Legislature:
Category:
Reset
Active:

Tas-Sliema — Kunsill Lokali - Talba għal residential parking

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23298, jista’ l-Ministru jgħid mill-2010 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari Transport Malta (TM) kellhiex talba mill-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema fuq residential parking?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-talba tal-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema għall-Parkeġġ Residenzjali Ikkontrollat (Controlled Parking Scheme) kienet approvata permezz tal-Avviż Legali 200 ta’l-2009. Permezz tal-Avviż Legali 157 ta’ l-2013 il-lista ta’ toroq riservati għal dan il-għan tnaqqset għal tnejn (The Strand u The Strand c/w Manwel Dimech Street). Minn dakinhar sal-lum ma ġewx aċċettati aktar parkeġġi riservati taħt l-iskema ta’ parkeġġ ikkontrollat.

Ta’ Xbiex — Gardens Yacht Marina

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 22504 u 23292 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-RfP li kien inħareġ minn Transport Malta biex tiġi privatizzata dik li llum tissejjaħ Gardens Yacht Marina f’Ta’ Xbiex? Jista’ jqiegħed ukoll kopja tal-ftehim mal-operaturi privati li ngħataw din il-konċessjoni?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dokumenti mitluba qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

Kaċċa fuq il-baħar — Patrols

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23289, jista’ l-Ministru jgħid kemm saru patrols fuq il-baħar biex jiġi żgurat li ma jkunx hemm kaċċa illegali fuq il-baħar?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li l-pulizija fi ħdan l-EPU jagħmlu rondi fuq il-baħar biex jiżguraw li ma jkunx hemm ksur ta’ kwalunkwe liġi, u għaldaqstant jinkludi l-kaċċa illegali fuq il-baħar. Għaldaqstant, ma tinżammx informazzjoni marbuta ma’ kaċċa biss.

Ħal Qormi – Żona ta’ Farsina – Xiri ta’ HOS plots

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il plot tal-Home Ownership Scheme (HOS) inxtraw mill-Gvern fl-aħħar tliet snin f’Ta’ Farsina, Ħal Qormi? Jista’ jgħid ukoll kemm kien l-ammont imħallas u d-dati ta’ meta saru l-kuntratti ta’ akkwist ta’ kull plot HOS f’Ta’ Farsina f’dawn l-aħħar tliet snin?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tkun qiegħda tingħata f’seduta oħra.

Ħal Qormi – Żona ta’ Farsina – Xiri ta’ HOS plots

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il plot tal-Home Ownership Scheme (HOS) inxtraw mill-Gvern fl-aħħar tliet snin f’Ta’ Farsina, Ħal Qormi? Jista’ jgħid ukoll kemm kien l-ammont imħallas u d-dati ta’ meta saru l-kuntratti ta’ akkwist ta’ kull plot HOS f’Ta’ Farsina f’dawn l-aħħar tliet snin?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Risposta tingħata f'seduta oħra.

Ħal Qormi – Żona ta’ Farsina – Nutara

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex fil-kuntratti tal-akkwist tal-HOS plots daparti tal-Gvern (bħal f’Ta’ Farsina) fl-aħħar xhur intużaw is-servizzi notarili tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament taħt il-vesti ta’ “Nutar tal-Gvern”? Jista’ jgħid ukoll kif intgħażel dan l-individwu u kif intgħażlu n-nutara li mhumiex impjegati tal-Gvern biex jagħmlu xogħol bħal dan u x’inhi r-rata tal- ħlas?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba se tkun qiegħda tingħata f’seduta oħra.

Impjieg ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma l-impjieg tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, b’salarju ta’ €50,000 fis-sena? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid f’liema dipartiment/entità/uffiċċju ġiet impejgata? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-job description tagħha? Jista’ jgħid ukoll jekk kienx hemm sejħa pubblika għal dan il-post u x’inhuma l-kwalifiki ta' din il-persuna?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-persuna li qed jirreferi għaliha separatament hija impjegata fuq bażi full-time bħala Policy Consultant fi ħdan is-segretarjat tal-Ministeru, skont il-manwal li diġa ġie intavolat fuq il-mejda tal-Kamra. Ninfurmah ukoll illi hija impjegata fi skala 4 u s-salarju tagħha huwa konsiderevolment inqas mill-ammont deskritt fil-mistoqsija parlamentari. Ninfurmah ukoll illi xogħlha jikkonsisti f’dak li ser ikun l-implimentazzjoni tal-miżuri ‘Reshaping Our Mobility’, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda l-impatt ta’ dawn il-miżuri fuq il-Kunsilli Lokali, kif ukoll miżuri oħra mill-istess strateġija. Ninfurmah ukoll li l-persuna li qed jagħmel referenza għaliha, hija gradwata b’baċċelerat u masters degree mill-Università ta’ Malta.

