Legislature:
Category:
Reset
Active:

50 sena mill-Indipendenza u 50 sena mir-Repubblika – Ċelebrazzjonijiet — Infiq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa tal-Gvern fl-2014 meta Malta ċċelebrat il-50 sena mill-Indipendenza u kemm nefaq il-Gvern fl-2024 biex jiġi ċċelebrat il-50 sena mir-Repubblika tagħna?

Response (BONNICI, OWEN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Ta’ Xbiex — Gardens Yacht Marina

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23873 fejn ġie mitlub biex iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-RfP li kien inħareġ minn Transport Malta biex tiġi privatizzata dik li illum tissejjaħ Gardens Yacht Marina f’Ta’ Xbiex, u jqiegħed ukoll kopja tal-ftehim mal-operaturi privati li ngħataw din il-konċessjoni, jista’ l-Ministru jqiegħed ukoll il-partijiet li ma tax fir-risposta tiegħu u ċjoè, annexes marbuta ma’ dan il-ftehim?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dokumenti mitluba huma voluminużi ħafna – kważi 900 paġna. L-Onor. Intepellant se jingħata l-opportunitá li jara hu personalment id-dokumenti mitluba fl-uffiċini ta’ Transport Malta.

AIMS — CEO

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt tas-CEO l-ġdid tal-Awtorità dwar l-Integrità fl-Isport Malta (AIMS)? Jista’ jippreżenta wkoll is-CV u l-kwalifiki li għandu s-CEO l-ġdid kif ukoll il-kondotta biex jokkupa din il-kariga?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kuntratt ta’ CEO qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Mediċini maħruġa mill-POYC — Servizz biex jitqassmu fid-djar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx servizz li l-mediċini maħruġa mill-POYC jitwasslu fid-djar ta’ dawk li ma jistgħux imorru jiġbru l-mediċini tagħhom?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità toffri s-servizz tas-Silver-T li fost l-oħrajn tgħin anzjani biex imorru fl-ispiżerija tal-għażla tagħhom biex ikunu jistgħu jieħdu l-mediċini ntitolati għalihom jew jekk ikun hemm bżonn jixtru xi mediċini oħra.

Assistenza soċjali — Persuni li jbatu mill-fibromyalgia

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk dawk il-persuni li jkunu ċċertifikati li jbatu mill-fibromyalgia humiex meqjusa bħala persuni b’diżabilità u għaldaqstant huma intitolati għal assistenza soċjali?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kienu r-raġunijiet li l-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament u li hija ċċertifikata li tbati mill-fibromyalgia, ġiet miċħuda t-talba tagħha għall-assistenza għal diżabilità severa?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sar kuntatt mas-sinjura u ġiet infurmata dwar id-dettalji li jikkonċernaw il-każ tagħha.

Identità — Chief Officers – Pakkett Finanzjarju

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23402 fejn intqal li “fl-2020 kien hemm tmien Chief Officers u bħalissa hemm disa’ Chief Officers fl-Aġenzija Identità.”, jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija fl-intier tagħha u jgħid x'inhu l-pakkett finanzjarju li effettivament jitħallas lilhom?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li l-pakkett finanzjarju huwa kumparabbli ma’ skala 3 tas-Servizz Pubbliku.

Identità — Kiri ta’ kamra

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 23403 fl-intier tagħha u jagħti d-dati ta’ meta seħħew dawn il-laqgħat? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tat-tliet kwotazzjonijiet finanzjarji li ssemmew fl-istess tweġiba?

Response (CAMILLERI, BYRON)

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23403 infurmat li d-dati li fihom saru dawn l-laqgħat kienu t-22 ta’ Frar 2023, t-18 ta’ Mejju 2023, u t-28 ta’ Novembru 2023.

Identità — Festini u parties - Nefqa

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23404 dwar nefqa fuq festini u parties fejn ingħataw l-ammonti ta’ kemm swiet kull persuna, jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija fl-intier tagħha u jgħid kemm swew flus dawn il-festi b’mod totali; fejn ġew organizzati u fuq liema bażi ntgħażlu tali postijiet; u kemm-il persuna kienet preżenti għal kull attività msemmija fl-istess tweġiba?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nirreferi lill-Onov. Interpellant għall-mistoqsija parlamentari 23404. Infurmat li f’Diċembru 2022 kienet għal 165 ħaddiem, id-DB San Antonio, f’Ġunju 2023 kienet għal 350 ħaddiem, il-Mediterranean Conference Centre, f’Diċembru 2023 kienet għal 450 ħaddiem, il-Mediterranean Conference Centre, f’Ġunju 2024 kienet għal 400 ħaddiem, il-Mediterranean Conference Centre.

