Legislature:
Category:
Reset
Active:

Diskussjonijiet dwar art

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10821, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern daħalx, jew jekk jinsabx f’diskussjonijiet sabiex jidħol f’arranġament mal-privat sabiex l-art immarkata b’linji blu fuq il-pjanta li qed tintbagħat separatament, tinbiegħ jew tingħata b’titolu legali ieħor lill-privat? Jekk huwa l-każ, jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-arranġamenti li saru jew li jinsabu fil-proċess li jsiru, u jidentifika l-kumpaniji jew individwi privati li huma parti minn dawn l-arranġamenti jew diskussjonijiet?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u risposta tingħata f'seduta oħra.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin - Priġunieri - Ilmenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx possibbiltà li l-priġunieri jwasslu l-ilmenti tagħhom lil xi persuna fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin? Jekk iva, min hija din il-persuna, x’inhu l-irwol tagħha u xi kwalifiċi għandha? Jista’ jgħid ukoll jekk hemmx xi ħsieb li l-ilmenti ta’ dawn il-priġunieri jitwasslu quddiem bord indipendenti biex b’hekk l-ilmenti ġustifikati tagħhom jingħataw attenzjoni?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li l-persuni residenti fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin għandhom diversi mezzi disponibbli sabiex jikkomunikaw l-ilmenti tagħhom. B’mod indipendenti mit-tmexxija tal-faċilità hemm  il-Bord ta’ Moniteraġġ hekk kif stabbilit mil-liġi, kif ukoll hemm l-uffiċċju tal-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Priġunieri li twaqqaf minn dan il-gvern fl-aħħar snin. Ir-rwol tal-Kummissarju huwa stabbilit skont is-SL 260.07 tal-Liġijiet ta’ Malta. Il-Kummissarju preżenti huwa s-Sur Steve Libreri, li ggradwa bħala ħaddiem soċjali mill-Università ta’ Malta fl-2008 u, minn dakinhar, okkupa diversi karigi fis-settur soċjali. Minbarra l-kwalifika fil-ħidma soċjali, huwa għandu wkoll Masters fil-Maniġment tar-Riżorsi Umani, kif ukoll taħriġ f’diversi modalitajiet ta’ psikoterapija, fosthom Cognitive Analytic Therapy u Cognitive Behavioural Therapy.

Masterkey għand priġunier

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk instabitx iċ-ċavetta li tiftaħ il-bibien kollha (masterkey) għand xi wieħed mill-priġunieri matul l-aħħar sena u sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jekk iva, jista’ jgħid jekk infetħitx inkjesta biex jiġi stabbilit kif din il-masterkey spiċċat għand wieħed mill-priġunieri?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat mit-tmexxija tal-Aġenzija għas-Servizzi Korettivi li fl-ebda mument ma’ kien hemm ‘masterkey’ li tiftaħ il-bibien “kollha”, kif indikat minnu fil-mistoqsija, għand xi priġunier.

Il-Vatikan - Ċelebrazzjoni tal-Ġublew - Priġunieri - Kriterji

Question

B’referenza għal vjaġġ li numru ta’ priġunieri għamlu fil-Vatikan bħala parti miċ-ċelebrazzjoni tal-Ġublew, jista’ l-Ministru jgħid fuq liema kriterji ngħtażlu dawn il-priġunieri u jekk kinux kollha b’sentenza tal-Qorti?  Jista’ jgħid ukoll b’liema kriterji ngħtażlu l-gwardjani li telgħu magħhom?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li din l-okkażjoni kienet waħda sabiħa ferm fejn l-Aġenzija għas-Servizzi Korettivi ngħaqdet f’din l-inizjattiva globali organizzata bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ġublew fejn il-priġunieri kellhom anke ċ-ċans jiltaqgħu mal-Papa. Ninsab infurmat l-l-aġenzija ħadet numru ta’ kunsiderazzjonijiet fl-għażla tagħha fosthom il-parteċipazzjoni fl-attivitajiet reliġjużi kif ukoll il-pjan ta’ kura u riabilitazzjoni. Kien hemm każi fejn kien meħtieġ li tintalab ukoll it-travel clearance tal-Qorti. Fir-rigward l-uffiċjali korettivi ninsab infurmat li l-għażla saret mit-tmexxija tal-aġenzija, li bħal f’kull każ għandha r-responsabbiltà li tassenja r-responsabbiltajiet tal-ħaddiema tagħha.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ priġunieri li ppruvaw jaħarbu mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, mill-2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u x’passi ttieħdu għal dawk li nqabdu jippruvaw jagħmlu dan? Jista’ wkoll jagħti lista tal-passi li ttieħdu?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li mill-2025 sal-lum, ma kien hemm l-ebda każ ta’ persuna li ppruvat taħrab mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Residenzi mmexxija minn Aġenzija Sapport

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 34551 dwar ir-residenzi mmexxija minn Aġenzija Sapport, tista’ l-Ministru tgħid f’liema belt u raħal jinsabu dawn ir-residenzi?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-residenzi jinsabu f’dawn il-lokalitajiet: Bormla, il-Fgura, Kirkop, Birżebbuġa, Ħaż-Żabbar, Pembroke, ir-Rabat (Għawdex), l-Imtarfa u s-Siġġiewi.

