Legislature:
Category:
Reset
Active:

San Ġwann — Żona Industrijali - Ilmenti ta’ irwejjaħ ta’ ikel

Question

B’referenza għall-irwejjaħ tal-ikel tal-annimali li ġejjin minn fejn hemm il-fabbriki fiż-Żona Industrijali ta’ San Ġwann, jista’ l-Ministru jgħid jekk id-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika ħax passi biex jara jekk dawn l-irwejjaħ humiex ta’ ħsara għar-residenti?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dak mitlub mhuwix fil-kompetenza tad-direttorat msemmi mill-interpellant, għaldaqstant nitolbu jirreferi il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

AIMS — CEO

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kinitx ħarġet sejħa għal CEO tal-Awtorità dwar l-Integrità fl-Isport Malta (AIMS) f'Diċembru 2024 u jekk le, fuq liema kriterji ntgħażel is-CEO kurrenti? Jista’ wkoll iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra s-CV bil-kisbiet akkademiċi ta' dan is-CEO?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Infurmat li ser toħroġ sejħa għall-pożizzjoni ta’ CEO.

Art li hi proprjetà tal-Gvern Libjan — Ftehim

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 23871 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim li bih il-Gvern Malti kien għadda l-art/skola (ex Teacher Training Centre) ġewwa Ta’ Ġiorni, f’San Ġiljan lill-Gvern Libjan?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 24555.

PA /07295/24 u PA 07490/24 — Ftehim

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 23326 u 24001 u ċjoè: In vista tal-applikazzjonijiet ta’ żvilupp, PA/07295/24 u PA/07490/24, ta’ Istitut - f'Ta’ Ġiorni, li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, jista’ l-Ministru jipprovdi kopja tal-kuntratt ta’ trasferiment mill-Gvern Malti lill-Gvern Libjan fl-1976 u kwalunkwe emenda li saret lill-istess kuntratt tul iż-żmien? Jista’ wkoll jipprovdi kopja ta’ kwalunkwe ftehim dwar is-sit, inklużi dawk tal-2013 fejn il-Gvern Libjan intrabat li jinvesti 22.4 miljun Ewro fi żvilupp tas-sit għal studenti internazzjonali?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 24555.

Citizenship-by-Investment

Question

To ask the Prime Minister, with reference to the Citizenship-by-Investment in Malta: i. How many passports have been issued under this scheme? ii. What is the total value generated by this scheme? iii. What is the present value of the funds under this scheme? iv. If the present value of the funds is less than the total value generated by this scheme, what is the difference?

Response (ABELA, ROBERT)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

50 sena mill-kisba tal-Indipendenza u 50 sena mill-kisba tar-Repubblika — Ċelebrazzjonijiet - Nefqa

Question

B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 24119, 24559, 25115 u 25616, jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa tal-Gvern Malti fl-2014 meta Malta ċċelebrat 50 sena mill-Indipendenza u kemm kienet in-nefqa totali tal-Gvern Malti fl-2024 biex ġiet iċċelebrata 50 sena mir-Republika u jagħti l-informazzjoni f’żewġ ċifri totali ta’ nefqa?

Response (BONNICI, OWEN)

Nissuġerixxi lill-Onor. Interpellant ikun aktar attent għaliex il-mistoqsija tiegħu diġa' ġiet imwieġba f'domandi Parlamentari nru 25115 u 25323 li għamel il-kollega tiegħu.

Baħar iċ-Ċagħaq — Coast Road - Permessi għall-karavans

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inħarġu permessi għall-karavans tul il-Coast Road f’Baħar iċ-Ċagħaq minn Mejju 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b’xahar? Jista’ jgħid illum kemm hemm permessi maħruġa? Jista’ jgħid ukoll kemm saru spezzjonijiet biex jaraw li hemm sidien li għandhom il-permessi meħtieġa?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mid-Diviżjoni għall-Gvern Lokali li skond il-leġiżlazzjoni sussidjarja 363.239, mal-applikazzjoni għat-tqegħid tempoanju ta’ caravans, tkun inkluża l-lokalità iżda ma tinġabarx informazzjoni dwar it-triq. Għaldaqstant it-tagħrif mitlub mhux disponibbli. Dwar numru ta’ spezzjonijiet, nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Promenade minn San Ġiljan sal-Gżira — Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema xogħlijiet saru fuq il-promenade minn San Ġiljan sal-Gżira matul l-2024 u kemm kienet in-nefqa? Fid-dawl li dan il-promenade jibda minn San Ġiljan, ikompli Tas-Sliema u jispiċċa l-Gżira, jista’ jaqsam din l-informazzjoni lokalità b'lokalità?

Response (BONETT, CHRIS)

L-informazzjoni tingħata f'seduta oħra.