PA /07295/24 u PA 07490/24 — Ftehim

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 23326 u ċjoè: In vista tal-applikazzjonijiet ta’ żvilupp, PA/07295/24 u PA/07490/24, ta’ Istitut - f'Ta’ Ġiorni, li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, jista’ l-Ministru jipprovdi kopja tal-kuntratt ta’ trasferiment mill-Gvern Malti lill-Gvern Libjan fl-1976 u kwalunkwe emenda li saret lill-istess kuntratt tul iż-żmien? Jista’ wkoll jipprovdi kopja ta’ kwalunkwe ftehim dwar is-sit, inklużi dawk tal-2013 fejn il-Gvern Libjan intrabat li jinvesti 22.4 miljun Ewro fi żvilupp tas-sit għal studenti internazzjonali?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Risposta tingħata f'seduta oħra.

San Ġwann — Għassa tal-Pulizija

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23290 jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Għassa tal-Pulizija ta’ San Ġwann hix ser tinfetaħ bħala għassa fejn ikun hemm pulizija preżenti, jew hix ser tinbidel f’uffiċċju amministrattiv għall-Community Police?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nirreferi lill-Onor. Membru għar-risposta ta' tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 23290. Hija ħasra li l-Onor. Interpellant jirreferi għal xogħol tal-Pulizija b'termini bħal 'sempliċiment uffiċċju'. Dan speċjalment meta l-Korp tal-Pulizija u ħafna ħaddiema fl-aħħar snin ħadmu biex tonqos ir-rata ta' kriminalità f'pajjiżna, anke grazzi għad-deċiżjonijiet li ttieħdu. Infurmat li minn din il-binja qed joffru s-servizz tagħhom il-Pulizija tal-Komunità. Anke jekk l-Onor. Membru jirreferi għal xogħol tal-Pulizija b'termini bħal 'sempliċiment uffiċċju', nistiednu jagħraf ix-xogħol importanti li huma jwettqu fis-soċjetà tagħna.

Kemmuna – Preżenza tal-Pulizija

Question

Jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni dwar il-preżenza tal-Pulizija fuq il-gżira ta’ Kemmuna matul ix-xhur u l-ġimgħat kollha tal-2023 u l-2024?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li fis-snin 2023 u 2024, il-Pulizija fuq il-gżira ta’ Kemmuna kienu preżenti fix-xhur bejn April u Ottubru. Bejn it-Tnejn u l-Ħamis ta’ kull ġimgħa, ikunu pre¿enti bejn is-sitta ta’ filgħodu u nofs il-lejl. Mill-Ġimgħa sal-Ħadd, ikunu preżenti bejn is-sitta ta’ filgħodu u s-siegħa ta’ filgħodu tal-jum ta’ wara. F’ħafna mill-ħinijiet tal-ġurnata, ikunu preżenti żewġ uffiċjali.

Environment Protection Unit — Spezzjonijiet fuq il-baħar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet fuq il-baħar mill-iskwadra tal-Environment Protection Unit (EPU) relatati ma’ kaċċa fuq il-baħar fis-sena 2023 u fis-sena 2024? Jista’ jispeċifika kemm minn dawn saru f’raġġ ta’ 3 kilometri mal-kosta (fejn il-kaċċa mhix permessa) u kemm minnhom saru ’l barra minn 3 kilometri (fejn il-kaċċa hi permessa) skont il-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 549.42?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 23874.

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar — Bird ringer

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru tiegħu ingaġġax bird ringer Irlandiż sabiex joffri servizzi ta’ riċerka waqt id-deroga preżenti fuq l-għasafar tal-għana? Jekk dan hu minnu, jista’ jgħid kif intgħażel u tqabbad dan l-individwu? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt magħmul ma’ dan l-individwu, inkluż dettalji dwar ħlas u arranġamenti oħra maqbula?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Informa lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.

