Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol — Konsulenzi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament għandux xi konsulenza/i mal-Ministeru tiegħu jew ma’ entitajiet li jaqgħu taħtu? Jekk iva, jista’ jgħid liema huma u x’inhuma l-kundizzjonijiet u l-ħlas tagħhom?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta hija fin-negattiv.

Persons of Trust

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm hemm Persons of Trust f’kull ministeru u jipprovdi lista sħiħa tagħhom, maqsuma ministeru b’ministeru? Jista’ jgħid ukoll xi kwalifiki għandhom kull wieħed u waħda minnhom?

Response (ABELA, ROBERT)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 24852.

Servizz tas-Silver T

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 24552, jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ kemm kien hemm talbiet għas-servizz tas-Silver T, matul is-sena 2024, maqsuma lokalità b’lokalità?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lil Onor. Interpellant li l-informazzjoni miġbura qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Sewqan taħt l-effett tal-marijuana

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 24561, jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija fl-intier tagħha u jgħid kemm persuni nqabdu jsuqu taħt l-effett tal-marijuana mill-1 ta’ Diċembru 2024 sa Jannar 2025?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li mill-1 ta’ Diċembru 2024 sas-6 ta' Jannar 2025 kien hemm dsatax (19)-il persuna li nqabdu jsuqu taħt l-effett tax-xorb alkoħoliku u nfurmat li ma kienx hemm persuni li nqabdu jsuqu taħt l-effett tal-marjuana.

Nawfraġju traġiku — Persuni evakwati

Question

B'referenza għan-nawfraġju traġiku li sar ftit 'il barra minn xtutna fl-aħħar ġranet ta’ Jannar 2025 fejn għadd ta' tfal u nies mietu, jista' l-Ministru jgħid: i. kemm-il persuna ġiet evakwata (airlifted) lejn Malta; ii. x’kienu l-etajiet ta' dawn il-persuni; iii. jekk hemmx familji fosthom; iv. minn fejn qed jgħidu li ġejjin (claimed nationalities); u v. x’sar minnhom? Jista' jgħid ukoll jekk waqt dan il-proċess infirdux xi familji u x’sar minnhom?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi fis-26 ta’ Jannar il-Forzi Armati ta’ Malta evakwaw żewġ persuni bl-ajru minn fuq vapur li kien jinsab mili 'l barra minn Lampedusa wara li talab l-għajnuna għal dawn il-persuni minħabba l-kundizzjoni medika. Dawk evakwati kienu allegatament ċittadini Niġerjani , mara ta’ erbgħa u tletin sena u raġel ta’ 28 sena. Infurmat li wara li ingħataw il-kura medika li kien hemm bżonn, Il-persuna femminili qiegħda fil-kustodja tal-Aġenzija għal Ħarsien ta’ Persuni li jkunu qed ifittxu l-Ażil, filwaqt li l-persuna l-oħra ġie riferut lill-Aġenzija għas-Servizzi ta’ Detenzjoni.

Nawfraġju tas-27 ta’ Jannar 2025 — Malta RCC - Call logs ta’ telefonati

Question

Jista' l-Ministru jipprovdi kopja tal-call logs ta' telefonati li saru ma' Malta RCC relatati man-nawfraġju li seħħ fis-27 ta' Jannar 2025 fl-ibħra barra mix-xtut ta’ Malta?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9996.

AIMS — CEO il-ġdid - Kuntratt

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt tas-CEO il-ġdid tal-Awtorità għall-Integrità fl-Isport Malti (AIMS)? Jista’ jqiegħed ukoll is-CV tiegħu, jinkludi l-kwalifiki li għandu, u l-kondotta biex jokkupa din il-kariga?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 24551.

Perjodu tal-Milied — Sewqan taħt l-effett tal-marijuana u tax-xorb

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li nqabdu jsuqu taħt l-effett tal-marijuana u/jew tax-xorb fil-perjodu tal-Milied, jiġifieri mill-1 ta’ Diċembru 2024 sas-6 ta’ Jannar 2025?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li mill-1 ta’ Diċembru 2024 sas-6 ta' Jannar 2025 kien hemm dsatax (19)-il persuna li nqabdu jsuqu taħt l-effett tax-xorb alkoħoliku.

Il-Belt Valletta — Lejl tal-ewwel tas-sena - Rapporti ta’ fastidju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi rapporti lill-pulizija ta’ persuni li ħassewhom fastidjati matul il-lejl tal-ewwel tas-sena fil-folla li kien hemm miġbura ġewwa l-Belt Valletta?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li ma sarux rapporti lill-Pulizija ta’ dan it-tip.

Requisition Orders

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 23868 u jgħid kemm kien hemm requisition orders matul l-1971 sal-1987 u f’liema lokalitajiet kienu?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn riċerka li għamlet l-Awtorità tad-Djar irriżulta li n-numru totali ta’ Rekwiżizzjonijiet li saru bejn l-1971 u l-1987 huwa ta’ 7,834, fil-lokalitajiet imsemmija fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Din l-informazzjoni ġiet meħuda minn rekords li kienu miżmuma mid-Dipartiment tal-Akkomodazzjoni Soċjali, Block C, Floriana.

Installazzjonijiet ta’ liftijiet ġodda

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 22513 u ċjoè: Fid-dawl li fil-Baġit ta’ din is-sena hemm li ser isiru installazzjonijiet ta’ liftijiet ġodda għal spiża ta’ €2 miljuni, jista’ l-Ministru jgħid jekk għal dawn ix-xogħlijiet hux ser ikun hemm sejħa għal tender jew inkella direct order?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tad-Djar wettqet offerta pubblika u, b’riżultat ta’ din, fil-preżent għandha Ftehim ta’ Qafas ma’ numru ta’ kuntratturi b’rati miftiehma biex ikunu jistgħu jagħmlu dawn ix-xogħlijiet.

