Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li huma pensjonanti llum? Kemm minnhom jaħdmu?
Response (DALLI, JOHN)
Ninsab infurmat li l-numru ta' persuni li llum qed jirċievu l-pensjoni ta' l-Irtirar u l-pensjoni tar-Romol, imħallsa taħt l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali, jammonta għal 62,011 u, skond ir-rekords tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ, 8,694 minnhom għadhom jaħdmu.
Jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdu persuni jaħdmu b'mod illegali din is-sena? Kemm minn dawn kienu immigranti llegali?
Response (DALLI, JOHN)
Ninsab infurmat li n-numru totali ta’ dawk li nqabdu jaħdmu illegalment din is-sena sa l-aħħar ta’ Awwissu kien 1,257.
Ninsab infurmat ukoll li ma tinżammx statistika kif mitluba fl-aħħar parti tal-Mistoqsija.
Jista' l-Ministru jgħid kemm weġġgħu persuni fuq ix-xogħol din is-sena? Kemm minn dawn kienu barranin?
Response (DALLI, JOHN)
Ninsab infurmat li n-numru ta' persuni li għamlu talba għal Benefiċċju tal-Korriment, imħallas taħt l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali, bejn Jannar u Awwissu 2008, kien ta' 2,685 u li minn dan in-numru 61 kienu persuni ta' nazzjonalita' barranija.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern huwiex lest jikkonsidra li jdaħħal il-kunċett ta' curfew għat-tfal ġo areas ta' divertiment bħalma ddaħħal ġo pajjiżi oħra?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Il-materja indikata mill-Onorevoli Interpellant m'hix responsabbilita' ta' dan il-Ministeru. Għadaqstant nitolbu jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdu tfal jixorbu alkoħol is-sena l-oħra u din is-sena?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi s-sena l-oħra kien hemm 9 żgħażagħ taħt l-eta' li nqabdu li kellhom l-alkoħol fil-pussess tagħhom, filwaqt li sa l-aħħar ta' Lulju ta' din is-sena inqabdu 11.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni l-ħabs illum? Kemm huma nisa u kemm irġiel? X'eta' għandhom? Kemm huma Maltin? Kemm minnhom huma sentenzjati?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi sal-11 ta' Settembru 2008, kien hemm 426 persuna ġewwa l-Faċilta' Korrettiva ta' Kordin. Minn dawn 407 huma irġiel u 19 nisa. L-eta' ta' l-irġiel tvarja bejn l-14 u l-71 sena, filwaqt li fil-każ tan-nisa l-eta' hija ta' bejn il-15 u s-60 sena. Ninsab infurmat ukoll li n-numru ta' Maltin huwa ta' 286, li minnhom hemm 228 sentenzjati.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm każi quddiem il-PSC illum? Minn liema dipartiment huma u għaliex?
Response (GONZI, LAWRENCE)
In-numru ta’ każijiet ta’ dixxiplina quddiem il-PSC, sa l-10 ta’ Lulju 2008, huwa kif ġej:
3 mid-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni,
2 mid-Dipartiment tal-Pulizija,
2 mill-Ministeru tar-Riżorsi u Affarijiet Rurali,
1 mid-Diviżjoni tas-Saħħa,
1 mid-Dipartiment tal-Librerija,
1 mill-Qorti,
1 mill-Uffiċċju tal-President
Ir-raġunijiet għalfejn dawn il-każijiet huma pendenti, huma kif ġej:
· Dwar tnejn minnhom il-kummissjoni bagħtet ir-rakkomandazzjoni tagħha għall-approvazzjoni tal-Prim Ministru.
· Dwar tlieta minnhom l-uffiċċjali konċernati kellhom aktar minn każ wieħed u l-Kummissjoni qed tistenna d-deċiżjoni dwar il-każi li fadlilhom pendenti quddiem il-Qorti.
· Dwar erbgħa minnhom qegħdin fuq l-Aġenda tal-Kummissjoni biex tittieħed deċiżjoni dwarhom.
· Dwar każ ieħor il-Kummissjoni qed tistenna r-rappreżentazzjonijiet bil-miktub mill-uffiċjal konċernat.
· Dwar każ ieħor il-Kummissjoni qed tistenna d-deċiżjoni tal-Kunsill Mediku dwar l-Uffiċjal konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ittellgħu persuni il-Qorti fuq każi ta' pedofilija din is-sena u x'weħlu f'kull każ?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi sa l-aħħar ta' Lulju ta' din is-sena, tressqu 19 il-persuna quddiem il-Qorti fuq akkużi ta' abbuż sesswali fuq minorenni, liema każijiet għadhom kollha pendenti.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni u/jew ażjendi kummerċjali li għandhom kontijiet pendenti mal-WSC u/jew l-Enemalta din is-sena? Din is-sena kemm kien in-numru ta' familji u ażjendi li kellhom is-servizz ta' l-ilma u d-dawl maqtugħ minħabba li waqgħu lura fil-ħlasijiet?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra
In vista tal-fatt li Malta għandha l-aktar persentaġġ ta' tfal bejn il-11u 16-il sena li qed jgħixu ġo single parent families meta kkomparat mal-kumplament ta' l-Ewropa, jista' l-Ministru jgħid x'passi qed jieħu il-Gvern biex il-familja tradizzjonali Maltija tissaħħaħ?
Response (DALLI, JOHN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jindika l-istatistika uffiċjali li fuqha qed jibbaża l-premessa tiegħu.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn tfal li qed jgħixu ġo single parent families illum għaliex il-familja hija single parent? Jiġifieri kemm minn dawn huma single mothers, kemm ma' omm jew missier armel/armla, separat/separata jew divorzjat/divorzjata?
Response (DALLI, JOHN)
Ninsab infurmat li, skond ir-rekords ta’ persuni li qed jirċievu xi tip ta’ Għajnuna Soċjali, it-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm twieldu trabi lil single mothers is-sena l-oħra u din is-sena u minn liema lokalita' kienu?
Response (DALLI, JOHN)
Informat li bejn l-ewwel ta’ Jannar tas-sena 2007 u l-aħħar ta’ Marzu tas-sena 2008 ġew irreġistrati li twieldu total ta’ 1,116 tarbija minn ommijiet rapportati bħala “single”.
Ser inpoġġi tabella fuq il-Mejda tal-Kamra li turi l-lokalitajiet ta’ dawn it-trabi.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern hux se jirrikonoxxi lill-President il-ġdid taż-Żimbabwe bħala wieħed legittimu?
Response (BORG, TONIO)
Il-Gvern Malti jħoss li s-sitwazzjoni politika preżenti fiż-Żimbabwe ma tippermettix r-rikonoxximent tal-President il-ġdid taż-Żimbabwe bħala wieħed leġittimu.
Malta toppoġġja bis-sħih id-Dikjarazzjoni tal-Presidenza ta' l-Unjoni Ewropea ta' l-4 ta' Lulju li tisħaq li l-Unjoni tkun tista' taċċetta biss formula li jirrispetta r-rieda tal-poplu taż-Żimbabwe u li l-għan ta' kwalunkwe soluzzjoni għandha tkun li l-poplu jiġi kkonsultat mill-ġdid fuq bażi ħielsa, demokratika u trasparenti mill-aktar fis. Il-Gvern Malti jaqbel li wieħed ma jistax jaċċetta il-fait accompli ta' l-eżitu tal-vot tas-27 ta' Ġunju 2008.