NI kontributorja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għal kemm krediti tal-NI kontributorja hija intitolata persuna li welldet tarbija jew li għamlet adozzjoni/fostering? Jekk persuna jkollha t-tieni jew it-tielet wild, din xorta hija intitolata għal krediti tal-NI u jekk iva, kemm? Irid ikun hemm perjodu ta’ żmien qabel ikollha t-tieni/tielet tarbija biex tkun tista’ tikkwalifika? X’inhuma dawn il-kundizzjonijiet? Jista’ jgħid ukoll jekk hemmx krediti tal-NI kontributorja jekk tarbija titwieled b’diżabilità?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li persuna li twieldet qabel is-sena 1962, tingħata sa sentejn krediti ta’ kontribuzzjonijiet għal kull wieħed mill-ewwel tlett itfal anke jekk il-ġenitur ma jerġax lura fid-dinja tax-xogħol sa massimu ta’ 6 snin. Tista’ tingħata sena oħra ta’ krediti għal kull wild wara t-tielet wild sakemm il-ġenitur j/terġa’ lura għax-xogħol u j/taħdem għall-istess perjodu ta’ żmien li jkunu intitolati bħala snin mir-raba’ wild ’il quddiem. Jekk il-persuna tkun twieldet fl-1 ta’ Jannar 1962 jew wara, is-snin ta’ krediti huma d-doppju ta’ dawk li twieldu qabel is-sena 1962. F’każijiet ta’ familji li għandhom xi tfal b’diżabilità, is-snin ta’ krediti jirduppjaw għal dak il-wild, kemm għal dawk il-persuni li twieldu qabel is-sena 1962 kif ukoll fl-1 ta’ Jannar 1962 jew wara. Ma hemm l-ebda kundizzjoni kif jingħataw il-krediti meta jitwieldu t-tfal kif spjegat hawn fuq għalkemm l-għoti tal-krediti jista’ jkun massimizzat jekk l-ulied jitwieldu b’differenza ta’ sentejn jew erba’ snin skont id-data tat-twelid tal-ġenitur.

Identity Malta — Vouchers ta’ €500

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 23401 fl-intier tagħha u jgħid kemm-il voucher ta’ €500 ingħataw lill-impjegati ta’ Identità (dik li kienet Identity Malta)?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li kien hemm 36 ħaddiem li kwalifikaw għal din l-allowance bir-rata medja tkun ta‘ €454.22.

Vjolenza Domestika – Infurzar tal-Istanbul Convention 2012

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23285 fejn intqal li “L-Artikolu 52 jispeċifika li huwa l-awtur ta’ vjolenza domestika li għandu joħroġ mir-residenza tal-vittma”, jista’ l-Prim Ministru jgħid f’liema każijiet ikunu l-vittmi (ħafna drabi nisa bit-tfal) li jispiċċaw barra mid-djar tagħhom? Jista’ jgħid ukoll kif jiġi assigurat li dan l-artiklu tal-liġi jkun verament infurzat?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab infurmat li l-Kodiċi Kriminali (Kap. 9) tal-Liġijiet ta’ Malta ma jinkludix referenza għal Emergency Barring Orders. Minkejja dan, f’ċirkostanzi fejn il-Korp tal-Pulizija jħoss illi għandha tittieħed azzjoni immedjata minħabba r-riskju li fih tinsab il-vittma, jintalab mandat ta’ arrest fuq l-aggressur. Hija fil-ġurisdizzjoni tal-Qorti li mbagħad titlob lill-aggressur isib residenza alternattiva f’każ illi l-aggressur joħroġ fuq pleġġ.

MICAS — Mużew tal-Arti Kontemporanja - Ftuħ ta’ esebizzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 22509 u 23296 u jgħid kemm ħallset il-Malta International Contemporary Arts Space (MICAS) lill-artist barrani għal ftuħ ta’ esebizzjoni tal-Mużew tal-Arti Kontemporanja?

Response (BONNICI, OWEN)

It-tagħrif għadu qed jinġabar.

Art li hi proprjetà tal-Gvern Libjan — Ftehim

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 22619 u 23299 li oriġinarjament saru lill-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi u lill-Prim Ministru rispettivament u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim li bih il-Gvern Malti kien għadda l-art/skola (ex Teacher Training Centre) ġewwa Ta’ Ġiorni, f’San Ġiljan lill-Gvern Libjan?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Risposta tingħata f’seduta oħra.