PA /07295/24 u PA 07490/24 — Ftehim

Question

In vista tal-applikazzjonijiet ta’ żvilupp, PA/07295/24 u PA/07490/24, ta’ Istitut - f'Ta’ Ġiorni, li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, jista’ l-Ministru jipprovdi kopja tal-kuntratt ta’ trasferiment mill-Gvern Malti lill-Gvern Libjan fl-1976 u kwalunkwe emenda li saret lill-istess kuntratt tul iż-żmien? Jista’ wkoll jipprovdi kopja ta’ kwalunkwe ftehim dwar is-sit, inklużi dawk tal-2013 fejn il-Gvern Libjan intrabat li jinvesti 22.4 miljun Ewro fi żvilupp tas-sit għal studenti internazzjonali?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Risposta tingħata f’seduta oħra.

Identity Malta — Vouchers ta’ €500

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il voucher ta' €500 kull wieħed ingħataw lill-impjegati ta' Identita' (dik li kienet Identity Malta) meta l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament kien is-CEO tagħha? Jista’ jgħid ukoll xi proċedura intużat mill-istess individwu biex kull impjegat ta' Identity Malta jsarraf il-voucher ta' €500 għand il-kumpanija li d-dettalji dwarha wkoll qed jingħataw separatament? Jista’ wkoll jagħti s-somma globali li ġiet minfuqa bl-għoti ta' dawn il-vouchers lill-impjegati kollha ta' Identity Malta meta dan l-istess individwu kien CEO hemm?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li l-għotja ta’ €500 voucher (uniform allowance) tingħata lil ħaddiema li ma jaqgħux taħt il-Ftehim Kollettiv li għandha l-Aġenzija, u li tali għotja hija skont il-proċedura mniżżla f’policy interna u li kienet daħlet fis-seħħ fis-snin bikrin tal-istess aġenzija. Dan l-ammont kien jingħata kull tliet snin sabiex ikopri gradi li ma kellhomx uniformi tal-Aġenzija. Infurmat li l-individwu indikat eżenta lilu nnifsu minnha.

Identità — Chief Officers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il Chief Officer hemm f'Identità (dik li kienet Identity Malta) illum, kemm kien hemm erba’ snin ilu u x'inhu l-pakkett finanzjarju li effettivament jitħallas lilhom?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li fl-2020 kien hemm tmien Chief Officers u bħalissa hemm disa’ Chief Officers fl-Aġenzija Identità.

Identità — Kiri ta’ kamra

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ħallset flus Identità (dik li kienet Identity Malta) f'kiri ta' kamra fil-lukanda li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament għal-laqgħat tagħha, minflok użat il-kmamar li għandha fis-sede tagħha bħala Identità, bejn l-2019 u l-2024? Jista’ wkoll jagħti d-dati ta' kull darba li l-uffiċjali ta' Identità użaw il-kamra f’din l-istess lukanda għal tali skop?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat lili saru tliet laqgħat organizzati mill-istess Aġenzija. Infurmat li dawn is-sessjonijiet saru bil-ħsieb li joħolqu ambjent miftuħ u kollaborattiv fejn impjegati mid-dipartimenti kollha tal-aġenzija kkontribwixxew b’mod attiv billi qasmu opinjonijiet, ideat u l-ħsibijiet tagħhom dwar l-operat ta’ din l-aġenzija. L-Aġenzija Identità temmen li dan l-approċċ huwa wieħed sahan u inklussiv, fejn perspettivi differenti jkunu kkunsidrati waqt it-teħid ta’ deċiżjonijiet. Dawn il-postijiet intgħażlu minħabba d-daqs ta’ parteċipanti u wara li l-Aġenzija tkun ġabret il-kwotazzjonijiet finanzjari neċessarji u tkun intgħażlet l-aktar waħda favorevoli. Infurmat illi kien hemm tlett istanzi fis-sena 2023, fejn l-ispejjez kienu ta’ €1,525.21, €790.55 u €1,487.33.