Ħal Qormi – Żona ta’ Farsina – Nutara

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 23865 u jgħid għaliex fil-kuntratti tal-akkwist tal-HOS plots daparti tal-Gvern (bħal f’Ta’ Farsina) fl-aħħar xhur intużaw is-servizzi notarili tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament taħt il-vesti ta’ “Nutar tal-Gvern”? Jista’ jgħid ukoll kif intgħażel dan l-individwu u kif intgħażlu n-nutara li mhumiex impjegati tal-Gvern biex jagħmlu xogħol bħal dan u x’inhi r-rata tal-ħlas?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Contracting Authority tippubblika din l-informazzjoni fuq il-Gazzetta tal-Gvern għal kull procurement li jsir għal kull perjodu ta’ sitt xhur, skont ir-Regolament 111(2) tal-Public Procurement Regulations.

PA /07295/24 u PA 07490/24 — Ftehim

Question

Jista’ l-Minsitru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 23326 u ċjoè: In vista tal-applikazzjonijiet ta’ żvilupp, PA/07295/24 u PA/07490/24, ta’ Istitut - f'Ta’ Ġiorni, li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, jista’ l-Ministru jipprovdi kopja tal-kuntratt ta’ trasferiment mill-Gvern Malti lill-Gvern Libjan fl-1976 u kwalunkwe emenda li saret lill-istess kuntratt tul iż-żmien? Jista’ wkoll jipprovdi kopja ta’ kwalunkwe ftehim dwar is-sit, inklużi dawk tal-2013 fejn il-Gvern Libjan intrabat li jinvesti 22.4 miljun Ewro fi żvilupp tas-sit għal studenti internazzjonali?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratti tal-1976 u tal-1979. Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi lill-Ministeru kkonċernat għall-kumplament tal-mistoqsija.

MICAS — Mużew tal-Arti Kontemporanja - Ftuħ ta’ esebizzjoni

Question

Jista’ l-Minsitru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 22509, 23296 u 23870 u jgħid kemm ħallset il-Malta International Contemporary Arts Space (MICAS) lill-artist barrani għal ftuħ ta’ esebizzjoni tal-Mużew tal-Arti Kontemporanja?

Response (BONNICI, OWEN)

Qabel xejn irrid ngħid li l-eżebizzjoni ta' Joana Vasconcelos fil-MICAS, li ħabtet mal-ftuħ ta' dan l-ispazju tant sabiħ, attirat interess kbir kemm lokalment u kif ukoll internazzjonalment. Vasconcelos hi artista ta' fama mondjali u l-preżenza artistika tagħha għamlet ħafna u ħafna ġid. Uħud mill-ogħla awtoritajiet Maltin u anke Ewropej żaru din il-wirja u kellhom kliem kbir ta' tifħir għall-isforzi li saru biex pajjiżna jitpoġġa fuq il-mappa tal-arti kontemporanja. Persważ li ħadd mill-Oppożizzjoni ma qed jissuġġerixxi biex artisti tal-fama ta' Vasconcelos ma jkunux preżenti fit-tessut artistiku u kulturali Malti. Intant, ninsab infurmat li l-ispejjeż in konnessjoni ma' dak li qed niġi mistoqsi dwaru kienu s-segwenti: • Disinn, ippjanar u ġestjoni tal-proġett: €25,000.00 • Ħlas tal-artist, inklużi d-drittijiet tal-immaġni, il-preżenza tagħha u l-kontribut personali għall-inizjattivi kollha tal-midja, komunikazzjoni u promozzjonali: €100,000.00 • Produzzjoni tal-wirja: €186,545.00 • Installazzjoni ta’ xogħlijiet ta’ l-arti: €32,445.00 • Ftuħ tal-wirja: €22,235.00 • Żarmar ta’ xogħlijiet ta’ l-arti: €13,775.00

San Ġwann — Pjazza Awrikarja - Xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23288 fejn intqal li x-xogħlijiet fil-Pjazza Awrikarja ġewwa San Ġwann kienu sejrin jibdew fil-ġranet li ġejjin u din it-tweġiba kienet mogħtija fi 26 ta’ Novembru, 2024, jista’ l-Ministru jagħti update ta’ fejn waslu dawn ix-xogħlijiet?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kuntrattur jinsab fil-proċess li jibda l-mobilizzazzjoni u jottjenti l-approvazzjonijet neċessarji mill-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni.

50 sena mill-kisba tar-Repubblika — Ċelebrazzjonijiet - Nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jagħti break down, item item, tan-nefqa kollha biex kien iċċelebrat il-50 sena mill-kisba tar-Repubblika? Jista’ jgħid ukoll jekk inħarġux tenders għal dawn l-attivitajiet u jekk iva, meta u min kienu?

Response (BONNICI, OWEN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar.

PA 07545/23 — Imwejjed u siġġijiet

Question

B’referenza għall-applikazzjoni PA 07545/23 biex ikun hemm imwejjed u siġġijiet fuq ix-xatt tas-sajjieda ġewwa San Ġiljan, fejn din l-applikazzjoni ġiet aċċettata u b’referenza għal Bylaw K.L>B.L 52/2/2008 li tgħid li din iż-żona hija riservata għas-sajjieda u l-inġenji tagħhom, jista’ l-Ministru jgħid kif din l-applikazzjoni ġiet approvata?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-deċiżjoni tal-Bord tinsab disponibbli għall-pubbliku fuq il-website tal-Awtorità tal-Ippjanar https://www.pa.org.mt, qed inpoġġi kopja tagħha fuq il-Mejda tal-Kamra.