fi Triq il-Kosta, f’Baħar ic-Ċagħaq?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li mis-sistema elettronika, jirriżulta li n-numru ta’ taħrikiet li nħarġu għal sewqan eċċessiv din is-sena, kien kif indikat fit-tabella hawn taħt li turi ż-żoni fejn dawn inħarġu. Tul il-KostaTul il-Kosta (NB1: Bahar ic-Caghaq - Pembroke lejn San Pawl) Tul il-Kosta (NB2: Ghallies - Pembroke lejn San Pawl) Tul il-Kosta (SB2: Maghtab - San Pawl lejn Pembroke) Tul il-Kosta (SB1: Salini - San Pawl lejn Pembroke) 2583,3912083,004799

Il-Gżira — Triq Rue D'Argens - Pjan ta’ xogħol

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 21923, tista’ l-Ministru tgħid x’inhuma l-pjanijiet għall-Pumping Station li tinsab fi Triq Rue D'Argens, il-Gżira, faċċata tal-Empire Stadium imsemmija fl-istess tweġiba u meta ser jibdew dawn ix-xogħlijiet?

Response (DALLI, MIRIAM)

Kif diġà spjegat fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 21923, il-pumping station fil-Gżira topera u l-funzjoni tagħha hija waħda strateġika għaż-żona. Wara li jintemmu l-konsultazzjoni mal-awtoritajiet l-oħra konċernati, l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma tkun tista’ tibda tħejji l-pjanti neċessarji għar-riabilitazzjoni tas-sit tal-madwar.

Adozzjoni ta’ tfal — Talbiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 21925 u jgħid kemm hawn talbiet għal adozzjoni ta’ tfal sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll minn liema pajjiż wieħed jista’ jibda l-proċess tal-adozzjoni?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-Bord għall-Addozzjonijiet, matul din is-sena kellu 17 il-talba minn ġenituri addottivi prospettivi. Għat-tieni mistoqsija tiegħu, ninforma lill-Onor. Interpellant li, bħalissa l-Awtorita’ Ċentrali fi ħdan l-Awtorità ta’ Standards għal Kura Soċjali jikkonferma li fost il-pajjiżi li wieħed jista’ jaddotta minnhom nsibu; · Malta · India · Slovakia · Vietnam · Portugal · Bulgaria · Colombia

Istanbul Convention 2012

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 21920 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol, u li issa ġiet referuta lilu, u jgħid min huwa l-Ministru konċernat li jista’ jwieġeb din il-mistoqsija u ċjoè: B’referenza għall-Istanbul Convention ta’ 2012 li kien ratifikat fl-2014 u fejn Malta hija firmatarja tiegħu, fejn hemm imniżżel li f’każ ta’ vjolenza domestika huwa l-ġeneru maskili li għandu jinħareġ mid-dar tal-koppja u diversi drabi dan mhuwiex il-każ, jista’ l-Ministru jgħid għaliex dan ma jseħħx?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab infurmat li l-Artikolu 52 tal-Istanbul Convention ta’ 2012 ma jiddikjarax li f’każ ta’ vjolenza domestika huwa l-ġeneru maskili li għandu jinħareġ mid-dar tal-koppja. L-Artikolu 52 jispeċifika li huwa l-awtur ta’ vjolenza domestika li għandu joħroġ mir-residenza tal-vittma.

Istanbul Convention 2012

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 21921 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni, u li issa ġiet referuta lilu, u jgħid min huwa l-Ministru konċernat li jista’ jwieġeb din il-mistoqsija u ċjoè: B’referenza għall-Istanbul Convention ta’ 2012 li kien ratifikat fl-2014 u fejn Malta hija firmatarja tiegħu, fejn hemm imniżżel li f’każ ta’ vjolenza domestika huwa l-ġeneru maskili li għandu jinħareġ mid-dar tal-koppja u diversi drabi dan mhuwiex il-każ, jista’ l-Ministru jgħid għaliex dan ma jseħħx?

Response (ABELA, ROBERT)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23285.

Noise Directive 2002/49/EC u Noise Action Plan 2019 — 2024

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 21918, tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra, kopja tar-rapport li jagħti rendikont ta’ dak li sar s’issa fir-rigward tan-Noise Directive 2002/49/EC u tan-Noise Action Plan 2019 - 2024?