Identità — Festini u parties - Nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm swew flus il-festini u parties li Identità (dik li qabel kienet Identity Malta) organizzat, inkluż il-kiri għal DJs, bejn l-2019 u l-2024? Jista’ wkoll jagħti d-data ta' kull festin u fejn ġew organizzati u fuq liema bażi ntgħażlu tali postijiet?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li l-Aġenzija tlaqqa’ lill-ħaddiema tagħha sabiex fil-preżenza tagħhom jitnieda r-Rapport Annwali tal-Aġenzija, u dan ikun imħabbar fi Stqarrija għall-Istampa, biex il-ħaddiema jingħataw rendikont tas-sena, filwaqt li tkun spjegata l-viżjoni u l-miri tal-aġenzija u tkun rikonoxxuta l-ħidma u l-kontribut tagħhom. Infurmat għalhekk, li f’Diċembru tas-sena 2022 saret laqgħa informattiva għall-ħaddiema, biex jingħataw rendikont tas-sena, filwaqt li tkun spjegata l-viżjoni u l-miri tal-aġenzija u tkun rikonoxxuta l-ħidma u l-kontribut tagħhom. Infurmat li għal din il-laqgħa, l-ispiża marbuta mal-catering u entertainment kienet ta’ €33 kull persuna. F’Ġunju 2023, ġie ppubblikat b’mod ufficjali r-rapport annwali tal-2022 u infurmat li l-ispiża marbuta mal-catering u entertainment kienet ta’ €74.81 kull persuna. F’Diċembru 2023, saret laqgħa informattiva għall-ħaddiema biex il-ħaddiema jingħataw rendikont tas-sena, filwaqt li tkun spjegata l-viżjoni u l-miri tal-aġenzija u tkun rikonoxxuta l-ħidma u l-kontribut tagħhom, u infurmat li l-ispiża marbuta ma’ catering u entertainment kienet ta’ €76.80 kull persuna. F’Ġunju 2024, ġie ppubblikat b’mod uffiċjali r-rapport annwali tal-2023 u infurmat li l-ispiża marbuta ma’ catering u entertainment kienet ta’ €59.40 kull persuna.

Transport Malta — PA00680/22

Question

Jista' l-Minsitru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 22506 u ċjoè: B’referenza għall-permess PA00680/22 maħruġ f’isem Transport Malta (TM), jista’ l-Ministru jgħid min qed jesegwixxi x-xogħol konness u min se jħallas għalih? Jista’ jgħid ukoll kemm hu stmat li se jiswa dan ix-xogħol u għaliex TM qed tidher għal dawn ix-xogħlijiet li jinkludi restaurant li se jintuża minn individwi privati?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-ispejjeż kollha relatati mal-applikazzjoni għall-Permess PA00680/22 huma mħallsa mill-Operatur u għaldaqstant jinkludu l-ispejjeż tal-arkitett u x-xogħlijiet kollha meħtieġa.

PA00680/22 — Permessi taħt appell

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 22507 u jgħid għaliex Transport Malta tat il-kunsens tagħha sabiex jibdew ix-xogħlijiet ta’ żvilupp fuq il-permess PA00680/22 f’isimha waqt li għadu taħt appell?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Awtorità għat-Trasport ta’ Malta qed timxi mal-liġijiet viġġenti. Intant, nhar il-Ħamis 31 ta’ Ottubru, l-Environment and Planning Review Tribunal (EPRT) ċaħad l-appell u kkonferma l-permess maħruġ PA00680/22.

MICAS — Mużew tal-Arti Kontemporanja - Ftuħ ta’ esebizzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 22509 u jgħid kemm ħallset il-Malta International Contemporary Arts Space (MICAS) lill-artist barrani għal ftuħ ta’ esebizzjoni tal-Mużew tal-Arti Kontemporanja?

Response (BONNICI, OWEN)

It-tagħrif qed jinġabar u risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Imsida Marina — Tiswija tal-funtana

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 21887 u jgħid meta ser titranġa l-funtana li tinsab fil-parking tal-marina ġewwa l-Imsida?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li is-sejħa għal-offerti għal installazzjoni ta’ sistema ġdida li tinkludi pompa ġdida, bozoz ġodda u automatic dosing tal-klorin u aċidu ser toħroġ f’ Jannar 2025. Ix-xogħol mistenni li jibda fit-tieni kwart tas-sena 2025 u jispiċċa fit-tielet kwart ta’ l-istess sena.

Tas-Sliema — Kunsill Lokali - Talba għal residential parking

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22618, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru tiegħu qattx kellu talba mill-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema fuq residential parking?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li riċentament ma saret l-ebda talba bil-miktub għal Residential Parking mill-kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema.

Art li hi proprjetà tal-Gvern Libjan — Ftehim

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 22619 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim li bih il-Gvern Malti kien għadda l-art/skola (ex Teacher Training Centre) ġewwa Ta’ Ġiorni, f’San Ġiljan lill-Gvern Libjan?

Response (ABELA, ROBERT)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.