Aġenzija Sapport - Support Workers li jitkellmu bil-lingwa Maltija

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 34571, tista’ l-Ministru tassigura li f’kull xift, kemm ta’ billejl kif ukoll ta’ binhar, ikun hemm dejjem support worker li jitkellem bil-lingwa Maltija?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Aġenzija Sapport, kemm jista’ jkun, torganizza x‑xiftijiet fis‑servizzi residenzjali tagħha b’mod li jkun hemm minn tal‑inqas ħaddiem wieħed li jitkellem bil‑lingwa Maltija matul kull xift, kemm ta’ binhar kif ukoll ta’ billejl. Isiru wkoll sforzi kontinwi sabiex jiġu evitati sitwazzjonijiet fejn ikun hemm ħaddiem li ma jitkellimx bil‑Malti waħdu waqt xift. L‑Aġenzija qed tinvesti fit‑taħriġ tal‑impjegati li mhumiex Maltin billi toffrilhom korsijiet fil‑lingwa Maltija, bl‑għan li jsaħħu l‑ħiliet lingwistiċi tagħhom u b’hekk ikunu jistgħu jirrispondu aħjar u b’mod aktar effettiv għall‑bżonnijiet tal‑klijenti. Barra minn hekk, it‑timijiet tat‑tmexxija fis‑servizzi residenzjali huma magħmulin minn professjonisti li jitkellmu bil‑Malti u li jassistu skont il‑bżonn. Barra l‑ħinijiet tal‑uffiċċju, is‑servizz residenzjali jopera sistema ta’ on‑call fejn il‑professjonisti u s‑senior support workers li jkunu on‑call jitkellmu bil‑Malti, u għalhekk f’każ ta’ bżonn, l‑impjegati jistgħu dejjem jirrikorru għall‑appoġġ tagħhom.

Aġenzija Sapport - Support Workers - Każijiet ta’ dixxiplina

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 34573, fejn intqal li nħarġu 50 twissija f’sena waħda biss, tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx limitu sakemm wieħed jista’ jkollu twissijiet qabel ma jittieħdu passi dixxiplinarji?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-proċedura hija li wara li individwu jirċievi tliet "warnings" f’sena relatati man-nuqqasijiet minuri, ir-raba’ nuqqas fl-istess sena jiġi meqjus bħala nuqqas maġġuri, u għaldaqstant tittieħed deċiżjoni f’dan ir-rigward minn Bord Dixxiplinarju.

Aġenzija Sapport - Każijiet ta’ dixxiplina - Proċeduri dixxiplinarji

Question

B'referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 34573 u 34574, fejn intqal li informazzjoni fuq proċeduri dixxiplinarji ma jinżammux għal iktar minn sena, tista’ l-Ministru tgħid jekk l-informazzjoni tibqax fil-file tal-impjegat u kemm din l-informazzjoni ddum fl-istess file?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-twissija bil-miktub titneħħa mill-file tal-individwu wara sena mid-data tal-ħruġ tagħha.

Ministeru/Dipartiment tas-Saħħa - Pagamenti lil konsulenti finanzjarji mingħajr dokumentazzjoni ta’ konferma tax-xogħol li suppost twettaq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk għal numru ta’ snin sarux diversi pagamenti lil konsulent/i finanzjarji tal-Ministeru/Dipartiment tas-Saħħa mingħajr ma ġew prodotti dokumenti ta’ konferma tax-xogħol li suppost twettaq?  Jista’ jgħid ukoll kemm kienu l-ammonti u x’passi qed jittieħdu biex il-każ jiġi investigat ?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li t-tweġiba hi fin-negattiv.

Declared Income

Question

To ask the Minister, how many of the 56,000 taxpayers in 2024 who declared an income between €20,000 and €150,000, declared an income between: i.    €20,000 and €50,000; ii.   €50,000 and €100,000, and iii.  €100,001 to €150,000?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jiċċara l-mistoqsija tiegħu.

Proprjetajiet - Spezzjonijiet għal under declaration

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 32888, 33161 u 33695 u jgħid kemm saru spezzjonijiet fuq proprjetajiet li nxtraw biex jaraw li ma kienx hemm under declaration mill-2020 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Kemm kien hemm persuni li nstabu li kellhom under declaration u li ma jirriflettix il-piż attwali matul l-istess perjodu?  Jista’ jgħid ukoll kemm inġabru taxxi b’dan il-mod matul l-istess perjodu?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba hi skond it-tabella hawn taħt: Sena Numru ta' Spezzjonijiet Numru ta' Kontijiet Taxxi Miġbura 2020 4,957 2100 €1,267,574.92 2021 5,749 2768 €1,431,495.01 2022 6,639 3069 €2,033,861.67 2023 4,162 2882 €3,043,785.11 2024 3,243 1857 €2,131,658.58 2025        (sa 30.11.25) 4,091 2013 €2,725,238.55