San Ġwann — Proġett

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25613, fejn intqal ‘kif ukoll minħabba proġett ieħor li ser jibda ġewwa San Ġwann stess.’, jista’ l-Ministru jindika x’inhu dan il-proġett u jagħti timeframe meta dan il-proġett ser jibda?

Response (BONETT, CHRIS)

L-informazzjoni tingħata f'seduta oħra.

Riżenja ta’ Individwu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk talabx ir-riżenja tal-individwu li l-informazzjoni dwaru qiegħda tintbagħat separatament? Jekk għadu ma talabx għar-riżenja, jista’ jgħid x’passi ser jittieħdu? Jista’ jgħid ukoll jekk l-individwu nnifsu talabx għar-riżenja?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor.Interpellant li diġa tajt kummenti pubbliċi dwar dan il-każ.

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar — Bird ringer

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 23878 u jgħid jekk il-Ministeru tiegħu ingaġġax bird ringer Irlandiż sabiex joffri servizzi ta’ riċerka waqt id-deroga preżenti fuq l-għasafar tal-għana? Jekk dan hu minnu, jista’ jgħid kif intgħażel u tqabbad dan l-individwu? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt magħmul ma’ dan l-individwu, inkluż dettalji dwar ħlas u arranġamenti oħra maqbula?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-Taqsima għar-Regolamentazzjoni tal-Għasafar Selvaġġi kkummissjonat is-servizz ta’ bird ringer wara li mill-2022, darbtejn kull sena, it-Taqsima għar-Regolamentazzjoni tal-Għasafar Selvaġġi ħarġet sejħiet għal tender għal tali servizz iżda qatt ma ġew sottomessi offerti.

Sewqan taħt l-effett tal-marijuana

Question

B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 24561 u 25292, jista’ l-Ministru jgħid kemm saru spot checks jew kemm persuni twaqqfu mill-pulizija li nqabdu jsuqu taħt l-effett tal-marijuana matul il-perjodu indikat fl-istess mistoqsijiet?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għall-mistoqsija parlamentari 25292.

Paceville — Installazzjoni ta’ 24/7 CCTV cameras

Question

Jista’ l-Ministru jindika l-istat attwali tal-implimentazzjoni tal-pjan li jinkludi l-installazzjoni ta’ 24/7 CCTV cameras biex jitnaqqas l-abbuż f’Paceville mħabbar aktar minn sena ilu, kif imsemmi fil-Budget 2024 “L-Aġenzija LESA ser tinvesti fi proġetti teknoloġiċi, inkluż bl-użu ta’ cameras imqabbdin mal-control room tal-aġenzija u l-Korp tal-Pulizija, sabiex iservu mhux biss ta’ deterrent iżda wkoll ta’ azzjoni kontra l-abbuż u l-azzjonijiet kriminali. L-ewwel proġetti ser ikunu fil-lokalitajiet ta’ San Ġiljan (inkluż Paceville), San Pawl il-Baħar (inkluż Buġibba u l-Qawra), il-Marsa u Raħal Ġdid”? F’każ li dan għadu ma ġiex implimentat, jista’ jagħti spjegazzjoni għaliex?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li fl-aħħar xhur sar ix-xogħol preparatorju biex dan il-proġett jiġi implimentat. Fost dan kien hemm laqgħat ma’ stakeholders mil-lokalitajiet imsemmija, biex wara dawn il-laqgħat kienu mfassla d-dettalji tal-proġett u r-rekwiżiti b’rabta mas-sejħiet għall-offerti. Fix-xhur li għaddew ġew konklużi wkoll il-kuntratti mal-fornituri tas-servizzi involuti u fil-preżent għaddej ix-xogħol meħtieġ fil-bini tal-aġenzija fejn qed issir control room ġdida li ser sservi għal dan il-għan. Sar ukoll ix-xogħol meħtieġ b’rabta mat-tħejjija tar-riżorsa umana li jkollok bżonn biex proġett bħal dan jaħdem b’mod effettiv. F’San Ġiljan ix-xogħol huwa avvanzat u huwa maħsub li l-cameras ta’ Paceville jibdew jitwaħħlu fil-ġimgħat li ġejjin bil-proġett tal-moniteraġġ f’din il-lokalità pjanat li jkun lest u jopera fl-intier tiegħu fix-xhur li ġejjin. Diġà sar ukoll xi xogħol infrastrutturali preparatorju. Dan filwaqt li jkompli x-xogħol fuq il-lokalitajiet l-oħra.

Hip replacements u knee replacements — Lista ta’ stennija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni fuq il-lista ta’ stennija għal hip replacement u kemm hemm għal knee replacement? Jista’ jgħid ukoll kemm ilha l-aktar talba ta’ stennija?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.