Response (DALLI, MIRIAM)

Il-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Ħoss għal Malta (2019–2024), konformi mad-Direttiva Ewropea dwar il-Ħoss Ambjentali, jindirizza l-ħoss ambjentali mill-ajruplani, it-traffiku u l-industrija biex jitnaqqsu l-impatti fuq is-saħħa u jiġu protetti żoni kwieti. L-entitajiet relevanti qed jaħdmu biex ikollna rotot tal-ajru aktar ottimizzati u sistemi ta’ monitoraġġ avvanzati. Għat-traffiku, ġew installati l-ewwel barriers tal-ħoss u qed isiru aktar studji dwar dan, kif ukoll studji fuq asfalt b’livell baxx ta’ storbju, u ngħataw inċentivi għall-użu ta’ vetturi elettriċi. Fis-settur tal-industrija ddaħħlu kundizzjonijiet relatati mal-kontroll tal-ħoss. Kompla l-monitoraġġ u ġew aġġornati l-mapep strateġiċi tal-ħoss li jidentifikaw żoni ta’ prijorità. Barra minn hekk, ġiet imnedija storymap dwar Soundscapes, b’fokus fuq l-Imdina bħala żona kwieta, liema storymap hija wkoll disponibbli pubblikament fil-websajt tal-ERA minn din il-ħolqa https://era.org.mt/topic/mdina-soundscapes/

POYC – Mediċini fid-djar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk persuni li jikkwalifkaw għal mediċini tal-POYC u li ma jkunux jistgħu jiġbru l-mediċini tagħhom, jistgħu jħallsu miżata sabiex dawn il-mediċini jittieħdulhom id-dar? Jista’ jgħid jekk dan is-servizz għadux offrut, fid-dawl li dan l-aħħar il-Ministeru tas-Saħħa bagħat ittra li tinforma lil dawn il-persuni, li dan mhux ser jibqa’ jsir?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16676.

Servizz 1717

Question

Jekk individwu jsib kelb fit-triq u jċempel 1717, imma meta jmorru l-uffiċjali tad-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali jinstab li l-kelb m’għandux microchip u mhuwiex midrub, jista’ l-Ministru jgħid; i. jekk id-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali jiġborx il-kelb; ii. jekk le, jekk l-istess uffiċjali jiċċekkjawx jekk hemmx santwarju li jista’ jilqa’ l-kelb; iii. jekk iva, il-kelb irid jinġabar mis-santwarju stess jew id-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali jorganizza biex jitwassal fis-santwarju, u iv. jekk hemmx xi parti minn din il-proċedura li għaliha l-uffiċjali jridu jitolbu permess mis-superjuri tagħhom?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali joffri servizz ta’ ambulanza u ma hijiex prassi tad-Direttorat li jinġabru annimali b’saħħithom sakemm dawn ma jkunux identifikati elettronikament u rreġistrati fuq sid jew inkella involuti f’operazzjoni ta’ salvataġġ.

Tas-Sliema – skema ta’ residential parking

Question

Fid-dawl li l-Kunsill ta’ Tas-Sliema kien għamel applikazzjoni biex jiddaħħal residential parking għar-residenti li joqogħdu f’Tas-Sliema u din l-applikazzjoni ġiet imwaqqfa fl-2013 mill-Ministru għat-Trasport ta’ dak iż-żmien, u peress li sar kważi impossibbli li dawn jipparkjaw il-vetturi tagħhom, jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li din l-iskema tkun imdaħħla meta f’lokalitajiet oħra, bħal Belt Valletta hemm din l-iskema?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru tiegħi jikkunsidra kull proposta ta' residential parking scheme mitluba mill-kunsill lokali rispettiv ġaladarba l-kunsill lokali jipprovdi alternattivi sabiex l-aċċessibilità, inkluż l-parkeġġ jibqa provdut.

Art li hi proprjetà tal-Gvern Libjan — Ftehim

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim li bih il-Gvern Malti kien għadda l-art/skola (ex Teacher Training Centre) ġewwa Ta’ Ġiorni, f’San Ġiljan lill-Gvern Libjan?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Akkomodazzjoni soċjali — Lista ta’ stennija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hija l-lista ta’ stennija għal akkomodazzjoni soċjali sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll l-età medja tal-applikanti u jagħti lista ta’ minn fejn huma dawn l-applikanti?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Skema Kiri/Nikru biex nassistu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu dawk li bbenefikaw mill-iskema ‘Kiri’ li wara nbidlet bl-isem ta’ ‘Nikru biex nassistu’ minn meta daħlet din l-iskema sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s’issa qed jibbenefikaw minn ‘Skema Kiri’ kif ukoll mill-iskema ‘Nikru biex Nassistu’ 1,189 applikant.

Installazzjonijiet ta’ liftijiet ġodda

Question

Fid-dawl li fil-Baġit ta’ din is-sena hemm li ser isiru installazzjonijiet ta’ liftijiet ġodda għal spiża totali ta’ €2 miljuni, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-lista ta’ liema binjiet ser ikunu dawn?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tkun qiegħda tingħata f’seduta oħra.

Installazzjonijiet ta’ liftijiet ġodda

Question

Fid-dawl li fil-Baġit ta’ din is-sena hemm li ser isiru installazzjonijiet ta’ liftijiet ġodda għal spiża ta’ €2 miljuni, jista’ l-Ministru jgħid jekk għal dawn ix-xogħlijiet hux ser ikun hemm sejħa għal tender jew inkella direct order?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tkun qiegħda tingħata f’seduta oħra.