Port il-Kbir - Floating Party - Liċenzja ta’ ‘trade’

Question

B’referenza għall-floating party island li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, u li bħalissa tinsab sorġuta fil-Port il-Kbir, jista’ l-Ministru jgħid jekk inħarġitx liċenzja ta’ ‘trade’ għal din l-attività? Jekk iva, jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista tal-kundizzjonijiet marbuta ma’ din il-liċenzja?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma l-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Port il-Kbir - Floating Party - Awtorità tal-Ippjanar - Permessi

Question

B’referenza għall-floating party island li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, u li bħalissa tinsab sorġuta fil-Port il-Kbir, jista’ l-Ministru jgħid jekk din iċ-ċatra li fuqha qed jopera ‘club’, għandhiex bżonn xi permessi mill-Awtorità tal-Ippjanar u jekk iva, liema huma? Jista’ jgħid ukoll kienx hemm applikazzjonijiet f’dan ir-rigward?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorita’ tal-Ippjanar m’għandiex applikazzjoni tal-iżvilupp għall-floating party island. Minħabba l-fatt li ma għandniex dettalji ta’ din l-opra tal-baħar (mill-aspett ta’ struttura u kif ukoll kif topera), l-Awtorita’ tal-Ippjannar ma tistax tgħid jekk din għandiex bżonn permess tal-iżvilupp.

Port il-Kbir - Floating Party - Impatt ambjentali

Question

B’referenza għall-floating party island li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, u li bħalissa tinsab sorġuta fil-Port il-Kbir, tista’ l-Ministru tgħid jekk saritx talba mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) dwar l-impatt ambjentali li din l-attività jista’ jkollha fuq l-ambjent/baħar?

Response (DALLI, MIRIAM)

Infurmata li t-tbaħħir u t-tħaddim ta’ bastimenti mhux soġġett għal awtorizzazzjoni tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi.

Port il-Kbir - Floating Party - Liċenzja

Question

B’referenza għall-floating party island li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, u li bħalissa tinsab sorġuta fil-Port il-Kbir, jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ liċenzja hija meħtieġa għal din iċ-ċatra/inġenju tal-baħar?

Response (BONETT, CHRIS)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 34862.

Port il-Kbir - Floating Party - Permessi

Question

B’referenza għall-floating party island li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, li bħalissa tinsab sorġuta fil-Port il-Kbir, jista’ l-Ministru jgħid jekk inħarġux il-permessi meħtieġa għal din it-tip ta’ attività fuq il-baħar? Jista’ jgħid ukoll x’passi ser jittieħdu fir-rigward tal-istorbju li din l-attività toħloq?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-pontun imsemmi huwa konformi mal-proċeduri skont in- Non-Convention Vessel (NVC) Code u l- Commercial Vessel Regulations biex jikseb NVC Certificate li jippermetti li jopera kummerċjalment skont il-liġijiet ta’ Malta. Il-pontun, bħall-bastimenti kummerċjali kollha, se jkollu jikkonforma man-Notifiki relatati maħruġa minn Transport Malta.

Tas-Sliema – Triq Graham

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokument maħruġ mill-perit li jiċċertifika li x-xogħlijiet kollha li saru dan l-aħħar fi Triq Graham f’Tas-Sliema, saru sewwa u skont il-ftehim?

Response (BONETT, CHRIS)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Żviluppi high-rise – Policy dwar ħarsien minn terremoti

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11863 dwar jekk teżistix policy jew jekk hemmx xi ħsieb li jkun hemm policy biex l-iżviluppi high-rise jkunu mħarsa minn terremoti, fejn il-Ministru preċedenti wieġeb li “Il-pjan hu li titfassal policy fiż-żmien li ġej.”, jista’ l-Ministru jgħid fiex waslet din il-policy u meta ser titħabbar?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li risposta tingħata f'seduta oħra.

Żviluppi high-rise – Policy dwar ħarsien mill-irwiefen

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx policy fi ħdan l-Awtorità tal-Ippjanar sabiex high-rise buildings jinbnew biex jifilħu għall-irwiefen, bħall-gale-force winds li kellna dan l-aħħar?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-applikazzjonijiet ta’ bini high rise , li jiġi assessjat skont il-policy “A Planning Policy Guide on the Use and Applicability Of the Floor Area Ratio (FAR)” tal-2014, tesiġi li jintbagħat rapport ta’ wind analysis minn engineer responsabbli.  Dan ir-rapport barra li jiċċertifika li l-qawwa tar-riħ ikun wieħed adekwat għan-nies in ġenerali, jintuża mill-istructural engineer u dawk li jissuplixxu l-materjali għall-binja, li fittings u fixtures jilħqu standard meħtieġ.  Perjodikament irid isir maintenance checks u din hija r-responsabbilta’ tas-sid.