San Ġwann — Triq Bella Vista - Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 24550 u jgħid meta ser jitkomplew ix-xogħlijiet fi Triq Bella Vista, f’San Ġwann fid-dawl li għalkemm saru xi xogħlijiet, partijiet minn din it-triq għadhom ma sarux?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lil Onor. Interpellant illi x-xogħlijiet fi Triq Bella Vista f’San Ġwann ġew temporanjament imwaqqfa peress li din it-triq qed tintuża bħala devjazzjoni prinċipali, kemm minħabba l-proġett tal-Msida, kif ukoll minħabba proġett ieħor li ser jibda ġewwa San Ġwann stess. Għaldaqstant huwa għaqli li ma jsirux ix-xogħlijiet bħalissa, minħabba l-influss ta’ karozzi li qed jużaw din id-devjazzjoni bħala triq alternattiva. Barra minn hekk, Infrastructure Malta ngħatat l-inkarigu li twettaq xogħlijiet temporanji ta’ tiswija ta’ ħofor u tiswijiet fuq tappieri eżistenti, fil-parti tan-nofs ta’ din it-triq. Dan qed isir wara talba għall-għajnuna mill-Kunsill Lokali, peress li t-triq taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-istess Kunsill. Madankollu, ninsab infurmat li xogħlijiet ta’ tiswija temporanji diġà twettqu fil-jiem li għaddew.

San Ġwann — Triq Bella Vista - Railings tal-ħadid biswit il-kappella

Question

Fid-dawl li waqt xogħlijiet li kienu saru mill-kuntrattur tal-Waterservices fi Triq Bella Vista f’San Ġwann, il-kuntrattur neħħa r-railings tal-ħadid li hemm biswit il-kappella li tintuża bħala mużew għat-tfal, tista’ l-Ministru tgħid għaliex dan ir-railing għadu ma tpoġġix lura peress li qed jikkawża periklu għat-tfal li jkunu ħerġin mill-mużew?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li x-xogħlijiet li qed issir referenza għalihom waslu fil-fażi finali u għaldaqstant, kif jitlestew, ir-railings jerġgħu jiġu installati fejn kienu mill-kuntrattur.

Dikjarazzjonijiet tal-Gvern Amerikan fuq Gaza u l-poplu Palestinjan

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid x’inhi l-pożizzjoni uffiċjali tal-Gvern Malti fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet tal-Gvern Amerikan fuq Gaza u l-poplu Palestinjan?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi Malta dejjem kienet ċara fid-dikjarazzjonijet tagħha li l-uniku mod biex tintemm it-tbatija fir-reġjun huwa li jkun hemm paċi bbażata fuq is-Soluzzjoni ta’ Żewġ Stati tul il-fruntieri tal-1967, li tindirizza l-aspirazzjonijiet leġittimi kemm ta’ Iżrael kif ukoll tal-Palestina, b’Ġerusalemm bħala l-kapitali futura ta’ żewġ stati li jgħixu spalla ma’ spalla fil-paċi u s-sigurtà, f’konformità mar-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurta’ tan-Nazzjonijiet Magħquda u r-riżoluzzjonijiet miftiehma internazzjonalment.

50 sena mill-kisba tar-Repubblika — Ċelebrazzjonijiet - Nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 24559 u jagħti break down, item item, tan-nefqa kollha biex kien iċċelebrat il-50 sena mill-kisba tar-Repubblika? Jista’ jgħid ukoll jekk inħarġux tenders għal dawn l-attivitajiet u jekk iva, meta u min kienu?

Response (BONNICI, OWEN)

Kif diġà spjegat fit-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 24119 u 25115, ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Fondazzjoni Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali permezz ta’ Festivals Malta ħarġet Design Contest skont il-proċedura uffiċjali li għaddiet mid-Dipartiment tal-Kuntratti, b’rabta mal-avveniment nazzjonali prinċipali biex jimmarkja il-50 anniversarju minn meta Malta saret Repubblika u kwalunkwe akkwist pubbliku ieħor sar skont il-parametri tar-Regolamenti tal-Akkwist Pubbliku.

Sptar Mater Dei — Costings

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm tiswa l-konsulenza għall-Costings tas-servizzi tal-Isptar Mater Dei għal kull sena? Jista’ jgħid ukoll jekk tistax tinħareġ tender sabiex ikun hemm iktar konkorrenza u kompetizzjoni?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.

Sptar Mater Dei — Costings - Konsulenzi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm tħallset id-ditta u/jew individwu għall-konsulenza dwar il-Costings tas-servizzi tal-Isptar Mater Dei f’dawn l-aħħar ħames snin, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll kif jinqasam il-ħlas bejn id-dipartimenti u l-entitajiet?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.